25.8.24

L-AWTOKRATI

1. Huwa evidenti li d-demokraziji jridu jikkumbattu lura. Huwa ċar li min jieħu l-poter jittanta jiżżewweġ għal dejjem il-poter. Jittanta jneħħi kull sistema libera u li tirrispetta ’l-bniedem. Iġib biss dak li jaħseb u jimmaġina li jaqbel lilu. Fejn, kif huwa ċar, il-poter jikkorrompi, imma dak assolut jikkorrompi daqshekk ieħor assolutament. Ngħixu f’dinja fejn l-eżempji l-ħżiena jeżistu. Ngħixu aktar f’post fejn jekk irridu nżommu u naħdmu fid-dinjità tagħna rridu nikkumbattu. Niddikjaraw dak li huwa sewwa u ma nibqgħux lura milli ndaħħlu l-piż tagħna fil-kalatura, anki jekk jista’ jkun hemm min jipprova jċekken ħidmietna.

Il-Venezuela

2. M’hemmx dubju iktar f’dan li dak li qiegħed iseħħ f’dan il-pajjiż kbir u sabiħ huwa parti minn dan ix-xenarju. Ma nistax, taħt ebda kappa tax-xemx, nemmen li wara d-diżastri sħaħ, ekonomiċi u soċjali li għaddej minnhom, il-pajjiż kien ser jeleġġi mill-ġdid lil Nicolas Maduro (1962). Mingħajr ebda forma ta’ trasparenza, anzi bis-soltu mekkaniżmi li ilna naraw minn żmien l-Unjoni Sovjetika, insibu riżultat li jgħid li kien hemm maġġoranza favur tiegħu. Bil-ħabi kollu u bl-arroganzi varji li qed naraw iktar minn qabel, huwa bil-provi dak li ġara. L-Oppożizzjoni, immexxija minn Maria Corina Machado (1967) għandha raġun tiddikjara li rebaħ il-kandidat presidenzjali Edmundo Gonzalez Urrita (1949). Anzi aħjar, kaxkar il-vot. Minn dak li qed naraw fit-toroq, issa li l-poplu huwa iktar milli mxebbgħa, jidher ċar li Gonzalez Urrita ġieb 7 miljun vot u l-awtokrata 3 miljun. Ir-rebħa hija ċara u għandha tiġi rispettata u mwettqa.

Kundanna

3. Min jaġixxi kontra d-demokrazija ħaqqu l-kundanna. Iktar u iktar meta għandha tradizzjoni daqshekk twila f’dan il-pajjiż. Ħaqqu min jingħaqad ma’ dawk li qegħdin isofru sabiex jgħid li ma jistax ikun li dan ir-renju awtokratiku jibqa’. Fejn kull min ma jaqbilx ma’ Maduro jiġi arrestat, jew imsawwat, jew ipproċessat, jew eżiljat. Fejn l-istess Gonzalez Urrita issa qed jhedduh li jekk ma jidhirx quddiem is-suppost Qorti Kostituzzjonali ser jiġi ipproċessat fuq dispress lejha. Akkuża li ġġib magħha piena twila ta’ ħabs. Fejn numru sew iktar ta’ ġurnalisti ġew arrestati. Fejn iktar bnedmin li qed jissieltu għad-demokrazija f’pajjiżhom qed jiġu mkasbra u msikkta. Huwa żball li wieħed jaħseb li din hija ġlieda ideoloġika bejn ix-xellug u l-lemin. Hija ġlieda bejn id-dittatorjati u d-demokraziji. F’dan kien hemm konfużjoni u b’dan ir-riżultat, li mhuwiex veritier, iktar ser ikun hemm.

Qalbna magħhom

4. Sfortunatament, l-eżempji l-ħżiena jinfluwenzaw kull parti tad-dinja. Sfortunatament, hemm min jaħseb li Stat jista’ jitmexxa tajjeb mill-awtokrati. Diġà hawn nafu l-effett li kellna f’dawn l-aħħar snin. Ġarrabna f’dak li qiegħed jidher iktar ċar, ma’ kull ġurnata li tgħaddi, dak li seħħ qabel. Dak li għal diversi kien ukoll evidenti li ser iseħħ. Proprju għax ma kellniex lil min huwa konvint mid-demokrazija imma li kien konvint li dik hija biss paraventu. Dan ma ġiebx eżempji tajba ta’ tmexxija. Ġieb il-kontra ta’ dak li għadna rridu, għada pitgħada, nanalizzaw biex nifhmu x’mar ħażin u kif nistgħu nżommuh għall-futur. Kif, f’kelma waħda, għandna naqtgħu qalb kull min isir iħobb wisq il-poter tant li jrid jibqa’ mwaħħal miegħu. Iktar u iktar meta għadna ma ħriġniex mill-effetti negattivi ta’ snin ta’ propaganda u indottrinazzjoni. Snin, fejn dawk kontra jiġu denigrati, umiljati u mċekkna qishom, anzi, jsiru l-għedewwa tal-poplu.

Fil-konfużjoni

5. F’dan hemm iktar fuq hiex wieħed jirrifletti, fil-pożizzjoni xejn ċara li għandna bħalissa. Fi stat fejn il-Partit fil-Poter qiegħed jikkumbatti ferm iktar lilu nnifsu. Wisq kurrenti. Wisq interessi. Wisq twarrib ta’ bnedmin validissimi. Fejn dan ser jieħu, ma nafux. Jekk min imexxi huwiex ser jiġi issudat iktar hija ħaġa oħra. Imma l-effett, oġġettivament, m’huwa xejn pożittiv. Pajjiżna qiegħed jikkumbatti biex iżomm lilu nnifsu għaddej f’xi forma ta’ korrettezza. Fil-frattemp għaddej iż-żmien tal-leġislatura u tal-possibilità li wieħed jirriforma verament dak li hemm bżonn. Id-demokrazija f’pajjiżna trid iktar miżuri sodi. Trid iktar mekkaniżmi li jżommu dak li seħħ milli jerġa’ jirrepeti ruħu, għax huwa gravi ħafna.

It-tajjeb, u li mhuwiex


6. F’dan iktar, għax hemm il-konfużjoni ġenerali bejn min huwa tajjeb u min mhuwiex. Il-poplu jinsab jgħix f’messaġġi differenti li jingħadulu għall-iskopijiet varji ta’ min jgħidhom. Aktar u aktar dawk li jitħajru minn bnedmin li huma awtokrati, bħal Maduro. Biss, anki jekk dan huwa minnu, u s-sitwazzjoni hija diffiċli u ikkumplikata ħafna, xorta għandi fiduċja li wieħed jista’ jibdel. Il-proċess li ġġib lura d-demokrazija mhux ibbażat fuq kliem li jidher sabiħ, imma fuq miżuri konkreti. Pajjiżna għandu quddiemu triq ta’ tlett snin ħidma li għandha ssir biex il-pożizzjoni tinbidel u d-demokrazija tirbaħ lura kontra kull forma ta’ awtokrazija.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...