1. Fid-dinja, tmiss u taqra dwar diversi bnedmin fil-kwalitajit u l-abbiltajiet li għandhom jew li kellhom. Mingħajr ma trid, fost ideat oħra tagħraf li hemm tlett kategoriji distinti. Hemm dawk li kapaċi jkunu forza ta’ distruzzjoni. Ikissru li jsibu u l-abbiltà tagħhom tieqaf hemm u wara ma jkunux kapaċi jibnu mill-ġdid dak li huma stess ikunu farrku. Anzi, ma jkunux anqas kapaċi jifhmu li waqt li qed jaġixxu jkunu qed jeradikaw dak li kien hemm fix-xejn u għal xejn. Hemm ukoll kategorija ta’ dawk li mhumiex kapaċi jieħdu ebda linja u ssibhom passivi, jistennew lill-oħrajn jaġixxu mingħajr ma jafu fejn sejrin. Hemm dawk, minflok, aktar aħjar u li kapaċi jibnu. Bnedmin li jsibu ruħhom jew iridu jibnu fuq it-tifrik li jsibu ta’ oħrajn, jew li jagħrfu li jridu jibdlu dak li mhuwiex tajjeb u li mhuwiex jaħdem, jew kapaċi joħolqu mill-ġdid.
Kien hekk
2. F’dawn il-jiem ftakart f’ħidmet dan il-bniedem. Imwieled ftit ’il bgħid minna fis-26 ta’ Novembru 1871 f’Caltagirone fi Sqallija u ġie nieqes fit-8 ta’ Awissu 1959 f’Ruma. Fil-ħamsa u sittin anniversarju mill-mewt tiegħu irriflettejt proprju fuq l-abbiltajiet tiegħu. Il-persuna li ġieb f’daqqa diversi oħra sabiex ġie ffurmat il-Partit Popolari Taljan. Il-partit li ħaddan il-linja politika Demokratika Kristjana u li kellu l-ewwel esperjenzi elettorali b’suċċess kbir. Kien hu dak li fit-18 ta’ Jannar 1919 għamel is-sejħa sabiex dawk b’saħħithom u fil-libertà jingħaqdu miegħu u ma’ oħrajn f’dak li kien qiegħed jinħoloq. Meta beda bil-kliem li għadhom rilevanti llum: “A tutti gli uomini liberi e forti, che in questa grave ora sentono alto il dovere di cooperare ai fini superiori della Patria, senza pregiudizi ne preconcetti, facciamo appello perché uniti insieme propugnano nella loro interessa gli ideali di giustizia e libertà.”
Fil-libertà
3. Waħda li tibqa’ hekk għax ibbażata fuq il-ġebla tax-xewka tal-libertà. Dik li għandha, fost faċċati oħra, żewġ partijiet importanti u f’dan din is-sejħa għalhekk irnexxiet. Proprju għax kull min huwa liberu għandu f’idu d-dritt pubbliku u politiku li jeżerċita l-vot, ikun kandidat u jiddikjara fil-miftuħ l-opinjonijiet li jħaddan. Mhux biss, imma fil-pożizzjoni partikolari l-libertà tfisser għall-Insara dik tal-kuxjenza. Dik li permezz tagħha kull persuna għandha d-dritt li ma taqbilx u ma tħaddanx il-linji politiċi żbaljati li l-awtoritajiet fil-pajjiż jieħdu. Li, anzi, għalhekk fil-libertà interna u esterna tagħhom jibqgħu jirreżistu dak li mhuwiex skont il-valuri fundamentali. Sejħa diretta lejn dik il-parti tas-soċjetà li kienet, fil-fatt, qegħda tiġi diskriminata u mwarrba għax kellha l-programm politiku li f’ħidmietha tispira ruħha mill-Kristjaneżmu.
Bniedem ta’ viżjoni
4. Fir-realtà, tifhem iktar ħidmet Sturzo proprju għax kienet indirizzata lejn twettiq ta’ diversi passi u miżuri għall-ġid tal-pajjiż. Ma kellux is-serp tal-vanaglorja, li kull politiku jkollu, idur ma’ saqajh. Dak li qal u dak li wettaq fil-maġġor parti parti baqa’ hemm għax sar verament għall-oħrajn. Waqt li tkun qiegħed iddur f’Caltagirone, waqt li tmur fuq il-qabar tiegħu fil-Knisja tas-Salvatur, tifhem il-preżenza tiegħu. Proprju għax kien il-persuna li fil-politika bena huwa, kif ukoll għen biex jispira oħrajn jibnu warajh fuq l-ideat u l-proposti li ħaddan.
Tiġdid
5. Fhimt aktar dan il-punt waqt li f’dawn il-jiem qrajt diskors li kien ressaq fi ħdan il-partit fit-18 ta’ Jannar 1926. Wara tlett snin hemm rendikont preċiż ta’ dak li kien għaddej. Jgħid hekk: “Tre anni di lavoro e di battaglie, di sforzi, di adattamenti, di sviluppo.” U dan sabiex jindika l-partit “una via che fosse una vita.” (Triq li hija l-ħajja.) Jispjega li dan seħħ minħabba diskussjonijiet varji oħra. Fi kritika aspra, f’ambjent fejn kien hemm reżistenza kbira għalih, ikkunsidrat bħala barrani f’pajjiżu. Jgħid hekk: “in mezzo a diffidenze o disprezzi o tolleranza, guardato quasi come un estraneo e più ancora, un intruso, nel corpo politico della nazione.” Dawk li kapaċi jkissru nagħrfu li jmaqdru bil-qawwa lil dawk li kapaċi jibnu.
Minn dan
6. Proprju f’dan il-proċess li huwa qabbad u ma qagħadx lura. La fl-ideat li kellu u lanqas fl-attakki politiċi li kellu jsofri. Diskorsu mimli ħsieb u b’sens tal-politika ta’ vera. Kliemu, mingħajr ma trid, tqegħdu lura fil-kuntest politiku attwali u tifhem li wara mitt sena għadu rilevanti għalina wkoll. Jikkritika b’intelliġenza dak li jindika bħala “la politica divenne arte senza pensiero” (il-politika ssir arti mingħajr ħsieb). Dan proprju għax il-klassi politika li kellha u għandha f’idejha l-poter: “era lontana dalla coscienza generale del paese” (kienet ’il bgħid mill-kuxjenza ġenerali tal-poplu). Biex tibni trid ideat, viżjoni u preżenza kostanti mal-elettorat tiegħek.
Ftit iktar
7. Daqshekk ieħor kliemu huwa rilevanti meta jgħid: “L’arte del governo e la vita parlamentare passavano in seconda linea, sicchè fu lasciata ai più audaci, ai più pro-caccianti; le democrazie non avevano la spinta delle grandi lotte per affinarsi nel pensiero e nella selezione degli uomini; solo ingigantiva lo stato nella perversione delle sue funzioni.” (L-arti tal-gvern u tal-ħajja parlamentari għaddiet f’linja sekondarja għax tħalliet f’idejn dawk l-iktar irresponsabbli, li jaħtfu l-aktar; fejn id-demokraziji ma baqagħlhomx l-imbuttatura tal-ġlidiet il-kbar biex jirfinaw fil-ħsieb u fl-għażla tal-bnedmin; kabbret biss l-istat fl-użu pervers tal-poteri tiegħu.)
Rilevanti
8. Għalkemm tul dawn is-snin ktibt dwaru f’artikoli oħra, għandu aktar x’joffrilna. Hemm proprju ferm iktar f’dan id-diskors mill-iktar interessanti li fih jagħmel analiżi politika li mhux ser issib f’kotba storiċi oħra. Indikazzjoni li l-bniedem li kien qiegħed fiċ-ċentru ta’ dan il-moviment politiku kien jaf x’inhuwa jwettaq. Anzi, aqwa, kien attent sabiex jisma’, jiddiskuti u jaħdem mill-pożizzjoni ta’ partit fl-oppożizzjoni li kellu jsofri l-vjolenza u t-tifrik li ġieb miegħu l-Partit Faxxista. Biss, minkejja dan ma hemmx dubju li ħalla warajh wirt uniku proprju għax kien dak li kien kapaċi jibni. Kapaċi jagħraf dak li ma kienx jaħdem u jibdlu għas-sewwa. Minkejja li kellu jġarrab, diskorsu jagħlaq billi jħeġġeġ lil kull persuna tibqa’ f’postha, soda tikkumbatti għas-sewwa ma taqtax qalbha. Direzzjoni valida minn bniedem li bena u ma kissirx. Wieħed li jibqa’ jagħtina lezzjonijiet siewja.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment