1. Magħruf nazzjonalment. Isem fuq ħalq kulħadd. Ma kienx hemm bżonn spjegazzjoni jew wisq kliem biex tfiehem min kien u x’għadu jirrappreżenta. Vuċi importanti fis-soċjetà tagħna. Vuċi qawwija li ma qagħadx lura milli jieħu sehem fil-ħajja pubblika. Waħda li ħabb. Waħda li baqa’, fis-snin li l-Ħallieq tagħna xtaqu fl-eżistenza, jagħti b’ġenerożità. Qrajt x’ingħad dwaru, imma nħoss li dan l-aspett ta’ ħidmietu ma ngħatax biżżejjed il-piż li ħaqqu. Kien viċin il-poteri taż-żmien. Serva fit-tul fil-Kamra tad-Deputati. Miftuħ għal diversi. Jaqbeż għalihom u jaħdem. Anki jekk kien ċar li kien hemm min ma japprezzahx. Anki jekk, aħjar, kien hemm min ma setax jifhem dak li kien qiegħed jgħidilhom.
Avukat
2. Niftakru f’diversi mumenti f’ħajti. Niftakru fil-Parlament fit-tieni leġislatura li servejt fiha (2003-2008). Kull diskors tiegħu attent u f’pass mal-bnedmin li kien, b’fedeltà u b’integrità, iservi. Ma jibqax luqa milli jikkritika. Jekk hemm bżonn, ikun iebes ħafna. Daqshekk ieħor fin fil-kliem li uża. Naf li kien hemm min jinjorah, imma waqt li kont fir-responsabbiltà tal-Eżekuttiv kont nifli kliemu sew. Għax kien avukat fil-professjoni li ħabb u eżerċita fit-tul fiha, imma fuq kollox kien id-difensur tal-poplu tiegħu. Dak li rebaħ dejjem fuqu nnifsu. Għax meta kien imwarrab minn dawk li ma fehmuhx, jew ma kienx jaqblilhom għar-raġunijiet elettorali tagħhom, huwa xorta servihom. Kien, fl-ewwel, jagħmel differenza bejn il-partit u l-votant tiegħu. Fit-tieni, minkejja kull ferita u daqqa li kien ilaqqat, kienu jirbħu huma għax kien l-avukat li fil-Qorti u fil-Kamra kien jiddefendihom. Proprju għalhekk kien ġeneruż, u li xorta għażel li jibqa’ jikkontesta.
Ġdid
3. F’dan kellu stil u metodu kompletament differenti minn tal-oħrajn. Ma kontx tqegħdu f’kaxxa u tgħid: dan huwa deputat “tradizzjonali”. Anzi, ma kienx jikkonforma ma’ dak li ħaddieħor kien jara bħala l-mudell. Kont narah, f’dan, bħala l-bniedem li jibda l-jum jirraġuna u jara dik ir-raġuni u l-loġika fejn ser jeħduh f’dak li kien jiltaqa’ miegħu. Ma kellux “pjan” pre-stabbilit, imma jsegwi. Kien joħroġ fis-sens mill-iktar tajjeb b’argumenti legali u politiċi li oħrajn ma kinux jaslu għalihom. Jitlaq mill-prinċipju li kull persuna hija ugwali quddiem il-liġi. Kull bniedem wieħed irid jiddefendih. Jaqbeż għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ kull min ikun qiegħed jippatroċina. Rebaħ diversi kawżi li bidlu l-linja Maltija fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Fundamenali ġewwa Strasburgu. Kien ikollu sodisfazzjon u tbissima li rnexxielu. Hu, li ma ngħatax widen hawn, ingħata raġun hemm. F’dan kien ġdid, li utilizza sew dan ir-rimedju tant importanti fis-sistema ġuridika tagħna. Kien verament qabel ħafna oħrajn.
Sors ta’ ispirazzjoni
4. Frott il-fatt li fid-dar ta’ missieri kien isemmih diversi drabi fit-tajjeb, kbirt għalhekk nirrispettah ħafna. Tul iż-żmien li kont ministru, anki jekk ma kienx fil-Kamra tad-Deputati u jien ma kontx nipprattika fil-kurituri tal-Qorti, xorta kien jgħaddili l-osservazzjonijiet tiegħu. Kien ċert li kelli l-aqwa intenzjonijiet fil-ħidma tiegħi. Kien qalli, u kitibha wkoll. Meta spiċċajt minn ministru, u wara ftit jiem erġajt ilbist it-toga biex naħdem fil-post fejn ippruvajt nagħmel aħjar, sibtu hemm. Ipprova jgħinni b’diversi modi. Pariri varji mill-esperjenza twila tiegħu, li llum napprezza aktar, u kien ukoll miftuħ għal kull domanda tiegħi. Imma fuq kollox, kont nagħmel kuraġġ fit-triq diffiċli ħafna u kkumplikata mmens li kelli biex nipprattika b’dak li għadda minnu hu. Kont ngħid, u bqajt ngħid bejni u bejn ruħi li jekk hu, li kien Ministru tal-Ġustizzja mar jaħdem lura hemm, għaliex ma kellix nagħmel hekk jien? F’dan, għal żmien twil, konna t-tnejn li aħna uniċi.
Kull kawża
5. Kull kawża li kellu kien jeħodha b’serjetà kbira. Għal dawk li setgħu trabbew f’uffiċini kbar u b’ħafna segretarji kienu jieħdu l-impressjoni żbaljata li ma kienx ippreparat. Kien jaf sew l-argumenti legali. Kien jaf iqegħdhom, forsi ċertament b’lenti differenti. Imma ma kien jaqbiżlu xejn. Diffiċli ħafna biex kien jitlef kawża. Aktar u aktar meta fiha kien iżid il-passjoni li tikber meta kien ikun qiegħed jiddefendi bnedmin li jkunu minn taħt. Kien oratur preċiż, korrett, u smajtu diversi drabi jittratta, speċjalment quddiem il-Qorti tal-Appell. Avukati oħra setgħu ddikjaraw ħafna li huma favur il-ġustizzja soċjali, imma ħadd ma kien jirnexxilu juri dan fil-livell għoli tiegħu.
Qalb kbira
6. F’dan kellu ġenerożità kbira. Ċert li fil-maġġor parti ta’ ħidmietu ma tħallasx mingħand dawk li ma kellhomx. U anqas ma tħallas ħafna mingħand dawk li kellhom. Kien x’kien il-mument, meta msejjaħ kien jitlaq dak li jkun qed jagħmel u jmur jiddefendi, Sibt jew Ħadd. Baqa’ jagħmel dan anki jekk kien ċar li kien qiegħed ibati fiżikament. Jibqa’ għaddej minn awla għal oħra bit-tbissima fuq fommu. Ma kont nissogra ngħidlu jieqaf, għax naf x’kien jgħidli. Aktar u aktar meta l-professjoni legali hija waħda li għandha diversi li fis-snin baqgħu jipprattikaw f’età avvanzata, u din fl-esperjenza kbira li wieħed jiġbor. Għax iktar ma jkollok snin warajk, iktar jiġu kawżi kkumplikati u diffiċli. Kellu sistema organizzata ta’ kif iwassluh lejn u lura mill-Qorti kuljum, li ma kinitx tfallilu.
Bniedem ta’ kultura
7. F’dan, ftit forsi jafu biżżejjed kemm kien ukoll persuna li jaqra. Mhux darba jew tnejn, meta kien jippermettilek, kien isemmi awturi u kotba li kien qara jew li kien qiegħed jaqra. Awturi li wħud ma kontx smajt bihom. Fuq l-istess linja ta’ ideat u kumplessità bħal ma kellu wkoll Peppinu Cassar, li bħalu u miegħu kellhom esperjenzi varji fuq dan. Żewġ deputati u avukati li ħaqqhom iktar stima. Fejn l-imħabba lejn il-letteratura klassika toħroġ, imma mhux biss. Kien hemm żmien meta, fl-awla tal-Maġistrat Cassar, f’dan kienu jintilfu jiddiskutu waqt xi kawża tal-Bord tal-Bord li jirregola l-Kera. Evidenza ċara ta’ persuni ffurmati tajjeb mill-istess ambjent u diretti lejn li jifhmu l-kurrenti soċjali u ekonomiċi taż-żmien. Dak li kien jiġi naturali mingħandhom fil-proċess kontinwu li jsiru jafu ikar verità.
Tbissima
8. Anki jekk għadda minn imrar varju, kellu kontinwament tbissima fuq fommu. Ma żammx għal min għamillu, imma mexa ’l quddiem. Żamm il-prinċipju, imma fl-istess ħin għaraf li fil-ħajja trid tqiegħed il-passat warajk. Rari rajtu l-Qorti u ma tbissimx. Kif kellu wkoll ir-ritratt li kien jakkumpanjah fl-artikli varji li kien baqa’ jikteb. Ma tantx hemm minn dawk li jispiċċaw mill-Parlament u jibqgħu jiktbu. F’dan, huwa u Peppinu Cassar żammew l-intelliġenza tagħhom għaddejja. Biex tikteb irid ikollok xi tgħid. U meta, ġimgħa wara ġimgħa tgħid is-sens, tifhem iktar li hemm persuna ta’ sens u sustanza li qegħda tikteb bil-pinna tad-deheb tagħha. Forsi ħaqqu iktar li xi ħadd jipprova jiġbor xi wħud minnhom sabiex jibqgħu jinqraw. Biss, f’dan irid jingħad li anki f’kitbietu, kien hemm tbissima. Jiġbed saqajn dak u l-ieħor, imma fl-istess ħin jafferma punti importanti. Hemm minjiera ta’ informazzjoni u esperjenzi varji miġbura f’kitbietu.
Mimli sorpriżi
9. Kien ukoll, f’dan, spontanju fl-aqwa sens u mimli b’aġir li jissupera kull persuna politika oħra. Kien hemm min fakkru meta attenda, flimkien mal-familja, il-funeral tal-mibki Raymond Caruana. Pass uman li ma tantx nara li oħrajn iwettqu. Imma kellu diversi oħra. Ġejjin ilkoll mill-qalb, u fil-bilanċ mentali li kull persuna pubblika trid tagħmel, bid-differenza li minnha jiġu mwettqa. F’dan ftakart ukoll li kien l-ewwel deputat li ltqajt miegħu, meta Ħadd minnhom daħal għandna mimli bl-inkwiet għax kienu serqu u ppruvaw jaħirqu l-karozza ta’ missieri. Daħal ta’ ħabib, u hekk dejjem ħassejtu. Kif ħassejtu wkoll is-sena li għaddiet meta ltqajna f’ristorant li kien iħobb imur fih ta’ spiss ġewwa Raħal Ġdid. Rajt lilu u lil missieri jifirħu b’xulxin u jsemmu l-passat tagħhom b’imħabba. Kellna mmorru nieklu flimkien, imma l-bniedem jipproponi u l-Ħallieq tagħna jiddisponi. Ftit ġimgħat ilu, fis-17 ta’ Marzu ta’ din is-sena, sibt f’It-Torċa, il-gazzetta li tant kien iħobb, artiklu tiegħu jfaħħarni.
Fi kliemu
10. Għalkemm dan l-artiklu ma jagħmilx ġustizzja għal dak kollu li kien il-bniedem, ninsab ċert li kif nibgħatu ser jiġuni iktar ħsibijiet, għax hemm ferm ikar x’wieħed jikteb dwaru. Ridt biss, però, nagħlaq billi ngħid u nirreċiproka. Kien bniedem li ma jilgħabx bil-kliem fejn jidħlu l-prinċipji li jemmen fihom u ma kienx jiddejjaq jgħidhom. Jistgħu jgħidu kollox: avversarji politiċi u sħabu stess, imma ma jistgħux jgħidu li kien ipokrika. F’dan kollu, ċertament ħalla warajh wirt uniku. Mill-qalb insellimlu, u ċert li diversi oħra hekk għamlu. F’dan ngħaddi l-kondoljanzi lill-familja.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment