25.8.24

IMBIERKA U QADDISA

1. F’dawn il-jiem nieqaf u nħares lura lejn dawk li ġew qabilna. Dawk li elfejn sena ilu kienu hawn, jew b’xi mod ġew hawn. F’dak iż-żmien meta dawn il-gżejjer ingħaqdu mar-Repubblika Rumana, bil-vantaġġ u s-saħħa li kellha. Mingħajr ma rrid naħseb f’dawk li ġew u sabu art mimlija b’tempji preistoriċi għalina u ċertament huma stess kienu jarawhom ferm qabilhom. Mhux biss dawk li għadhom fuq saqajhom fil-preżent, imma wkoll dawk li kienu hemm fil-passat. Ikolli ngħid kienu impressjonati b’dak li sabu u dawn kellhom iktar id-diffikultà li riedu jintroduċu tempji ġodda b’allat tagħhom magħhom. Min jaf x’qalu dawk li kien hawn diġà.

Wara s-60 WK

2. F’dawk it-tlett mitt sena sakemm wasal San Pawl, id-dinja reliġjuża kienet inbidlet. Dawk li kienu hawn għaddew minn ħafna u saru iktar viċin il-kultura Rumana, anki fid-dinja tal-qdusija. Fittxew u ma nqatgħux mis-sejħa li jkunu bnedmin aħjar milli kienu. Fis-sens seta’ kien hemm iktar l-għarfien li qabel il-Greċja Antika u Ruma stess kien hawn ċiviltà qaddisa u soda. Għax trid ikollok saħħa, determinazzjoni fuq naħa u qima fuq l-oħra biex tibni tempji tal-qies bil-ġebel tqil li bih inbnew. Element li għadda fil-ġenerazzjonijiet. Bnejna diversi knejjes u kif ikollna l-opportunità għadna nħossu din il-vokazzjoni li nibnu aktar. Rari li nwaqqgħu li għandna biex nibnu flokhom. Kull post ta’ qima jgħix ma’ oħrajn u jibqa’ wkoll jirrappreżenta ż-żmien li fih sar. Imma l-punt hu li dawn il-gżejjer kienu, għal darb’oħra, parti minn bidla reliġjuża. Dawk li kienu hawn sofrew huma wkoll mill-persekuzzjonijiet li twieldu wara.

Ċiċerun

3. Anki meta taqra l-mod u s-sehem li kellhom fil-proċess li kellu jsir kontra Gaius Verres (70 QK) l-bnedmin ta’ hawn. Kif ukoll meta tikkunsidra u tqis li mill-ħsibijiet kollha li setgħu ġew f’moħħhom quddiem persuna li salva imma li attakkatu lifgħa, kienet il-ġustizzja u l-qdusija tiegħu li raw. Veru wkoll li nafu li dawn il-gżejjer għamlu perjodu mhux abitati bħal ma kienu imma jew l-art, l-ambjent li kkundizzjonahom, jew dwk li fid-demm għażlu li jiġu lura xorta lejn għeruqhom u xorta marru lura li jkunu f’art ta’ qdusija. Il-fatt jibqa’ li f’din l-art hawn repożitorju ta’ tjubija li ma tinsabx f’postijiet oħra. Anki jekk niġu mkasbra jew uħud minna stess jiddisprezzaw lil ħutom, nibqgħu poplu li jħares lejn is-sewwa. Nibqgħu dawk li għandna depożitat fina aġir li huwa mwieled mis-sewwa. Kellna min huwa mqareb. Min żbalja sew, imma ma kellniex l-atti ta’ vjolenza u massakri li popli oħra raw u għaddew minnhom.

Għaliex ngħid dan

4. F’dan kollu hawn forza ta’ moderazzjoni f’din l-art. Waħda li welldet diversi bnedmin twajba u li ddedikaw, u għadhom iddedikati, sabiex iwettqu atti ta’ ġenerożità fil-konfront ta’ oħrajn. Kemm Maltin u Għawdxin li kif jiġi żmien is-sajf tarahom iqattgħu l-ħin tal-mistrieħ tagħhom f’missjonijiet ma’ popli inqas ixxurtjati minn tagħna. Kemm ma’ dawn hemm ukoll dawk li jagħtu ħin fil-volontarjat lill-festi u lill-knejjes tagħna. Jarmaw, iżarmaw, qalbhom tħabbat sabiex l-affarijiet isiru aħjar minn qabel. Fejn l-estern u l-intern reliġjuż tagħhom isir b’aktar impenn u b’atti ta’ altruwiżmu. Kull min jimpenja ruħu jħossu dejjem iktar parti minn proċess salutari. Fuq naħa kontinwazzjoni mal-passat u fuq l-oħra parteċipazzjoni attiva fil-preżent sabiex il-futur jibqa’ jiġi garantit.

Apprezzament

5. Nitmaqdru u nħallu wkoll lil min inaqqsilna billi mhux kull persuna taġixxi sewwa. Imma l-fatt jibqa’ li m’hawnx biżżejjed vuċijiet favur l-apprezzament lejn dak li qiegħed ikompli jsir. Diversi bnedmin, fil-ħidma qawwija tagħhom favur l-oħrajn ma jsibux min jirrikonoxxi verament. Hawn dożi tal-politikament korrett fejn ikun hemm inċens skadut li jittajjar li jidher li qisu qiegħed jifhem. Imma fil-verità ma hemmx dak li huwa neċessarju biex nirrikonoxxu li aħna li aħna għax hawn ferm iktar milli naħsbu li mhux mbierka u mexjin lejn il-qdusija tagħhom. Nirrikonoxxi f’dan li hawn ferm iktar tajjeb milli hawn minn dak li mhuwiex. Nirrikonoxxi li hawn ferm iktar bnedmin li jridu jwettqu s-sewwa u ma jweġġgħux lill-oħrajn.

Santa Marija

6. Tmiss ferm iktar dan waqt u b’mod speċjali tul din il-ġimgħa li għaddiet. Fid-diversi knejjes, parroċċi u attivitajiet reliġjużi mingħajr ma trid, l-ewwel, tmur lura lejn il-passat li għadu sod fil-preżent; u t-tieni, li tifhem li diversi għadhom b’rispett lejn il-festa jieqfu u jnaqqsu mill-ħidma lavorattiva tagħhom. Hemm paċi interna li tgħaqqadna. Hemm viżjoni ċara li din il-gżira li m’għandhiex bżonn tkun dak li mhijiex, imma li tkompli tħares u tikkultiva l-għeruq tagħha. Hemm sens ta’ direzzjoni u boxxla li għadha taħdem sabiex nitkellmu fis-sew u nagħrfu dawk li huma l-valuri fundamentali Nsara tagħna. Ma niġġudikawx malajr. Wisq anqas ma nikkundannaw il-bnedmin għall-forka. F’dan, għalhekk, għandna dmir napprezzaw u nirrikonoxxu dan il-wirt, proprju għax ninsabu f’art speċjali. Waħda mbierka u qaddisa.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...