1. Ftit huma l-iskużi veri li wieħed jista’ jivvinta biex ma jaqrax. Fid-dinja. F’pajjiżna wkoll. Ma jeżistux raġunijiet sabiex ma naqrawx. Nibqa’ nikteb ukoll bit-tama li nħajjar ftit bnedmin oħra bħali li jaqbdu regolarment ktieb f’idejhom. Il-ġid li joħroġ mill-qari huwa kbir. Jassigura bnedmin aqwa u jibni demokrazija isbaħ. Iktar ma jkun hemm soċjetà li taqra, iktar tassigura li titmexxa tajjeb. Li jkun hemm amministrazzjoni li tieħu ħsieb tirrispetta lill-bnedmin li tagħhom għandha r-responsabbiltà. Tirrispetta l-intelliġenza u tagħtihom id-dinjità li ħaqqhom, li twieldu bihom. Meta xi ħadd isib pajjiż li huwa nieqes mill-qari tal-gazzetti, tal-kotba u ta’ dak kollu li hemm, ikollu aktar x’jittantah sabiex jabbuża. Fil-ftit u anki fil-bosta, għax jaf li ma hemm ħadd li ser jinduna. Dmir il-politiku fil-fatt huwa li, anki jekk m’għandux bnedmin li jaqraw, hu jrid jassigura u jorbot lilu nnifsu li għandu jimxi bħallikieku huma jafu.
Ma naqasx
2. F’dan, f’dawn il-jiem ftakarna li għaddew diġà ħames snin (17 ta’ Lulju 2017) mill-mewt ta’ dan il-bniedem. Qrajt xi kitbiet u riflessjonijiet li dehru. Fakkruh fl-istima li ħaqqu. Bniedem, tifel uniku, li qatta’ l-parti l-kbira ta’ ħajtu jgħallem, u għalkemm ipprova jikteb u jippubblika, dan fil-bidu ma kienx b’tant suċċess. Imma mill-1992 ’il quddiem qabad triq irriversibbli. Fl-età ta’ sitta u sittin sena deher il-ktieb La Stagione della Caccia. Wieħed li minnu nfetaħ kapitolu, għalih ċertament, imma mhux biss. Fil-fatt, bih irreġistra suċċess u jingħad f’termini ġenerali li mill-1996 kellu tmintax-il elf ktieb tiegħu li nxtraw. Fl-1998 għadda għal disa’ mitt elf, u jingħad li qabel ma miet kien hemm xejn inqas minn ħmistax-il miljun ktieb tiegħu li nxtraw.
Raġunijiet
3. F’dan hemm is-sabiħ ta’ dan is-suċċess. Kotba miktuba b’intelliġenza, fejn mingħajr ma trid tinqabad taqrahom u tmexxi ruħek sal-aħħar u b’ħeffa. L-istorja, l-ambjent u l-karattri huma partikolari u f’ħafna, ċertament, viċin tagħna. Nifhuhom bħala Maltin aħjar minn popli oħra. Nistgħu, jekk ma nidħlux fiż-żraben ta’ persunaġġ, indaħħlu oħrajn, ħbieb u konoxxenzi personali tagħna. Jolqot direttament, u fl-istess ħin jiftaħ l-għajnejn fuq kif il-bnedmin iġibu ruħhom ma’ xulxin. Hemm mhux biss storja intelliġentissima, imma hemm studju tal-karattri dettaljat. Proċess li jwasslet fi kważi dak li tmiss meta tqaxxar basla. Studju tal-Isqallin, li b’xi mod, nagħrfu aktar. Kont, f’dan, fortunat li ftit wara li ppubblika l-ktieb La Concessione del telefono (1998) introduċewni miegħu. L-Avukat Pawlu Lia, li huwa fost dawk li fil-professjoni jaqra ħafna u sew, kellimni dwaru u silifuli. Qrajtu, u minn hemm bqajt, tul is-snin, infittex u naqra l-kotba varji l-oħra tiegħu.
Aktar minn hekk
4. Kull ktieb li ppubblika kellu s-suċċess partikolari tiegħu. Aktar u aktar meta bdew jidhru l-kotba iddedikati lill-Kummissarju Salvo Montalbano. Wieħed f’wieħed, b’aktar karattri, stejjer u investigazzjonijiet. Dak li permezz tal-attur Luca Zingaretti mhux biss ħa l-ħajja, imma deher kontinwament b’suċċess fuq l-istazzjoni nazzjonali Taljan RAI u fuq diversi stazzjonijiet ta’ pajjiżi oħra. F’dan daħal f’perjodu twil, fejn kull ma miss fil-kitba kellu u rreġistra l-bejgħ. Ħafna bdew jaqrawh. Ħafna wkoll bdew jinżlu Sqallija biex jaraw fejn inġibdu x-xeni. Imma f’dan il-proċess kien hemm ukoll dikjarazzjoni ta’ ndafa u onestà intellettwali. Għażel li l-maġġor parti tal-kotba tiegħu jiġu fdati lil Sellerio Editore. Dik id-dar tal-pubblikazzjoni li diġà kellha ċertu suċċess meta stampat il-ktieb ta’ Leonardo Sciascia (1921-1989) (li għal dan ħaqqu wkoll kitba) iddedikat lil Aldo Moro, L’Affare Moro (1978).
Għażilha sew
5. Għażilha proprju għax sikula minn Palermo u nieqsa minn kull rabta ta’ illegalità mafjuża. F’ħafna, il-kotba stampati b’qoxra blu skura saret u bidlet l-identifikazzjoni tagħha. Minn dik tal-editur Enzo Sellerio għal dik ta’ Camilleri. Linja li ġiebet suċċess kbir għax dak kolli li kiteb huwa, u dan, fuq is-suġġetti varji tad-dinja tiegħu ġew ippubblikati u nxtraw sew. Naf min għandu l-kollezzjoni sħiħa tagħhom (madwar 162 ktieb), sbieħ sbieħ fuq l-ixkafef ta’ daru. F’dan ukoll, din l-alleanza serviet sabiex tgħolli l-prestiġju tal-gżira, li kif nafu, mhux dejjem hija fost l-aqwa. Tat idea differenti tal-għerf u s-sens komun li jiġri fit-toroq u mal-isqaqien tagħha. Diretta lejn is-sewwa fir-riċerka għal-leġittimità u l-legalità. Imma fuq kollox, kitba li fil-maġġor parti tagħha hija pjaċevoli u li ma tħallilek ebda skuża sabiex ma taqbadx ktieb u taqrah.
Varjetà
6. Għalkemm f’ħafna huwa magħruf mal-persunaġġ ta’ Montalbano, kiteb ħafna iktar. Għandu tnejn li huma partikolarment interessanti għalija. L-ewwel, Il Colore del Sole (2007), iddedikat lil Michelangelo Merisi da Caravaggio, li huwa sabiħ ħafna. Hemm ukoll wieħed minn dawk iddedikati lil Luigi Pirandello (1867-1936). Iben Sqalli wkoll, li ta’ studenti konna ġejna introdotti għalih, l-iktar bil-kapulavur tiegħu Il fu Mattia Pascal, li ċertament jimmerita u jrid ħsieb u attenzjoni. Ftit ilu, f’dan kont qrajt Biografia del Figlio Cambiato (2000), dedikat minn Camilleri lil Pirandello. Ktieb li mhuwiex bijografija fit-termini li aħna mdorrijin bihom għax fih kwantità kbira ta’ osservazzjonijiet speċjali. Dawk li ġew minn konoxxenza iktar viċin tal-awtur. Dawk li jimmarkawk l-iktar ukoll fil-punt li Pirandello baqa’, minkejja kollox iżomm lil martu, li kif inhuwa magħruf kellha problemi ta’ saħħa mentali, fid-dar. Għamel ħmerijiet f’dinja xejn faċli u f’esperjenza diffiċli ħafna, imma mhux dan. Ktieb li mhux fil-linja tal-oħrajn, imma li ħaqqu jinqara.
Fid-dinja tagħna
7. Nikteb iktar dwar dan għax fid-dinja tal-iftaħir li ninsabu fiha smajna b’pompa kemm ġew mislufa iktar kotba mil-libreriji pubbliċi tagħna. Imma la smajna fuq kemm il-Gvern Ċentrali u l-Kunsilli Lokali qed jonfqu f’kotba għalihom, u anqas fuq l-istatistika riċenti li turi kemm, bħala poplu, ma naqrawx. Anqas fuq kemm qegħdin ibatu dawk li jistampaw il-kotba f’pajjiżna. F’dawn l-aħħar snin intlifna fuq ħafna “progress” ekonomiku, imma ma sibniex kemm hemm rigress fil-qari. Pajjiżna jrid ikollu politika nazzjonali demokratika favur il-qari. Waħda li tinsisti li jinxtraw ferm u ferm iktar kotba. Nittamaw li kitbet Camilleri tgħin xi ftit biex tinfluwenza u tħajjar sabiex dan iseħħ.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment