1. Għada, it-28 ta’ Awissu, niċċelebraw il-Festa ta’ Santu Wistin il-Kbir. Mument importanti fil-ħajja tagħna, fiċ-ċiviltà li aħna parti minnha u li nagħrfu dejjem iktar l-għerf u l-qdusija ta’ dan il-bniedem kbir. Mhux biss, imma tul din is-sena qed infakkru wkoll l-elf, seba’ mija u sebgħin sena mit-twelid tiegħu, fit-13 ta’ Novembru 354. Persuna li huwa magħruf sew fid-dinja, mhux dik biss Kattolika. Bniedem li ħalla warajh kitbiet mill-aqwa, li jimmarkawk, tiġi minn fejn tiġi. Forsi f’dan, il-Konfessjonijiet huma dawk li huma l-aktar popolari. Taqrahom u taqrahom meta trid u kważi dejjem issib fihom biċċiet li jolqtuk. Diversi jispirawk. Daqshekk ieħor dawk li ssib biċċiet minnek fihom. L-esperjenzi umani tiegħu huma wkoll viċin tiegħek. Kull sentenza, kull kapitolu huma bibien sabiex tagħraf aħjar dak li tkun u fejn trid verament tipprova ħafna drabi tmur.
Kitbietu
2. F’dan nammetti li ġejt influwenzat pożittivament minnu ta’ għoxrin sena. Għaraft ferm iktar u bnejt determinazzjoni interna lejn fejn ridt naqdef. L-iktar u ċertament bil-ktieb voluminuż De civitate Dei contra paganos. Wieħed mimli b’ideat, argumenti li ċċarawli diversi punti teoloġiċi, filosofiċi u storiċi. Il-kitba titqiegħed fil-kuntest ta’ bnedmin li qed jgħixu fil-mumenti l-iktar diffiċli tal-Imperu Ruman. Attakkati u megħluba f’diversi punti. Dak li kien għal ġenerazzjonijiet twal jidher bħala stabbli u invinċibbli, f’daqqa waħda qabad proċess irriversibbli. Fl-24 ta’ Awissu tas-sena 410 WK, Ruma kienet għaddiet f’idejn il-Viżigoti, u għalhekk spiċċaw sekli twal ta’ ċiviltà u dominanza li diversi kienu parti minnhom. Kuntest xejn ’il bgħid minn dak li aħna qegħdin naraw għaddej madwarna fil-kunflitti li fl-aħħar mill-aħħar deni kbir ser iħallu għalina.
Akkuża
3. Bħal dejjem, l-akkuża falza kienet li dan kollu seħħ għax il-valuri Nsara dgħajfu dak li kien hemm qabel. Il-Qaddis mhux biss jargumenta abbilment il-kontra, imma bil-fatti juri kemm dan kollu ma kienx minnu. Anzi, ifiehem li proprju l-valuri marbuta mal-idoli li l-paganiżmu kellu fih li kienu r-raġuni fundamentali tad-deklin. U anki jekk kien hemm dik il-kriżi fil-belt fejn fis-sena 396 WK kien laħaq fiha bħala isqof, dik ta’ Hippo Regius fl-Alġerija (illum Annaba), fejn oħrajn ħarbu minnha, huwa baqa’ hemm. Persuna, f’dan, mimli għerf u għaqal. Ma straħx fuq il-formazzjoni li kellu, u wisq inqas fuq il-qari li kien diġà għamel. Imma ħa ħsieb li jkompli jitgħallem. Organizza aħjar il-Knisja u kien hu li jagħżel il-kitbiet mit-Testmenti li kellhom jinqraw fil-knejjes fil-programmi li kien jistabbilixxi. Kollox organizzat f’temi, direzzjoni, intiżi direttament biex jikkonvertu u jissudaw lil dawk li kienu kkonvertew. Aktar u aktar quddiem il-fatt li l-ħajja tal-Insara, bil-persekuzzjonijiet varji li batew u li kienu qed jaraw ġejjin aktar fuqhom, ma kinitx tant faċli. Diversi nqatlu, oħrajn batew l-eżilju u diversi sabu dinja dejjem iktar inġusta magħhom.
Salmi
4. F’dan, però, wieħed irid jimmarka li kienu x’kienu d-diffikultajiet tiegħu, huwa ma waqafx jippriedka, jgħallem u jikteb. Ċertament, fortunatament għalina. F’dan huwa iktar ixxurtjat min irid iqatta’ parti sew minn ħajtu jaqra kitbietu u dak li oħrajn kitbu fuq kitbietu. Ħassejt iktar dan meta fittixt ktieb li jiftaħli iktar il-bibien tal-għarfien tas-Salmi. Naqrawhom kull ġurnata. Uħud nirrepetuhom aktar minn oħrajn. Imma dak li naqraw mhux dejjem nifhmu l-kuntest u l-għerf li hemm warajhom. Anzi, il-priedki ħafna drabi u kif mistenni, jindirizzaw il-Vanġelu u mhux dejjem is-Salm. F’dan, għalhekk, ġie f’idejja ktieb mill-isbaħ. It-titolu tiegħu huwa indikattiv: Nine Sermons of Saint Augustine on the Psalms (1958) tad-Duminkan Edmund Hill (1923-2010), magħruf u kkunsidrat bħala li kien awtorità dwar dan il-qaddis. Bniedemli huwa wkoll kiteb ħafna u huwa wkoll ippriedka kemm felaħ mal-erba’ irjieħat tad-dinja. Fonti ta’ informazzjoni u ġabra ta’ għerf.
Mill-isbaħ
5. Għal dawk bħali li jridu jifhmu aktar is-Salmi, dan huwa ktieb mill-iktar addattat. Jibda minn introduzzjoni ċara u, għalkemm twila, ma ddejqikx. Mhix waħda minn dawk li tkun moħħok biex teħles minnha biex tidħol għas-sustanza tal-kitba. Spjegattiva u neċessarja f’żewġ kuntesti. Dik tal-kuntest ta’ żvilupp u proċess li l-Kristjaneżmu kien qiegħed jieħu bid-diversi ereżiji li mess magħhom; u t-tieni, il-moħħ u l-metodu li bih il-qaddis jinterpreta l-Iskrittura. Essenzjali li tinqara. Wara jinqabdu numru limitati ta’ Salmi u jiġu fil-priedki partikolari riprodotti lilna b’Ingliż preċiż u fidil għat-test oriġinali: dak li ngħad u ġie traskritt. Kull priedka hija mill-isbaħ. Anzi, nistqarr li waqt li kont qiegħed naqrahom xtaqt, u kważi għirt, għal dawk il-bnedmin li semgħu, fil-ħajja vera, kliemu. Kollox spjegat f’ideat u kunċetti li wara tħoss li dak li qrajt diversi drabi fis-Salmi huwa kompletament ġdid.
Bibien ġodda
6. F’dan laqtitni aktar l-enfasi sabiħa u ħelwa li huwa jqiegħed fil-valur tal-umiltà. Dak li huwa jassoċjah mal-Insara fid-dmir u fid-dritt tagħhom. Fil-bżonn li jiġi ipprattikat verament sabiex soċjetà timxi ’l quddiem. Jgħid li akkademiċi u għorrief oħra ħaqqhom rispett, imma huma nieqsa minn dan l-element essenzjali fil-progress uman. Punt li huwa stess ipprattika, fis-sens li anki jekk kif manifestament jidher kien għaref sew, huwa għażel li jindirizza lil kulħadd. Mhux quddiem l-għorrief biss, jew dawk li jifhmuh biss, imma quddiem kull persuna. Dawn il-priedki, fil-fatt, imissu mar-realtà tal-ġurnata li kull Nisrani jmiss magħha b’eżempji li l-bnedmin ta’ dak iż-żmien u tal-lum jifhmu malajr. Dak li jidher ikkumplikat jiġi spjegat b’sempliċità, proprju minħabba l-umiltà. F’dan fetaħ bibien ġodda għalina.
Dak li huwa d-Dritt
7. Isejjaħ lill-bnedmin biex jimxu fuq it-toroq id-dritti u sewwa. Isejħilhom b’ideat sbieħ. Jgħidilhom hekk: “Because God is straight, the very measure of straightness, and so not to acquiesce in his will is the sign of a warped, bent mind. If you put a bent rod on a level surface, it will not fit, it won’t lie flat, it will wobble all the time, not because the surface is uneven, but because the rod is warped.” Kemm għandu raġun! Kemm huwa importanti li nifhmu dan, iktar u iktar f’soċjetà mqallba li għandha bżonn iktar direzzjoni. F’soċjetà li trid is-sewwa fil-qalb, imma tippreferi tħabbat bibien żbaljati. Soċjetà li trid, u għandha bżonn, lil dawk l-Insara u li tippreferi li tiċħadhom. Proprju f’dan niftakru aktar fis-sewwa dak li qal u kiteb dan il-Qaddis Kbir għax għamel il-ġid, u fil-verità huwa element essenzjali taċ-ċiviltà tagħna.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment