1. Mhux faċli ssellem ħabib u kollega meta dan ikun ġie msejjaħ fil-fjur tal-maturità tiegħu. Wisq inqas li tipprova tifhem il-bniedem fil-kumplessità sħiħa tiegħu. Diversi jaħsbu li jafu lilhom infushom. Oħrajn jimmaġinaw aktar li jagħrfu lill-oħrajn. Imma l-ħajja hija manwal ta’ tagħlim li minnha, fl-esperjenza, dak li taħseb li b’xi mod tkun tafu, ma tkunx. Dan jgħodd għal ħafna, u ferm iktar għalik innifsek, li jum wara jum tibda ma tagħrafx dak li kont u dak li int. Kif ukoll fejn tkun sejjer. Biss, f’dan il-labirint naturali hemm traċċi li jiddistingwu persuna umana minn oħra.
Sirt nafu
2. Lil Karl Gouder ma kontx nafu salv meta ġie elett fil-Kamra tad-Deputati. Kien żiffa ħelwa ta’ bidla. Bniedem li kien moħħu biex isir jaf u jsegwi. Ma ġiex jinfurmana li x-xemx kienet telgħet u daħlet hemm ġew meta daħal hu. Ġie, anzi, b’umiltà kbira u b’qalb daqstant ieħor ippreparata biex titgħallem. F’ebda mument ma qbadtu jissuppervja jew idawwar wiċċu. Ġie maħbub minn diversi kollegi, speċjalment dawk li bdew jammiraw lil dan il-ġuvnott mimli enerġija u ideat differenti. Dan kien iktar jidher għax ma kienx ibati biex iressaq argument, u d-diskorsi tiegħu kienu diretti lejn il-punt. B’attenzjoni, bil-galbu, immirati biex jilħqu l-kostitwenza tiegħu. Imma mhux biss. F’ebda mument ma kien jiżra’ l-mibgħeda jew jagħmel għadu politiku.
Mhux darba jew tnejn
3. F’dik il-leġislatura mill-iktar diffiċli u mimlija bi problemi x’jiġu ikkonfrontati konna ngħidu xi kelma jew tnejn. Biss, hu kien fost dawk li spikka fil-lealtà u fl-onestà. Ħadd ma kellu xi kelma iebsa jew tmaqdir kontra tiegħu. Biss, anki f’dan, ma nistax ngħid li sirt nafu biżżejjed u naħseb li anqas hu lili f’dak li kelli naffronta, speċjalment fix-xhur tal-gwerra ċivili Libjana u wara. Kif żviluppaw l-affarijiet, fl-elezzjoni ġenerali tal-2013, sforz miżinformazzjoni kbira u tkasbir tagħna b’dożi qawwija ta’ assassinju tal-karattru fix-xejn u kollox barra veritiera, numru ta’ deputati sodi u twajba ma ġewx ri-eletti. F’dan, il-Partit tilef diversi komponenti importanti, li wara dak iż-żmien diffiċli u qares waqqfu l-esperjenza politika tagħhom. Imma hu, fortunatament, baqa’ għaddej.
Ri-elett
3. Sab ruħu lura magħna ftit wara, ri-elett mill-volontà popolari. Hemm ġejna ftit iktar viċin, għax kont tlabt lill-Kap ta’ dak iż-żmien biex jikkunsidra li jibgħatu fil-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej. Hekk seħħ, u attendejna numru sew ta’ laqgħat flimkien. Attent bħas-soltu, u ma kienx jitlaq jiġri. Ħidma koordinata sabiex dak li ridna jsir nippruvaw inwettquh. Kien żmien li kellu huwa wkoll il-kumplikazzjonijiet tiegħu, fi staġun li naħseb li jien u hu kellna l-kelma ‘paċi’ f’qalbna. F’dan ridtu jieħu kemm jista’ esperjenza u kont ninsisti mal-Frosta, anzi nippreferi, li f’numru sew ta’ laqgħat kien jattendi hu biex jirrappreżenta lill-Kumitat min-naħa tal-Oppożizzjoni. Qatt ma żbalja, u wara kien jiltaqa’ miegħi biex jgħidli x’ġara u niddiskutuh.
F’dan fehem
4. Għalkemm fl-aħħar elezzjoni ma kienx ġie elett, u seta’ jikkontesta wara l-elezzjonijiet każwali, għażel li jibqa’ lura. Daħal b’aktar ħidma u dedikazzjoni fl-organizzazzjoni tal-vuċi tal-Partit. Fehem li l-Partit kellu aktar bżonn tat-talenti uniċi tiegħu hemm ġewwa milli fil-Kamra tad-Deputati. F’dawn is-sentejn, ċertament b’mertu partikolari tiegħu, ġejna mismugħa ferm iktar minn qabel. Pass importanti ħafna, dejjem jekk partit mill-bank tal-Oppożizzjoni jrid verament imur iservi fil-Gvern. Ried jibgħat il-messaġġ li hemm it-tiġdid, u ried ukoll jesponi deputati li kienu għadhom kif ġew eletti. Biex jitgħallmu u jiġbru l-esperjenza. Paġni ġodda fil-Partit. U f’dan huwa kien qiegħed iwettaq l-ikbar sagrifiċċju personali. Ħalla l-karriera parlamentari għat-twettiq tal-ġid tal-Partit.
Kienet sorpriża
5. Kienu ġew qaluli li wara li l-kollega Michael Piccinino kien iddikjara li ser jieħu pass lura mill-kariga, huwa kien imħajjar isir Segretarju Ġenerali. Għidt: proċess ieħor. Biss ukoll: tirbħu naħa u titilfu oħra. B’sorpriża għalija kien ċempilli ftit ilu biex jgħidli li dan kien minnu, u ried jinfurmani direttament. Ħassejtu ġest mill-isbaħ, aktar u aktar meta l-bibien kien hemm min sakkarhom sew għalija. Awgurajtlu u fakkartu li ma kellix vot fl-Eżekuttiv tal-Partit, imma huwa xorta ried, b’kordjalità u naħseb biex ma jonqosnix, jgħidli fejn kien sejjer. Għidtlu biss li jekk ried l-għajnuna, naħseb li għadni kapaċi nagħtiha fil-bżonn li norganizzaw verament mill-ġdid il-Partit.
Ma kellux ikun
6. Kif nafu, il-bniedem jipproponi, imma ma jistax jiddisponi. L-affarijiet ħadu triq oħra. Waħda li caħħditna mill-kapaċitajiet u t-talenti kbar tiegħu. Waħda li nafu li diffiċli ssib lil min hu kapaċi bħalu. Waħda li tweġġa’ u żżommna f’niket kbir, imma li m’għandniex nintilfu fejn huwa, għal min kien jafu, ċertament ma ridniex li mmorru. Waħda li kull persuna għandha taċċetta u li ħadd ma jista’ jipprova jistaqsi għala talab appuntament kmieni mal-Ħallieq Tagħna lkoll. Nistgħu biss nirrikonoxxu l-qalb tajba u umli tiegħu. Niftakruh bit-tbissima li kellu u fl-għarfien li għalkemm seta’ kellu punt li ried iwassal, ma kellux ħlief intenzjonijiet tajba. Inżommuh għalhekk f’qalbna f’dak li qsamna miegħu, u f’dak li jiswa’ l-aktar: fit-talb tagħna. Mill-qalb noffri l-kondoljanzi tiegħi lill-familja tiegħu.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment