24.9.24

TIBDILIET

1. Ikun ċertament żball politiku jekk ir-rapport li għadu kif ġie ippreżentat jiġi injorat. Dak li ġie pubblikat tul din il-ġimgħa fl-Unjoni Ewropea nittama li f’pajjiżna jingħata attenzjoni xierqa. Bih Mario Draghi (1947) stabbilixxa numru ta’ punti li għalina juru aħjar fejn konna, fejn aħna u fejn għandna bżonn immorru. L-analiżi hija mill-iktar ċara u d-direzzjoni daqstant ieħor. Kienet u għadha deċiżjoni preċiża u neċessarja li ngħata dan l-inkarigu mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt li taqra r-rapport tiegħu tifhem aktar kemm illum huwa fost l-aqwa ismijiet fil-ħsieb u l-boxxla ekonomika li għandha tingħata importanza.

Kontenut

2. Tlaqt nikteb għax nippreżumi li Draghi m’għandux bżonn wisq ta’ introduzzjoni magħna. Ilu fl-istituzzjonijiet demokratiċi Ewropej u x-xenarju jafu sewwa. Gvernatur tal-Bank Ċentrali Taljan u dak Ewropew, kif ukoll Prim Ministru tal-Italja. Bniedem ta’ ideat u kultura li dak li jgħid jiġbed l-attenzjoni. Mimli b’esperjenzi varji, illum fl-età ta’ sebgħa u sebgħin sena. Proprju għalhekk li wieħed ma jistax jinjora dak li jindika dan ir-rapport. Hemm twissijiet varji li jmissu fil-laħam il-ħaj, fuq naħa u jitlob miżuri determinanti. Fih hemm sejħiet varji biex jinbidlu diversi direzzjonijiet. Dan f’dak li jikteb tant tajjeb meta jgħid li din hija sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea.

Futur tal-Kompetittività

3. Dan huwa t-titlu ta’ dan id-dokument twil, iżda li fih ma hemmx ripetizzjonijiet, u li kull paġna titlob riflessjoni. F’dan, il-kliem huwa meqjus. Fuq naħa ma jaħrabx mir-realtà, u fuq in-naħa l-oħra jindika fejn irridu nimxu bħala Ewropej. Partikolarment għal dawk li setgħu, jew jistgħu jaslu sal-introduzzjoni jagħrfu li kien attent ħafna għall-għażla tal-kliem, li huma preċiżi ħafna. Il-figuri ma jmerihom ħadd, iktar u iktar jekk hemm l-analiżi tagħhom minn bniedem bħalu. Forsi wkoll f’dan wieħed jagħraf li hemm riflessjonijiet li huwa ilu jagħmel tul dawn is-snin ta’ esperjenzi varji li jimmarkawh fl-importanza ta’ dak li jingħad.

Iktar produttività

4. Huwa jgħid hekk: “If Europe cannot become more productive, we will be forced to choose. We will not be able to become, at once, a leader in new technologies, a beacon of climate responsibility and an independent player on the world stage. We will not be able to finance our social model. We will have to scale back some, if not all, of our ambitions.” Sejħa diretta sabiex fuq naħa nifhmu r-realtà fl-Ewropa li qegħda ssib ruħha attakkata f’dak li kienet, u fuq l-oħra sabiex inkunu iktar razzjonali f’ħidmietna. F’ħafna sens ukoll sejħa sabiex il-vantaġġi tal-Unjoni Ewropea jiġu utilizzati b’għaqal. Mhux biss, imma l-kriterji tar-riformi, tibdiliet, direttivi varji li jingħadu u jsiru jidħlu fil-kwadru ta’ strateġija komuni. Komuni fi ħdan il-Membri. Komuni wkoll internament fid-diversi dekasteri u partijiet tagħha.

Fl-Għaqda

5. Hemm mumenti fl-istorja tagħna meta imperi, sabiex jaħdmu aħjar, inqasmu fi tnejn, jew tlieta, jew erbgħa. Imma hawn, l-argumenti huma preċiżament il-kontra ta’ dan. Is-sejħa Ewropea hija li wieħed jifhem li dak li hemm bżonn li jiġi maqbul u mibdul isir minn kull Stat Membru. Ħadd mhu ser jirnexxilu jkampa waħda u għal rasu, jekk mhux f’daqqa. Iktar u iktar meta tul dawn il-ħames snin ser nibqgħu naraw ukoll aktar Stati Ewropej li jsiru membri. It-tkabbir fl-influwenza politika ma jistax jiddependi biss minn dik ġeografika, imma jrid ferm aktar. Hemm bżonn qawwi li nikkordinaw iktar f’daqqa. Imma f’dan, kemm il-mexxejja preżenti fl-Istati varji tal-Unjoni huma kapaċi, l-ewwel jifhemu, u t-tieni jaġixxu, hija ħaġa oħra.

Ma hemmx dewmien

6. F’dan wisq nibża’ li ser ikun hemm min jaħseb li dan huwa wisq ambizzjuż, u li politikament ma jaqbillux jidħol għalih. Fid-dinja hemm dejjem il-qasma bejn dawk li jwettqu dak li għandu jkun fis-sewwa u dawk li jħarsu lejn il-konvenjenzi tagħhom. Mentri s-sejħa għall-bidliet hija neċessarja, u fi gradi varji, urġenti. Fid-diversi partijiet li laqtuni, hemm hekk: “We should abandon the illusion that only procrastination can preserve consensus. In fact, procrastination has only produced slower growth, and it has certainly achieved no more consensus. We have reached the point where, without caution, we will have to either compromise our welfare, our environment or our freedom.” Jekk lesti nibqgħu għaddejjin kif aħna u ninjoraw dak li qiegħed jinġabar madwarna naħseb li nkunu qed niżbaljaw.

Dibattitu Nazzjonali

7. F’dan ninkwieta iktar jekk dan ir-rapport ma jsirx parti mid-dibattitu f’pajjiżna. Iktar u iktar jekk fi ftit jiem oħra ser nidħlu fil-kuntest tal-Budget għas-sena li ġejja. Naħseb li rridu nqegħdu sew il-pożizzjoni ekonomika tagħna fil-kuntest. Nifhmu dak li l-Unjoni Ewropea hija mħajra li taqbad u fl-istess ħin nikkalibraw ħidmitna fiha. Hemm partijiet kbar li japplikaw direttament għalina. Miżuri li ser jitolbu deċiżjonijiet politiċi differenti hawn. Fuq l-oħra li nifhmu numru ta’ vantaġġi li diġà għandna fil-kuntest sħiħ ta’ dak li Mario Draghi qiegħed jindika. Ċertament huwa mument ta’ sfidi kbar u waqt li fuq naħa nistaqsu kemm aħna kapaċi għalihom politikament u ekonomikament, fuq l-oħra rridu nassiguraw li aħna ser inkunu f’pożizzjoni li jsiru. Ejja ma nibqgħux nilludu ruħna, u nifhmu li l-proċess tal-bidliet beda u rridu nkunu ippreparati għalihom.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...