20.9.24

REAZZJONARJI, ĠUSTIZZJIERA U PURITANI

1. Xi żball politiku huwa dak li partiti moderati jabbandunaw il-vokazzjoni tagħhom. Jaqbdu toroq li jeħduhom lejn l-estremi, fil-ħsieb li hekk ser jiġbru l-kunsens elettorali. Id-dinja dak trid turina. Nittama biss li aħna f’dawn il-gżejjer ma nkomplux nittieħdu. Iktar u iktar meta hemm kriżi li ma tinftehimx ta’ identità politika. Waqt li nsegwu dak li hu għaddej f’xenarji politiċi oħra qed nagħrfu aktar kif il-partiti li għandhom ikunu fiċ-ċentru, ċentru-xellug jew ċentru-lemin sejrin lejn iktar xellug u iktar lemin. U ppermettuli ngħid dan: min jaħseb jew jilludi ruħu li m’għadhomx jeżistu dawn il-pożizzjonijiet, fil-fatt huma ħajja u b’saħħithom. Fuqhom jiddependu l-futuri tajba ta’ popli u stati nazzjonali.

Fid-Dinja Ewropea

2. F’dan, huwa iktar ċar dak li qiegħed jitwelled u jittieħed f’kuntesti oħra ix-xenarju fil-Partit Konservattiv Ingliż. Flok passi lura lejn iċ-ċentru moderat fil-valuri u l-ħsibijiet Ewropej u Nsara tagħhom, sejrin il-kontra. Il-kandidati li resqu ’l quddiem biex jimlew il-post ta’ Kap tal-Partit qegħdin joffru aktar lemin. Diġà l-Partit huwa nieqes minn demm ġdid. Diġà huwa fi kriżi elettorali wara l-aħħar telfa kbira tiegħu, fejn tilef siġġijiet mal-Partit Laburista kif ukoll mal-Partit Liberali u l-Ħodor. Diġà f’dan għandu għaddejja diffikultà ta’ identità ideoloġika tiegħu bl-isfidi li mess mal-partiti tal-lemin estrem. Dan kollu, flok qiegħed iġib il-Partit biex jaqbad it-triq li jkun alternattiva demokratika f’elezzjonijiet futuri, minflok qiegħed jipprova biss jogħġob lis-segwaċi l-iktar konservattivi tiegħu. Ċertament xejn qawwi fil-futur.

Meta tibqa’ lura

3. Meta partit jibqa’ lura mis-sejħa li twaqqaf għaliha sabiex ikun fiċ-ċentru moderat jiftaħ l-ispazju għall-estremi. Ma jkunx hu li jkun kapaċi jirrappreżenta dawn l-ideat, imma jikkrea aktar il-vojt fejn ħaddieħor jimraħ. Fil-Ġermanja, dan huwa li proprju qiegħed jerġa’ jikber. Iż-żewġ partiti prinċipali, dak Soċjal-Demokratiku fil-Gvern u dak Demokristjan fl-Oppożizzjoni, f’dożi u ċirkostanzi politiċi differenti hekk qed iġibu. Fl-aħħar riżultati reġjonali jidher li hemm żieda fil-voti lill-partit tal-lemin estrem AFD (Alternattiva għall-Ġermanja) u dak ukoll tax-xellug estrem BSW (Raġuni u Ġustizzja). Pożizzjoni li ċertament tfakkar diversi storiċi u politiċi f’dak li kien qiegħed jiżviluppa mitt sena ilu fil-passi qabel id-deċiżjonijiet tal-mistħija li ttieħdu. Jekk hemm min jaħseb li maż-żmien dawk fl-estremi jsiru moderati u raġjonevoli, naħseb li jkun qiegħed jidħak bih innifsu. Dawn, kif turi l-istorja, ġaladarba jaqbdu dik it-triq ikompli jmorru iktar fiha. Linja politika li, terġa’, l-esperjenza turi bil-fatti li kienet traġika mhux biss għalihom, imma wkoll għad-dinja. Għalkemm f’dan irid jibqa’ jingħad li għadu minnu li ħafna jibqgħu jiċħdu l-fatti u s-sewwa magħruf u jilludu aktar ruħhom.

Hemm indikazzjonijiet

4. Hemm aktar ċar li dawk li jimxu f’din it-triq jużaw metodi u strateġiji politiċi ripetuti. Numru ta’ drabi huwa aktar ċar li hemm ammirazzjoni diretta jew indiretta lejn mexxejja li nafu li kienu estremisti. Jekk minħabba ideat xejn ċari li jġorru, inkella minħabba kitbiet li jaqraw, jilludu ruħhom li hemm vantaġġi politiċi f’dik it-tattika. Jimitawhom mingħajr ma jammettu li qegħdin sakemm finalment jaġixxu aktar bħalhom. Din il-linja titlaq ċertament minn dik reazzjonarja. Hu x’inhu s-suġġett iridu jaqbżu fih u jridu jkunu kontroversjali. Ma jivverifikawx il-fatti u sempliċement jikkummentaw fuq dak li jidher u mhux fuq dak li attwalment hu. Jintervjenu fejn m’għandhomx. Inkella, fejn m’għandhomx. Flok jaġixxu ta’ persuni razzjonali narawhom bħala dawk li jappellaw għal istinti oħra. Fejn l-bieb għall-mibgħeda, għall-intolleranza u għat-tkissir demokratiku jinfetaħ beraħ.

Giljottini

5. Kemm huwa aħjar u ferm iktar demokratiku li wieħed isegwi l-linja fejn l-ewwel jiġbor il-fatti u wara jikkummenta politikament. Kemm huwa aħjar li wieħed jagħraf jikkalkula wara u mhux jitlaq jiġri qabel. Jifhem il-pożizzjoni vera u jħares lejn il-futur. Numru ta’ drabi jsir diskors politiku għal xi forma ta’ vantaġġ li, fil-fatt, wara jirriżulta fi żvantaġġ. Nistgħu nikkritikaw lil xulxin, nikkundannaw aġir minn ieħor u nsejħu għall-ġustizzja, imma wieħed irid jara jekk dan, fil-fatt, huwiex ukoll jixħet dell ikrah sħiħ fuq il-pajjiż. Tkattir jew tkabbir ta’ reputazzjoni li tieħu snin twal biex tibni mill-ġdid. Il-ġustizzja umana, għax hemm dejjem dik Divina, timxi fuq il-fatti umani u d-dixxerniment uman. Fl-imperfezzjoni umana tagħha, wieħed irid joqgħod pass attent fil-moderazzjoni. Ma jitlaqx jiġri aktar fit-triq fejn kull persuna hija ħażina u kull persuna trid tiġi ġustizzjata mill-ġustizzjiera.

Minn dawk li huma fuq

6. Hemm min, f’din il-linja xejn moderata, isib ruħu fl-istess żraben li l-puritani daħlu fihom. Jaraw tal-oħrajn, u tagħhom le. Jikkritikaw tant li qisu dak kollu li jwettqu huwa perfett. Jippruvaw jieħdu dik il-pożizzjoni politika mal-elettorat u, f’mumenti, jafu jimpressjonaw. Imma r-realtà hija oħra. Diversi llum jaqraw u jsegwu dak li hu għaddej. Jiftakru dak li jkun seħħ u ma jimpressjonawx wisq ruħhom. Anzi, agħar minn hekk, hemm iktar nies li jridu jimmarkaw ruħhom ’il bogħod. Ix-xenarju politiku Ewropew qiegħed, f’dan, jirrifletti ruħu f’dak nazzjonali. Bl-estremiżmu, bin-nuqqas ta’ politika tal-fatti u moderata fiċ-ċentru, il-voti ma jiżdidux. Minflok, jonqsu. Jonqsu aktar f’dawk li, kif qegħdin naraw, ma jridux jivvutaw.

Mill-ġdid

7. Proprju għalhekk li wieħed irid, f’dawn iċ-ċirkostanzi, iktar minn qatt qabel jagħraf mill-ġdid il-linja politika Demokratika-Kristjana tagħna u jimxi biex jaffermaha mill-ġdid. Linja moderata, fiċ-ċentru, li twassal verament lejn programm politiku veru li jwettaq il-ġid lil pajjiżna. Waħda ’l bgħid minn dak li qegħdin naraw. Waħda li serviet biex inbena pajjiż demokratiku, modern u Ewropew.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...