5.9.24

NAGIB MAHFOUZ

1. Fil-Baħar Mediterran li ngħixu fih hemm vantaġġi li m’aħniex forsi daqshekk konxji tagħhom bħal ma konna. Konna aktar Mediterranji, kulturalment u anki fil-forma mentis tagħna milli naħsbu llum. Dan jista’ jkun xi parti minn xi forma ta’ proċess ta’ bidla. Jista’ wkoll, kif wisq nibża’, ma jkunx. Sirna inqas attenti fuq dak li qiegħed iseħħ madwarna. Inħarsu, mhux anqas, kważi dejjem ’il fuq u ma narawx taħtna. Ma narawx dak li hu għaddej partikolarment fit-Tuneżija, fejn il-Gvern qiegħed isir dejjem aktar dittatorjat. Anqas wisq lejn dak li hu għaddej fil-Libja, li tibqa’ importanti, u anqas lejn dak li hu għaddej bejn l-Alġerija u l-Marokk. Hemm almenu konfort f’dak li l-Eġittu qiegħed jilgħab fl-aggressjoni f’Gaża.

Ħassejt

2. Proprju f’dan ħassejt li għandi nikteb dwar dan l-awtur. Forsi ftit magħruf magħna. Eġizzjan li kellu l-unur li jiġi onorat bil-Premju Nobel. Persuna li ħalla wirt uniku mhux biss lil pajjiżu, imma wkoll lill-popli Mediterranji. F’dan ix-xahar ta’ Awissu nfakkruh aktar għaliex kien fih li fis-sena 2006 ġie nieqes. F’dan kabbar u kompla influwenza li ilha ġejja s-sekli, minn żmien il-Farawni. Dawk li b’xi mod qraw dik l-istorja twila ta’ dik iċ-ċiviltà. Dawk li marru jaraw il-piramidi u l-mużewijiet li hemm jifhmu aktar li hemm rabtiet kbar magħna. Sija bl-għerf tagħhom u l-kapaċitajiet kbar li żviluppaw. Kif ukoll fis-sehem dirett li għandhom fil-paġni tat-Testmenti, ibda minn Ġużeppi mibjugħ minn ħutu u ibqa’ sejjer sal-mument meta San Ġużepp ħa lill-Familja Mqaddsa hemm.

Kitbietu


3. F’dan aktar nagħmel referenza għal dak li ħalla warajh dan l-awtur, imwieled il-Kajr fl-1911 u li għamel għomru jgħix hemm. Kitbietu huma mill-iktar interessanti u diretti. Jirrappreżentaw, fis-sabiħ tagħhom, soċjetà li għaddiet minn ħafna, sija biex kibret, sija biex ħadet l-indipendenza, sija biex affermat ruħha fid-dinja tad-diplomazija Għarbija u internazzjonali. Vuċi importanti u li tingħata widen diversi drabi, għax hemm piż politiku fil-kalatura tagħha. Mahfouz kellu din is-sejħa sabiħa li jikteb b’mod tant ċar u tajjeb, li permezz tiegħu mess direttament mal-bnedmin ta’ ħajtu. Il-pinna hija mimlija valur, aktar u aktar għax tmiss mal-kwalitajiet u mal-ideat ta’ komunitajiet Musulmani, li aħna mhux dejjem nagħrfuhom jew nifhmuhom. Kitba li mwielda wkoll mid-dedikazzjoni li kellu lejha. Dam biex jiżżewweġ sal-età ta’ 43 sena, proprju għax kien konvint li dan l-istat kien ser ineħħilu ħafna mill-ħin li ried jiddedika lill-kotba.

Hikayat Haritna

4. Ġie lura f’idi l-ktejjeb b’dan l-isem fl-oriġinal. Għandi ġie bil-lingwa Taljana, Il Nostro Quartiere (1975) li fl-apparenza huwa sempliċi, imma meta taqrah tifhem li hemm iktar x’tagħrax. Hemm dożi ta’ realiżmu, eżistenzjaliżmu. Imma hemm iktar. Sempliċi għax huwa bażat fuq numru qasir ta’ rakkonti u stejjer dwar il-ġirien tal-familja tiegħu. Kollox idur ma’ nukleu ta’ persuni li meta taqrahom tagħraf li mhumiex il-bogħod minn dak li konna fis-soċjetà tagħna u f’ċerti rkejjen għandna. Bnedmin jafu lil xulxin. Imorru spiss għand il-ġirien. Jitkellmu, jaqsmu ħajjithom fid-diffikultajiet li l-ħajja, iż-żwieġ, l-ulied u l-mewt iġibu magħhom. Ir-rakkonti huma verament fondi fl-għeruq ta’ soċjetà li kull persuna għaliha kienet meqjusa importanti. Fejn il-preżenza femminili hija soda, rispettata u determinanti. Lezzjonijiet għal-lum. Tlifna ħafna; irbaħna ftit.

Monasteru

5. Fir-rakkonti li ssib ruħek taqra malajr u kważi kapitolu jieħdok f’ieħor, hemm il-preżenza ta’ Monasteru. Dan fl-isfond tad-dinja Musulmana, fejn il-qarrej jiġi ħelu ħelu introdott għad-diversi talbiet u riti li jsiru. Anzi l-ktejjeb jitlaq proprju mill-pożizzjoni tiegħu bħala tifel li jiltaqa’ barra ma’ membru tal-komunità. Fis-silenzju u fid-dinja reliġjuża u fil-kurżità li tikber fuq dak li jsir u l-importanza tiegħu hemm ġew. Però, il-preżenza kostanti tal-Monasteru tibqa’ hemm f’kull kapitolu, simbolu ta’ stabilità u kostanza. Is-sitwazzjoni tidher li tkun ser tinbidel fis-sitta u sebgħin rakkont. Meta aħbar normali u komuni għalina tinfirex u li tkun tidher li ser tibdel kollox.

Valuri

6. Kif jispjega l-awtur, il-post kien oriġinarjament fid-deżert, maqtugħ mid-dinja tal-belt. Imma biċċa biċċa, il-komunità li jiddeskrivi l-awtur kibret f’villaġġ madwaru. F’dan il-kapitolu, imma, tinfirex l-aħbar li skont pjani lokali tal-Gvern Ċentrali, il-Monasteru kien ser jitwaqqa’ biex minfloku jsir proġett pubbliku f’bini ta’ residenzi pubbliċi. Imma l-ġirien jipprotestaw. Dan huwa l-post li jipproteġina, iddikjaraw, dak li jżommna milli nitilfu l-identità tagħna. Jistaqsu: “Kif ġietkom f’raskom din l-idea żbaljata?” L-awtur jgħid hekk: “La discussione si anima, l’agitazione aumenta, si firmano petizioni, la tensione e la tristezza divampano nel nostro quartiere, come main è accaduto in precedenza.” (Id-diskussjoni tisħon, l-aġitazzjoni tikber, jiġu ffirmati petizzjonijiet, it-tensjoni u d-dwejjaq jinfixru fil-post daqs qatt qabel.)

Messaġġi

7. L-awtur ikompli u jgħidilna li l-maġġoranza tirbaħ u l-ministeru jaħsibha, jeżita u jħalli l-proġett jistenna. F’dan, ċertament, hemm dak li diversi komunitajiet jgħaddu minnu. Il-valuri tagħhom jiġu attakkati. Uħud jiddefendu ruħhom kontra u jaffermaw prinċipju. Oħrajn inqas. F’dan, l-awtur, waqt li jirnexxilu jidħol f’ħajjet il-bnedmin f’dak kollu li huma r-relazzjonijiet umani, ma jillimitax ruħu għal sempliċi deskrizzjoni. Hemm ferm iktar fil-fond. Fejn l-imħabba, ir-rispett, l-onestà, l-irġulija u l-imġieba t-tajba jispikkaw. Proprju f’dan ma nistax ma nirrakkomandax kitbietu. Huma sbieħ u mimlija b’messaġġi. Dawk it-tajba li hemm bżonn jiġu affermati mill-ġdid f’pajjiż li b’dak li qed naraw qiegħed jissogra, kuljum, li jitlef ruħu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...