20.9.24

FIT-TRIQ ID-DRITTA

1. Għalkemm hemm ferm iktar x’wieħed jikteb u bil-figuri u bid-dettalji, xtaqt li dan l-artiklu ma jkunx fit-tul. Fiċ-ċirkostanzi partikolari li għaddejjin minnhom ferm iktar. Imma f’kull każ, jimmerita li nfakkru sew il-21 ta’ Settembru 1964. Jum importanti, li fih innifsu għalina daqshekk iktar din is-sena li jaħbat is-sittin anniversarju minn meta dawn il-gżejjer saru legalment indipendenti. Jista’ jkun li esternament m’aħniex wisq f’pożizzjoni li nfakkru u niċċelebraw. Imma nkunu qed nonqsu jekk ma nsemmux numru ta’ punti li jimmarkawna fl-istorja ta’ dan il-poplu. Poplu li għaraf jieħu deċiżjonijiet tajba u jħares b’viżjoni ċara u unika.

Riedu saħħa

2. M’hemmx dubju li s-sejħiet għall-indipendenza u forom aqwa ta’ libertà mill-kolonjaliżmu Ingliż saru qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Diversi politiċi, l-iktar ukoll, imma mhux uniċi, min-naħa tal-Partit Nazzjonalista li semmew il-vuċi tagħhom u kellhom il-kuraġġ iħarsu lejn futur differenti. Wieħed immexxi mill-Maltin, mingħajr il-bżonn ta’ ebda Stat ieħor dominanti. Ma kenitx faċli dik l-opinjoni, fi gżira fejn biha tassigura li tkun imqiegħed fil-ġenb. Mhux favorit, u anqas mogħti l-ispazju li għandu jingħata ċittadin liberu tad-dinja. Biss, anki f’dan, kien daqshekk ieħor kuraġġuż li wara dak li għaddiet minnu d-dinja bdew jikbru aktar il-vuċijiet favur. Vuċijiet favur it-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħna.

Traġedja mondjali

3. Tmiem dak il-konflitt ma kienx għal dawk li kienu għadhom qed jgħixu fil-prospett ta’ ħajja aqwa. Pajjiżna mkisser u l-Ewropa ta’ madwarna wkoll. Il-futur kien isbaħ għax kien hemm ġej żmien ta’ paċi. Imma biex tibni ekonomija u tibni lura dak kollu li twaqqa’ ma kienx ser ikun faċli. Iktar u iktar jekk kellna nsiru indipendenti u nimxu għal rasna. F’dan seta’ kien hemm min qagħad lura. Kien hemm min ħass li ma kienx il-mument propizju. U diversi wkoll li kellhom il-fehma li aħna m’aħniex kapaċi nimxu ’l quddiem waħedna. Fortunatament, minkejja dawn iċ-ċirkostanzi fejn kien hawn faqar u akkarija, xorta kellna politiku li ried li nibqgħu nimxu lejn din il-mira. Persuna li kellu l-ideat ċari, li storikament konna kapaċi u għalhekk, storikament konna ser inkunu kapaċi.

Prova

4. Dawn is-sittin sena wrew bil-provi li George Borg Olivier u dawk kollha li ngħaqdu warajn fis-snin kellhom ilkoll raġun. Pajjiżna mexa sew f’linja ta’ progress kbir. Anzi, kull darba, f’kull żmien rajnih jirbaħ dejjem iktar il-fiduċja fih innifsu. Jemmen li kapaċi u jimxi. It-triq ma kienet faċli xejn, imma kien hemm diġà min ħa ħsieb li barra l-ħolm politiku jkollu wkoll programm politiku. Kif tibni Stat demokratiku u modern sabiex, biċċa biċċa, jinbena aħjar. Il-passi inizjali tagħna kienu mimlija kawtela u attenzjoni. Imma immirati sabiex niġu aċċettati fost l-istati tad-dinja, Mediterranji u Ewropej. Ma sirniex bravi mill-ewwel, imma kellna diversi bnedmin li tgħallmu u mxew sabiex isem il-Maltin u l-Għawdxin ikun fil-kotba t-tajba tagħhom.

Tiskopri

5. Meta tmur lura f’dawk is-snin ta’ qabel l-Indipendenza u wara, kull darba tiskopri kemm diversi bnedmin kellhom għal qalbhom is-sens tal-Istat Malti. Kemm ħarsu sabiex jaħdmu biex l-affarijiet isiru sewwa u kif għandhom ikunu u mhux skont il-konvenjenza. L-Arkivji Nazzjonali tagħna huma miżgħuda b’informazzjoni fuq ħidmet dawk li ġew qabilna. F’dan tgħallimna, ċertament, għax kien hemm mumenti fejn kien hemm kunflitti politiċi u l-pożizzjoni mimlija tensjoni, imma għarafna nissuperawhom. Għarafna, fil-kumplikazzjonijiet, li d-dinjiet soċjali u ekonomiċi ressquna li nimxu lejn dak li aħna llum. Fil-verità għandna għax inkunu kburin bina nfusna u b’dak li waslna għalih. Ħadd ma jista’ b’xi mod jgħid li kien hemm min, f’xi mument, li riedna mmorru lura u nitilfu l-indipendenza tagħna. Il-poplu seta’ kien indeċiż u maqsum, imma wara ma kienx hemm partit jew bnedmin li nsistew li nsiru kolonja mill-ġdid. Dak li sar, fil-fatt, irnexxa.

Inħarsu ’l quddiem

6. F’dan, aktar, għandna raġunijiet biex inħarsu ’l quddiem Jekk fil-preżent hemm il-kritika u l-polemika, din mhijiex fattur ta’ passi lura, imma l-kontra. Il-verità hija li tant ilkoll irridu l-ġid ta’ pajjiżna, tant irriduh jimxi aktar, li leħinna nsemmgħuh sabiex nibdlu dak li narawh mhux qiegħed jaħdem kif għandu. Għad għandna d-demm politiku jbaqbaq biex il-viżjoni u l-ħolma ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ u twal ta’ Maltin tibqa’ tirnexxi u titwettaq. Inħares lura u ngħid kemm aħna debituri lejn id-diversi li ħadmu għal dan. Kemm għandna nuru, fuq naħa r-rikonoxximent, u fuq l-oħra kemm għandna nkunu aktar attenti biex nirrispettawhom. Forsi nħoss ftit aktar dan f’dan l-anniversarju meta nħares lejn dak li persuni fil-familja, nannuwi u missieri wettqu sabiex dan iseħħ. Għamlu huma lkoll l-għażliet ġusti u tajba għalina. Ħadmu b’determinazzjoni u perseveranza. Illum, fis-sittin sena tal-Indipendenza tagħna, għandna għalhekk nagħrfu dejjem aktar li dan seħħ għax qabdu għalina t-triq id-dritta: dik tal-libertà u l-ġustizzja.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...