1. Il-gwerer li għaddejjin bħalissa mhux wisq ’il bgħid minna huma parti minn proċess politiku. Mhuwiex biss jew ‘sempliċement’ ġlied bl-armi mill-iktar sofistikati. Huwa ferm aktar minn hekk. Għalina li nisimgħu u naqraw dak li għaddej kull ġurnata, dawn id-deċiżjonijiet politiċi mhumiex ċari. Hemm iktar li hu għaddej wara l-paraventi u wara l-kwinti. Mhux kollox ser ikun u huwa f’dan għad-dispożizzjoni informatika tagħna, imma hemm qiegħed. Iktar u iktar meta qed nistaqsu kull darba fejn huwa ċ-ċentru veru tal-‘operazzjonijiet’ u tad-direzzjonijiet futuri. F’dak li jidher kontinwament, il-kuntrasti u t-tensjonijiet li jinbnew minn mument għall-ieħor. F’dak bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna u dak bejn Iżrael u l-Ħamas, il-Ħiżbollaħ u l-Iran. Aġendi varji markati minn iktar minn sempliċi ‘vittorja’.
Gabriele Kolko (1932-2014)
2. F’dan ġie lura f’idejja dak kollu li kien kiteb dan l-awtur Amerikan li din is-sena taħbat l-għaxar sena minn mewtu. Id-diversi kotba tiegħu fihom x’taqra, imma partikolarment dan, The Politics of War. The World and United States Foreign Policy (1943-1945), stampat fl-1968. Riflessjonijiet varji dwar kif il-mexxejja kienu jħarsu lejn dak li kien għaddej fil-konflitt u jindirizzawh mil-lenti politika. Kull pass kien għalihom strateġiku u kemm setgħu ma ħallewx il-mazz joħroġ minn idejhom. Biss, f’dan aktar, l-awtur jeżamina id u moħħ l-Istati Uniti tal-Amerika f’dak li kienet qegħda tara li ġej u dak li kien bżonn li taħdem għalih f’dinja nieqsa min-Nażi Faxxiżmu. Żoni ta’ influwenza u tibdil fl-ordni u l-ekwilibriju mondjali li għadu mmarkat f’ħafna magħna llum.
Bidliet
3. Din il-forma nġiebet fis-seħħ proprju għax partikolarment it-Tieni Gwerra Mondjali neħħiet l-istituzzjonijiet li kien hemm u r-rabtiet bejn l-istati preċedentement eżistenti. Huwa b’dan li l-awtur jibda bħala riflessjoni li kien kiteb fl-1990, meta ġie stampat mill-ġdid il-ktieb: “The men who initiated WWII, just as had those who unleashed WWI, began their venture with false expectations regarding its duration and cost.” (Il-bnedmin li bdew it-Tieni Gwerra Mondjali, bħal dawk li bdew l-ewwel waħda, daħlu għal dan bil-premessi żbaljati dwar kemm kienet ser iddum u kemm kienet ser tiswa.) Xejn differenti mil-lum, fejn fil-proċess il-bnedem innifsu sab u għadu jġarrab l-iktar telf. Ir-rabtiet, l-għeruq, id-djar, il-familja, ix-xogħol jitkissru u jiġu distrutti. Daħlu l-ġuħ, il-periklu b’miljui jaħarbu miż-żoni tal-kunflitt ifittxu s-sigurtà. Il-persuna umana li tilfet id-dinjità tagħha fin-normalità tal-ħajja li wara fittxet kif tiġi lura biex tifdi soċjetà mfarrka.
X’baqa'
4. Kolko f’dan jgħid, jirrifletti u jiddikjara aħjar hekk: “In brief, everywhere the war and the surviving of man transformed the political and social landscape drastically even decisively, to define the preconditions of world politics over the subsequent decades.” (Fil-qosor, kullimkien il-gwerra u l-bnedmin li baqgħu ħajjin ittrasformaw l-ambjent politiku u soċjali drastikament u deċiżament, biex jiddefinixxu aħjar il-prekundizzjonijiet tal-politika mondjali għas-snin sussegwenti.) Dak li f’ħafna konna qegħdin ngħixu, sija minħabba l-linja politika li nbniet tul il-kunflitt f’dak li kellha tkun id-dinja wara. Inkella, forsi aħjar, fl-opportunitajiet li pprevedew u bnew il-parametri biex setgħu jinfetħu u li attwalment infetħu wara. F’dan wieħed jistaqsi fuq x’ser ikun ix-xenarju għalina għada pitgħada.
Attwalment
5. F’dan hemm ferm iktar x’wieħed jeżamina f’dak li jidher għaddej u dak li l-partijiet fiċ-ċentri rispettivi tal-operazzjonijiet qed jippruvaw jimmarkaw. Fuq naħa hemm l-aġenda ta’ min irid iżomm ċertu sopravvent u fuq l-oħra min irid jibdel dak li t-Tieni Gwerra Mondjali bniet. Supremaziji kontra ideat oħra f’dinja li miexja mingħajr ma aħna nifhmu xejn. Hemm ukoll, f’dan, iktar min irid ukoll jelimina lil dawk li qegħdin idejquh u jirritawh. Aġendi f’aġendi varji li ma jidhrux, imma li ċertament qegħdin f’moħħ id-diversi li jinsabu fil-kunflitt f’partijiet attivi, passivi jew fit-triq tan-nofs. Fil-laqgħat varji li qed isiru u li jiġu rappurtati u dawk id-diversi l-oħra li mhumiex, imma li huma għaddejjin.
Kif ser tkun id-dinja
6. X’ser ikun it-tmiem ta’ dawn il-kunflitti u dan meta għadhom iduru magħna? L-aħħar passi, sija fuq il-front Russu-Ukren, sija f’postijiet oħra mhumiex isolvu, imma qed jikkumplikaw. Kemm it-teħid ta’ partijiet mill-Federazzjoni Russa mill-Ukrajna ser “jgħinu” għat-tmiem tal-kunflitt, ftit għandhom fidi. Kemm ser jikkumplika aktar, fis-sens li ma jidhirx verament strateġiku fit-tul hija oħra. Jekk hemm min qiegħed jittama li ser jitwieled xi Vladimir Lenin ieħor li jaqleb il-poteri ta’ Vladimir Putin illum naħseb li mhux viċin ir-realtà. Fuq l-oħra hemm attakki bejn il-Libanu u l-Iran jew viċi versa lejn Iżrael li ftit ser isolvu. Anzi, jafu jkomplu jħawdu aktar. Fejn sejrin f’dan kollu ma nafux, iktar u iktar meta d-deċiżjonijiet fiċ-ċentru tagħhom jinsabu f’mument iktar differenti.
L-Istati Uniti
7. F’dan aktar wieħed jifhem kif hemm min qiegħed jirrealizza li hija iktar determinanti l-għażla għall-Presidenza Amerikana. F’kemm kien inevitabbli li tidħol Kamala Harris flok Joe Biden. Naħseb, minn dak li sa issa qrajt, li fil-mument attwali hemm viżjoni iktar fit-tul fil-kamp Demokratiku minn dak Repubblikan. Dak li ser isir f’dawn ix-xahrejn hemmhekk huwa daqshekk ieħor għaldaqstant, għalina wkoll, parti sħiħa minn din il-linja ta’ “Politics of War”. Dik li qegħda timxi fuq żewġ binarji mhux neċessarjament paralleli. Fuq naħa fix-xenarju li tirbaħ il-linja tat-trattattivi li minnhom il-paċi tiġi stabbilita mingħajr parti ma tiġi eliminata. Fuq l-oħra dik iktar kiefra fil-proċess tal-gwerra fejn parti titlef effettivament. Huwa x’inhuwa l-proċess finali li ġej għalina ser ikun inevitabbli li r-realtà li nsibu ser tittrasforma l-eżistenza futura tagħna.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
5.9.24
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment