24.9.24

IS-SINJALI TAŻ-ŻMINIJIET

1.  Ngħixu fis-sejħa naturali tagħna li nfittxu l-verità, il-fatti u nagħrfu r-realtà. Mhux dejjem inkunu fi triqitna. Ċerti drabi nippreferu ngħixu naħsbu l-kontra ta’ dak li jkun qiegħed fil-fatt iseħħ. Nagħrfu li l-affarijiet ma jkunux sewwa imma nibqgħu nittamaw li f’xi mument, il-kontra ta’ kull proċess, ser jiġi waħdu tajjeb. Irridu naħsbu li mixjin dritti meta m’aħniex. Proċess uman fejn il-bniedem jaħseb li qed jgħix fid-dinja li mhijiex, jew jekk kienet, mhijiex hekk aktar. F’dan, il-bniedem, fil-kumplessità tiegħu, jiġma’. Jittama, imma meta ma jarax bidliet li jistenna għalih u għas-soċjetà ta’ madwaru jitwieled fih sentiment differenti li mhux faċli jikkontrolla.

Alexis de Tocqueville (1805-1859)

2. L-awtur ta’ ktieb mhux daqshekk familjari bħal ma huwa l-klassiku Democracy in America (1835-1840), fil-ktieb tiegħu bl-isem ta’ The Old Regime and the French Revolution (1856), dan il-ħassieb jibda l-analiżi tiegħu b’osservazzjoni interessanti. Waqt li ser jibda jgħarbel x’wassal għar-Rivoluzzjoni Franċiża huwa jgħid hekk: “Philosophers and statesmen may learn a valuable lesson of modesty from the history of our Revolution, for there never were events greater, better prepared, longer matured, and yet so little foreseen.” (Filosfi u bnedmin tal-Istat jistgħu jitgħallmu lezzjoni siewja fil-modestja mill-istorja tar-Rivoluzzjoni tagħna għax qatt ma kien hemm eventi daqshekk kbar, ippreparati tajjeb, misjura fit-tul, però li xorta ftit setgħu jagħrfuhom.) Tista’ tħares filgħodu lejn ix-xemx tielgħa kuljum, imma ma tagħrafx il-ġurnata meta ser ikun hemm il-maltempata. Taħseb li taf u li inti kapaċi tikkontrolla, imma fil-fatt ma tkunx qed tanalizza sewwa l-affarijiet.

Aqra sew

3. Hemm min kontinwament jistedinna sabiex naqraw bejn il-linji. Naqraw dak li mhuwiex miktub jew dak li mhuwiex magħdud imma li ġej għalina. Iktar u iktar f’soċjetà fejn hemm abbandun tal-għeruq tagħna, traskuraġni fl-affarijiet li jimmeritaw attenzjoni u dożi ta’ disprezz lejn il-kultura u l-istorja. Kif qrajt u nħoss li ninsab fih meta ngħadli mill-ġurista Manlio Bellomo: “Un continente che ignora il proprio passato è come una persona che ha perso la memoria.” (Kontinent li jinjora l-passat tiegħu huwa bħal din il-persuna li tilfet il-memorja). Forsi sforz id-dinja u l-ambjent sħiħ li ngħixu fih. Inkella aktar, in-nuqqas fil-prijoritajiet nazzjonali sabiex il-bnedmin fuq dawn il-gżejjer jaqraw u jixtru aktar kotba bħala proċess essenzjali lejn il-paċi u l-istabilità. Proċess li jekk ma jseħħx jaf iwassal għal iktar indifferenza.

David Lammy (1972)


4. F’dan il-kuntest qrajt dak li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit reċentement maħtur għandu xi jgħid fil-ktieb Tribes (2020): “Indifference is poison to democratic politics. Meaningful options are vitali f we are to offer people choice. Debate is necessary for us to further understanding, to synthesise opposing viewpoints and to come to wise conclusions. Yet complaints about apathy in our politics feel strange and foreign now.” (L-indifferenza hija velenuża għall-politika demokratika. Alternattivi siewja huma vitali jekk irridu noffru għażla lill-poplu. Id-dibattitu huwa neċessarju għalina biex nifhmu aktar, biex niġbru f’daqqa fil-qosor opinjonijiet differenti u li naslu għal konklużjonijiet għaqlin. Madanakollu l-ilmenti dwar l-apatija fid-dinja politika tagħna nħossha stramba u barranija llum.) Kliem li jimmeritaw aktar riflessjoni fid-dinja Maltija tagħna.

L-indifferenza

5. F’dan għandu jkun hemm qbil li l-indifferenza mhijiex ta’ ġid għas-sistema demokratika tagħna. Parti mill-messaġġ kontinwu tal-Papa Franġisku fl-appell tiegħu sabiex nieħdu sehem fid-dinja fl-aspetti sħaħ tagħha. Elaborat aktar, u fil-każ tiegħu iktar u iktar wara l-aħħar vjaġġ tiegħu. Xhud ħaj kontra l-indifferenza. Imma fid-dinja politika hemm żewġ livelli tagħha. Dik tal-poplu li qiegħed jinqata’ mill-ħajja pubblika, għalkemm mhux neċessarjament mill-ħidma tiegħu għal bnedmin oħra. Fuq l-oħra, dak tad-dinja politika li flok tibgħat messaġġi ta’ tama u li minnhom il-mexxej jagħraf id-direzzjoni li l-pajjiż irid, hemm minflok il-kontra. Iktar u iktar fil-kuntest sħiħ li hemm l-għarfien li numru ta’ problemi soċjali ħarġu barra mill-idejn u ma jistgħux jiġu kontrollati. Fejn ma hemmx, anqas, forom ta’ soluzzjonijiet ta’ xi ħadd li qiegħed ifiehem u jispjega, imma li qed jieqaf biss fil-linji tal-platitudnijiet.

Dibattiti

6. F’dan, kif jgħid tajjeb Lammy, hemm bżonn ta’ soċjetà fejn ikun hemm iktar dibattiti. Aktar diskussjonijiet pubbliċi bejn il-mexxejja varji fid-dinja politika, soċjali, ekonomika u kulturali. Wiċċ imb’wiċċ nagħrfu aktar li ż-żewġ naħat huma bnedmin. Mhux biss, imma aktar f’dan iżżarma l-ideat żbaljati u fundamentalisti. Iktar minn dan taħrab is-saħħa li tingħata lill-estremiżmi tal-lemin u tax-xellug, li jsibu ruħhom komdi jiddikjaraw mingħajr ma jiġu kontestati bil-fatti. Forsi f’dan għandna nagħrfu li l-indifferenza hija magħna u hija parti miż-żminijiet. Minnha però rridu nagħrfu li ser jitwieldu reazzjonijiet varji li jridu lil min jifhimhom, qabel ma jkun tard wisq għalina. F’dan, ċertament inħares ’il quddiem u nittama fil-vantaġġi li joħorġu minn soċjetà demokratika li tiddibatti, fil-bżonn qawwi u attwali sabiex verament tagħraf is-sinjali taż-żminijiet tagħna.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...