4.10.24

SFIDI

1. Is-sajf għadda u issa sejrin aktar lura lejn il-ħidma rispettiva tagħna. Fis-sħana li għaddejna minnha konna, f’ċertu sens wieqfa, imma llum nerġgħu lura fit-triqat tas-soltu. Fl-għarfien akbar li diversi problemi li kellna fil-bidu ta’ Lulju ma telqux minn fostna. Għadhom hemm. Anzi, kif rajna, qegħdin iktar u iktar jaggravaw u dan waqt li ma hemmx soluzzjoni għalihom. Ngħid iktar dan fid-dawl ta’ dak li għaddejna u għadna għaddejjin minnu aħna bħala poplu. Mhux ser nidħol fl-aspetti kulturali tagħna. Dak li qiegħed jinbena fil-bżonn u l-fissazzjoni fil-ġid materjali li llum rikibna u sar, għal diversi, skop uniku ta’ ħajja. F’dak li huwa wieħed ’il bgħid mill-familja, mill-oħrajn u minn dak kollu li huwa fil-wirt kulturali tagħna.

Ninsabu

2. Lejn l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 kien hemm parti importanti mill-kampanja marbuta mal-kwistjoni tat-trasport pubbliku. Il-Partit Laburista għamel diversi attakki u beda jiddikjara kontinwament li huwa għandu triq ’il quddiem, għandu “Road Map”. Kampanja li niżlet tajjeb ħafna u f’ħafna, sfortunatament, ċekknet l-isforzi, taqbel magħhom jew le, li kienu diġà qegħdin isiru minn Gvern Nazzjonalista. F’dan, l-ewwel leġislatura tal-Gvern Laburista kellha l-benefiċċju li rat iktar toroq u fly overs mibnija u għalhekk, għalkemm konna l-istess wieqfa fit-traffiku, kien hemm prospett li l-affarijiet ser jinbidlu u rajna ħafna tifħir kemm konna ser indumu inqas imwaħħlih fih. Imma llum, wara dawn is-snin kollha, huwa iktar milli leġittimu li nħarsu biex naraw jekk din il-problema ssolvietx, jew almenu, ittaffietx.

Il-Miżuri

3. F’dan, il-Gvern, irid jingħad li flok naqqasha rnexxielu jikkontribwixxi u jżidha konsiderevolment. Jekk qabel it-traffiku kienet il-problema prinċipali, illum għandna żewġ sfidi oħra li kibru magħha u li qed jikkontribwixxu għaliha. Id-deċiżjoni li pajjiżna jrid isir, irid jew ma jridx, kosmopolita, biddel kollox. Kien att xejn ikkalkulat u viċin l-irresponsabbiltà li f’daqqa waħda sibna politika li żżid il-persuni fuq dawn il-gżejjer bla ebda kontroll. Fil-bidu kien hemm min gawda, mentri llum diversi jinsabu dipendenti fuqha. In-nuqqas ta’ ordni u attenzjoni f’min jiġi, kif u fejn jaħdem, fejn jgħix, ġiebet effetti kollaterali fuq l-infrastrutturi l-oħra li għalihom ħadd ma ħaseb. F’dan insemmi, bi prijorità, is-saħħa pubblika tagħna, imma magħha wkoll iktar it-trasport pubbliku.

Naggravaw

4. F’dan huwa ferm iktar ċar li mhumiex jittieħdu l-passi neċessarji biex niġu lura fil-kontroll loġiku tas-sitwazzjoni. Ma nafux kemm għandna persuni li ġew jgħixu f’dawn il-gżejjer. Ma nafux kemm minnhom għandhom il-permess, kemm minnhom qegħdin verament jaħdmu. L-iktar fil-punt kruċjali li ma hemmx idea ta’ kemm, fil-fatt, is-suq tagħna għandu verament bżonn, fejn jista’ jiżviluppa u kemm jiflaħ fl-assjem sħiħ tiegħu dan il-pajjiż. Mhux biss, imma iktar minn hekk ma hemm ebda programm biex dak li ħareġ mill-idejn jerġa’ jiġi lura. Fil-prijorità tal-Gvern preżenti ma hemmx dak li huwa ta’ prijorità nazzjonali. Iktar ma jgħaddu l-ġranet, jekk ma jkunx hemm pjan uman u naturali biex nibdlu u niġu fin-normal li għandna nkunu, f’dan ser naggravaw iktar.

Il-punt huwa

5. Illum għandna lkoll nagħrfu li l-pożizzjoni hija ferm aktar gravi milli kienet fl-2013. Flok solvejna problema ninsabu bi tlieta ferm ikbar, li aktar ma jgħaddu x-xhur, aktar huma dawk il-Maltin u l-Għawdxin li huma konvinti li, l-ewwel: ma hemmx rieda politika; u t-tieni: li m’hemmx soluzzjonijiet veri biex tibdilhom. Mat-trasport għandna l-isfida tad-demografija u dik fl-infrastrutturi varji tas-saħħa. Tul is-sajf li għadda, bil-fattur miżjud tat-turiżmu konna aktar f’pożizzjoni li nistgħu nikkrollaw, u f’dan huwa miraklu kif għadna le. Pajjiżna mhuwiex iħares u jaffronta l-problemi, l-isfidi li għandu, imma qed jaħrab minnhom. Jittama li jissolvew waħedhom, mentri minflok, qed ikomplu jikbru. Jekk bqajna b’aktar persuni jiġu jgħixu hawn, u iktar turisti m’aħniex b’xi mod viċin li niġu lura għan-normalità.

Morna lura

6. Nafu lkoll li t-traffiku sar iktar kaotiku. Kuljum, fi kważi kull ħin nagħrfu li ser inqattgħu sigħat biex immorru min-naħa għal oħra. Nafu wkoll li l-Isptarijiet mhumiex ilaħħqu u ma hemmx alternattivi. Fis-servizz mediku m’għandniex iktar tobba jew infermiera li mhumiex qed jaħdmu, jew li ser jiġu bla xogħol. Kull persuna qegħda impenjata. Qegħdin nagħrfu li ma tistax tkompli tgħabbi s-sistema u taħseb li ma hemmx konsegwenzi. Din il-pożizzjoni hija rikonoxxuta minn kull persuna. Nafu biha imma m’aħniex naraw it-tarf tagħha. Sa issa, salv ilmenti u dikjarazzjonijiet varji ma rajniex u ma smajniex. M’hemmx proposti konkreti biex dawn il-gżejjer li jinsabu mifnija minn dawn l-isfidi jfiequ. Anzi, hemm ferm iktar bnedmin li huma konvinti li m’hemmx tmiem għal dawn l-isfidi li rikbuna. Waqt li sejrin lejn il-Budget irridu nifhmu li, f’dan, il-pożizzjoni hija ferm aktar gravi għax il-problemi qed jikbru u ma hemmx tarf ta’ soluzzjoni għalihom.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...