1. Ninsabu resqin lejn mument li fl-istorja attwali fih importanza ikbar min-normal. F’inqas minn xahar ser ikollna l-vot presidenzjali tal-Istati Uniti tal-Amerika. Pożizzjoni xejn faċli fuq ix-xenarju internazzjonali b’kumplikazzjonijiet kontinwi. Iktar ma jgħaddu l-jiem, iktar qed naraw forza ta’ distruzzjoni tirbaħ fuq ir-raġuni u s-sewwa. Bħalissa m’għadniex ingawdu mill-paċi u l-istabilità, imma ninsabu mħassba kontinwament fuq dak li ġej iktar għalina. Dak li laqatna diġà u dak li kapaċi jolqotna iktar fil-jiem li ġejjin. Iktar u iktar f’dak li jista’ jseħħ f’kull direzzjoni f’dawk l-elezzjonijiet presidenzjali.
Wieħed isellem
2. F’dan, ċertament wieħed isellem lill-President attwali Joe Biden fil-ħidma li sa issa wettaq tul dawn l-aħħar erba’ snin. Mexxa lura l-pajjiż lejn in-normalità li kien qiegħed jitlef. L-ekonomija mxiet ’il quddiem u l-istatura għoliet mill-ġdid fil-kamp tas-sens u l-loġika, tant neċessarju biex jitmexxa Gvern ta’ poplu daqshekk kbir. Sfortunatament, fil-maġġor parti tiegħu l-elettorat baqa’ maqsum, u dan iktar b’dak li seħħ fis-6 ta’ Jannar 2021 meta ġabra ta’ persuni favur Donald Trump attakkaw il-post ċentrali tal-Istat, il-Capitol Hill. Qatt fl-istorja demokratika ta’ dak il-pajjiż ma kien seħħ dan. Tkissir u tifrik fil-qalba tad-demokrazija u dawn immexxija u msaħħna minn min kien tilef l-elezzjoni imma li ma riedx jaċċetta r-riżultat.
Ebda mexxej
3. Ebda politiku u ebda mexxej ma jista’ jiddikjara li kull ma wettaq huwa tajjeb u li ma hemmx sostitut għalih. Ir-realtà turi li kull persuna sservi daqqa ħafna lill-oħrajn, u daqqa iktar lilha nnifisha. Jista’ wkoll ikollok l-aqwa mexxej fl-onestà, fl-integrità u fil-bżonn rigoruż li jgħid il-verità iżda dan ma jkollux kunsens elettorali warajh. F’dan jista’ jkollna l-kontra, imma fid-dinja demokratika hemm regoli ċari. Jekk partit irid jirbaħ u jwettaq programm elettorali li jħoss li huwa l-aħjar irid jagħraf din l-għażla. Idur fuqu nnifsu u jkun kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet it-tajba li jafu jkunu wkoll ikkumplikati. Mexxej demokratiku tajjeb jirrikjedi li jkollu dożi ta’ umiltà li jippermettulu jimxi pass lura.
Hekk seħħ
4. Hekk, fil-fatt, sabu ruħhom wkoll il-President Joe Biden u l-Partit Demokratiku Amerikan. L-għażla għalihom ma kinitx faċli quddiem il-fatt li Biden żied sew fl-età u li l-poplu kien qiegħed juri li l-Partit Repubblikan kien ser jitlaq b’vantaġġ kbir. Kien hemm pressjoni, u ċertament ma kienx hemm dejjem diskussjonijiet paċifiċi, imma għalihom ittieħdet id-deċiżjoni t-tajba. Saret il-bidla sabiex tidħol Kamala Harris, li ċertament għandha l-esperjenza tagħha, għalkemm inqas minn dik ta’ Biden, imma kienet u hija l-Viċi President tal-pajjiż. Rajna tibdil kbir f’dan, u l-Partit Demokratiku, li kien qiegħed ibati sew, sab demm ġdid u mmobilita ferm iktar il-poplu Demokratiku. Kemm, fl-aħħar tal-ġurnata dik id-deċiżjoni hija tajba għad irridu naraw, imma saret bl-aħjar intenzjonijiet.
Fit-triq politika
5. Li huwa ċert hu li jekk qabel kienet rebħa ċerta għal Donald Trump, li jibqa’ f’dan il-favorit, id-Demokratiċi jinsabu f’pożizzjoni elettorali aqwa. Ma kien faċli xejn li titlob mexxej b’tant dinjità u attenzjoni jmur pass lura, imma d-deċiżjoni ittieħdet u l-bidla seħħet. L-elettorat jurik dak li għaddej fih u dak li qiegħed jippretendi minn dawk li jmexxuh. Proprju f’dan anki jekk finalment ma jkunx hemm rebħa għal Harris, xorta l-pass politiku huwa ċertament fit-triq it-tajba. Dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li b’dak li qiegħed jirriżulta kontinwament, l-eletturi presidenzjali ser ikunu kważi ugwali. L-istati li ser jintrebħu għal ftit voti minn kandidat jew ieħor jafu jwasslu għal pożizzjoni fejn l-eletturi jkunu ugwali u wara jkun is-Senat li jiddeċiedi. Ovvjament vot favur Trump, billi hemmhekk hemm maġġoranza Repubblikana.
Kull vot jgħodd
6. Għalina li nippruvaw nifhmu l-kurrenti u x-xenarji f’dak il-pajjiż mhux dejjem ikunu loġiċi jew evidenti. Imma l-fatt jibqa’ li anki jekk dak huwa poplu kbir, kull vot jgħodd iktar minn qabel, l-iktar f’dawk li jissejħu “swing states”. Dawk li jinbidlu kull elezzjoni u li jiddeterminaw b’sorpriżi. F’dan, il-vantaġġ għall-kamp ta’ Donald Trump huwa ikbar. Ħareġ mix-xenarju presidenzjali bħala l-vittma. Ġie iktar u iktar f’dan il-mantar tul dawn is-snin, fejn diversi drabi ġie ipproċessat fuq diversi reati li huwa allegatament wettaq. Ma’ dan, għalkemm l-ekonomija hija aħjar u l-impiegi żdiedu fil-post fejn hemm il-voti determinanti, il-pożizzjoni baqgħet l-istess. Dak li jissejjaħ “Rust Belt” baqa’ mingħajr tweġibiet ekonomiċi u dawn ċertament ser ikollhom il-piż tagħhom f’dak li ġej. Mhux faċli għal Kamala Harris biex tibdel dan, imma sa issa rnexxielha tnaqqas il-vantaġġ. Kemm dan ser jibqa’ sal-aħħar jum, dik hija ħaġa oħra.
Determinanti
7. F’dan kollu huma determinanti l-voti u r-riżultat tagħhom. Id-dinja hija mimlija bi traġedji fejn il-politika tal-gwerra qegħda tirbaħ fuq dik tal-paċi. Jitla’ min jitla’, u fuq dan id-deċiżjoni ta’ ma’ min wieħed għandu jżomm mhijiex faċli, mhux ser isolvi l-kumplikazzjonijiet li għaddejjin. Ser jipprova jġib ruħu fil-forza determinanti li l-pajjiż irid għalih innifsu. Dawk li huma xejn ġusti lejn Joe Biden jaf jiddispjaċihom li kellhom persuna tajba. Imma l-fatt jibqa’ li huwa għamel deċiżjoni li ħaqqha tifħir ġenerali: dik li għażel li jieħu pass lura. Għax l-elettorat jirbaħ u wieħed irid jagħti każ tiegħu u mhux jinjorah. Min huwa demokratiku jirrispetta l-opinjoni pubblika u mhux jinjoraha jew jgħaddiha biż-żmien. F’dan, ikun xi jkun ir-riżultat f’dak il-pajjiż, jibqa’ żgur determinanti li huwa ħa pass lura għas-sewwa.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment