24.10.24

IL-VERITÁ RARI

1. Hemm min jippreferi jgħix fil-gidba. Hemm min jaf il-verità imma xorta jibqa’ jinsisti li ma jgħixhiex. Jidħaq bih innifsu fil-ħsieb ovvju li dak li qed jiddikjara li huwa minnu, fil-fatt, mhuwiex. Ma’ dawn hemm dawk li huma ġenwini u jaħsbu li qegħdin fil-verità mentri mhumiex. Isibu min jidħaq bihom u jgħidilhom il-kontra ta’ dak li huwa. Jew inkella hemm dawk li jinqatgħu mid-dinja biex jidħlu f’dik tagħhom billi jaraw l-istess stazzjon, jaqraw l-istess gazzetta u jisimgħu l-istess radju. Jisimgħu d-diska ta’ dak li mhuwiex verità, jemmnuh u jsostnuh bħala l-verità. Din hija d-dinja li fuq dawn il-gżejjer irridu naffrontaw jum wara jum sabiex il-fatti jingħadu u tinħareġ l-informazzjoni korretta.

Mhux faċli

2. Għalhekk, biex tgħid il-verità u tkun xhud tagħha mhuwiex faċli. Anzi, huwa kkumplikat. Għandek għażliet quddiemek, u dawn f’żewġ alternattivi: jew ma tgħid xejn u taqa’ fis-silenzju biex tabbanduna d-dmir li tgħid is-sewwa, inkella tingħaqad mal-gideb tal-oħrajn biex ma tidhirx ikrah. Omm il-ġifa, verament ukoll, qatt ma tagħli. Imma bħala Nsara fil-politika, aħna msejħa niddikjaraw u nkunu dawk li jikkumbattu sabiex tirbaħ il-verità. Għandna dmir li nkunu hekk u li nfittxu li mmorru kontra l-kurrent. Għax dmirna huwa dak li mhux biss infittxuha, imma li nassiguraw ukoll li nxandruha. Hija m’għandhiex bżonn tgħajjir jew żeblih tal-proxxmu. Waħedha tiddi u waħedha tagħmel il-ġid.

Deċiżjonijiet

3. Ħadd ma jista’ jimxi ’l quddiem fil-ħajja jekk ma jibbażax id-deċiżjonijiet tiegħu fuq il-fatti. Min irid jibni ekonomija tajba u Stat demokratiku b’saħħtu jrid jorbot lilu nnifsu ma’ dawn il-prinċipji fundamentali. Anzi, aqwa minn hekk, l-istituzzjonijiet demokratiċi huma marbuta li jimxu u jidderieġu ruħhom fuq il-fatti u fuq il-prova. Mhux fuq l-impressjonijiet jew il-perċezzjonijiet, għax dawn iwasslu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet żbaljati li flok ġid jagħmlu ħsara lill-poplu. Wisq anqas fuq simpatiji u antipatiji. Kull bniedem ħaqqu li jiġi stmat u rispettat billi tingħadlu l-verità. Dan ukoll għax pajjiżna jixraqlu ferm aħjar milli għandu bħalissa. Jixraqlu li jkollu Gvern u mexxejja li jiddikjaraw il-verità u ma jkunux ittantati jmorru l-kontra.

Dinjiet

4. Dan aktar u aktar fil-konfront tal-fatt li għada se jkollna d-diskors tal-Budget. Fejn il-Gvern nistennew minnu li jiddeċiedi l-prijoritajiet tiegħu. Nistennew li jkun hemm pjan veru għall-futur u mhux ripetizzjoni tal-istess diskorsi preċedenti marbuta ma’ kemm se jkollna żidiet. Pajjiżna jrid strateġija ekonomika u soċjali li tiġi diskussa, ippubblikata u ffurmata sew. Fejn il-verità tal-istat tal-ekonomija tagħna jiġi konfrontat. Dan biex naqbdu toroq siewja li jmexxuna nifhmu fejn konna, fejn ninsabu, u fejn irridu mmorru. Fix-xenarju internazzjonali li ninsabu fih, il-mument mhuwiex faċli. Għalhekk wieħed jistenna li dan jiġi mdaħħal fil-kalatura sabiex ma nidħqux bina nfusna u naħsbu li sejrin sewwa meta fil-fatt m’aħniex. Hemm bżonn ta’ kontrolli, u magħhom bżonn ta’ viżjoni.

Fejn sejrin

5. Dan iktar u iktar fid-dawl ta’ dak li sejrin għalih bil-fatti u li ma nistgħux naħarbu minnu. Nistgħu nittardjaw, imma fil-fatt irridu nikkonfrontaw l-iebes. Aktar ma ndumu, aktar għada pitgħada ser ikun diffiċli li ġġib il-pożizzjoni lura f’postha. Iktar u iktar meta ninnota li daħlet mentalità, jew forma ta’ ħsieb li kull deputat huwa qiegħed fil-Gvern u li ser jibqa’ hemm għal dejjem. Id-dożi ta’ umiltà m’għadhomx aktar popolari. Anzi, saru rari ħafna. Ftit huma dawk li jirrealizzaw li fis-servizz mistenni minnhom iridu jkunu gwardjani tal-verità. Iridu, huma stess jinsistu li tingħad il-verità, u f’ħidmiethom aktar u aktar ifittxu li jsibu l-verità u mhux dak li jingħad lilhom. Naf li diversi deputati mhumiex jaqblu ma’ dak li hu għaddej, imma qed jagħżlu li joqogħdu pass lura. Jistennew il-mument meta jwarrbu jew li l-arja tinbidel.

Il-ħidma vera


6. Mentri biex dan iseħħ, wieħed irid jikkumbatti għal oħtna l-Verità. M’għandniex niċħdu l-fatti li ma jogħġbuniex. Quddiem il-verità m’għandniex ngħidu, jew li min qiegħed jgħidha, għandu xi difett jew xi preġudizzju. Wisq inqas li nippruvaw indawruha l-kontra ta’ dak li hija. Dak li qiegħed jirriżulta mill-istatistika li tingħad u li tiġi analizzata m’għandniex naħarbuh, imma nikkonfrontawh bl-għarbiel tal-użu tar-raġuni. Jekk kostantement dan juri li hemm tnaqqis fuq naħa u ebda żieda fuq in-naħa l-oħra rridu nifhmu l-konsegwenzi li ġejjin. Jekk hemm min huwa rassenjat li għandna nibqgħu ħames snin oħra kif aħna, nammetti li jien minix. Nammetti li nifhem il-kumplikazzjonijiet u l-isfidi li dan iġib, imma nħoss li jkun żball politiku jekk wieħed jippermetti li jaqa’ fis-silenzju. Il-verità hemm qegħda u hija għad-dispożizzjoni tagħna. Però f’dan għandna l-għażla jew li naħdmu għaliha inkella li nittraskurawha, u magħha, lilna nfusna. F’dak il-punt allura, il-Verità verament issir rari.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...