24.10.24

MEMORJA U IDENTITÀ

1. Illum, waqt li qed taqraw dan l-artikolu, fid-dinja qed niċċelebraw il-Festa ta’ San Ġwanni Pawlu t-Tieni. Memorja mill-isbaħ ta’ bniedem li biddel ħajjitna. Għaddew diġà għaxar snin minn meta, fl-2014, il-Papa Franġisku, fis-27 ta’ April kien iddikjarah uffiċjalment qaddis. Huwa f’dan mument ta’ riflessjoni, anki jekk għal ġenerazzjonijiet varji sar mimli b’messaġġi differenti. Iktar u iktar quddiem il-proċess normali u assolut li bnedmin varji jissejħu lura bħalu għand il-Ħallieq tagħna. F’ħafna kien, u għal dak li jaqrawh għadu wkoll, ‘game changer’. Ġieb il-messaġġ Nisrani fuq linja li kienet ilha ma tieħu għal sekli. Forsi kif kien jemmen, ma kienx b’kumbinazzjoni, imma kien dak opportun. Il-bniedem it-tajjeb fil-mument it-tajjeb.

Ċaqlaqna

2. Kien il-bniedem li rnexxielu, bil-karattru speċjali tiegħu, jibdel dak li deher wieqaf għal dejjem. Irnexxielu jibda jdaħħal lura messaġġ ta’ kuraġġ dinamiku f’dinja li kienet lura fir-rokna kajmana tagħha tistenna x’ser iġib għaliha d-destin. F’ħafna anzi, il-persuna umana miegħu saret lura l-protagonista tal-futur tagħha. Fiċ-ċentru tal-ħajja bħala lura fis-suġġett lihija u mhux l-oġġett li oħrajn għamluha. Dak li ħaddieħor waqaf lura milli jaqsam huwa qasmu lejn is-sewwa. Ġieb diversi bnedmin ta’ rieda tajba jemmnu fihom infushom u fil-fatt li setgħu jibdlu dak li ma kienx tajjeb. Kellu fiduċja fil-ħajja u kien determinat li dawk li kienu lura kien se jixħethom ’il quddiem b’forza inkredibbli. Il-Kattoliċi semgħuh u segwewh, fil-bidu b’kawtela, imma maż-żmien b’direzzjoni ċara. Magħhom diversi oħra mhux Insara wkoll sabu ruħhom parti minn dan il-proċess.

Kien ċar

3. F’dan, il-messaġġi tiegħu kienu jfakkruna dejjem li hemm risposti ċari: iva iva, u le le. Ma kienx jibqa’ lura fil-kariżma li kellu, fit-talenti li kien imżejjen bihom, u fuq kollox fl-esperjenza li huwa ġabar. Diplomatiku sa ċertu punt, imma l-verità, il-fatti u s-sewwa ma kienux jinħbew. Kapaċi jiltaqa’ ma ħafna u jimmarkahom. Attent għad-dettalji li ma kinux jaqbżulu. Irid ikun jaf biex jifhem dejjem iktar aħjar. Anki diskorsu, ma kienx mimli retorika jew platitudnijiet. Kien jitkellem mal-udjenzi li kellu quddiemu. Jikkomunika verament u personalment, b’abbiltà u kapaċità li ftit għandhom, jew qatt kellhom. Kien ammirat ħafna, imma l-iktar, maħbub verament ħafna. Persuna li tagħmel sewwa li tisma’ diskorsu għax taf li hemm fih sens u sustanza qawwija; diskors li jispirak u jibdlek.

Imexxik ’il quddiem


4. F’dan, l-iktar kien kapaċi jiġbed il-poplu warajh, bid-differenza li m’abbuża qatt minnu. Kien ikollu folol warajh, mhux tar-rispett jew tal-obbligu, imma dawk li bnew passjoni għall-ħidma. Favur il-bniedem f’kull ċirkostanza. Determinat li jibdel dak li kien jara żbaljat. Eżempju uniku għalina li rajnih u missejnih fil-ħajja, daqshekk ieħor illum għal min irid isir jafu. Kellu kelma faċli u mimlija kalamiti. Daqshekk ieħor kellu kitba sabiħa. Anke jekk tista’ tiddikjara li ma ssegwix il-fidi Nisranija, xorta trid taċċetta li kliemu kienu preċiżi, perfetti u xprun għall-umanità. Xi drabi jiġi assoċjat ma’ ftit eventi u forsi indirettament ikun hemm l-attentat biex jiġi relegat fil-passat. Imma llum hu jibqa’ rilevanti.

Listi twal

5. Mar fejn mar, ħalla warajh marka unika. Il-preżenza tiegħu sarrfet, ċertament, f’bidla fid-dinja li konna mdorrijin fiha. Dik ta’ Ewropa maqsuma fi tnejn. Parti fil-libertà demokratika u oħra fit-tirannija Sovjetika. Għalkemm huwa stess dejjem ma attribwiex dan is-suċċess għaliha, kif minflok, nagħmlu aħna. Fil-ktieb Memoria e Identità (2005) huwa jgħid hekk: “D’altra parte, so bene che sarebbe ridicolo ritenere che sia stato il Papa ad abbattere con le proprie mani il comunismo.” (Min-naħa l-oħra, naf li huwa ridikolu li ssostni li kien il-Papa li b’idejh waqqa l-Komuniżmu.) Anzi, fl-umiltà tiegħu jiddikjara li huwa: “Servi inutili ... La consapevolezza del “servo inutile” va crescendo in me in mezzo a tutto ciò che accade intorno a me – e penso di stare bene con questo.” (Servi inutili ... L-għarfien tas-“serv inutili” jikber dejjem iktar fija f’dak kollu li jseħħ madwari – u naħseb li nħossni tajjeb b’dan.)

Preparat

6. Kien bniedem li bil-qari estensiv u tal-istudju tiegħu kien iffurmat tajjeb ħafna kulturalment, filosofikament u kien jaf sew il-letteratura fil-kurrenti sħaħ tagħha. Kien jaf tajjeb il-passat. L-istorja u dak li ġiebet magħha fid-dinja. Ilkoll għodda sabiex jifhem dak li hemm madwaru u dak li għandna nħarsu ’l quddiem għalih. Kien ġarrab l-ikbar skandlu fl-istorja tad-dinja fir-rigward tal-Polonja. Pajjiż li għadda mill-ħakmiet tan-Nażiżmu u tal-Komuniżmu. Pajjiż li ġarrab atroċitajiet kbar. Mietu eluf, u fil-konfront tiegħu saru viljakkeriji kbar. Ir-rebħa demokratika u t-tmiem tal-Komuniżmu ġiebu fit-tmiem dan il-perjodu li kull min irid jifhem dak il-pajjiż irid jieħu inkonsiderazzjoni. Kien parti minn dan il-proċess li għaraf li biex tibni lura ma tridx tpatti, imma trid twettaq is-sewwa. Kien iħobb wisq kliem San Pawl, li kien qal: “Non lasciarti vincere dal male, ma vinci con il bene il male.” Tħallix lilek innifsek tintrebaħ mill-ħażen, imma irbaħ lill-ħażen bit-tajjeb. Kliem li jibqgħu gwida u dawl f’dinja li trid tiddallam.

Demokratiku

7. Kien il-Papa li emmen fid-demokrazija. Kellu viżjoni ċara ta’ dan u kitbietu huma riflessjoni ta’ din il-forma mentali. Mhux kull ma jseħħ fiha huwa tajjeb. Imma f’dan kien jemmen li: “Uno Stato di diritto attua in questo modo il postulato di ogni democrazia: quello di formare una società di cittadini liberi che insieme perseguono il bene comune.” (L-Istat tad-Dritt b’dan il-mod iwettaq, fil-pedamenti ta’ kull demokrazija, dak li tifforma soċjetà ta’ ċittadini liberi li flimkien jaħdmu għall-ġid komuni.) Biss, f’dan dejjem, il-liġijiet iridu jirrispettaw lill-bniedem u li hemm liġi superjuri għalihom: dik li ma jaqbżux il-kompetenza tagħhom, speċjalment fl-abort u fl-ewtanasja.

Tikteb

8. F’dan proprju għalhekk li, tikteb meta tikteb dwaru, dejjem ser issib argumenti ġodda u li ma kinux żviluppati qabel. Fonti ta’ għerf u riflessjoni. Dawk li ma niddejqux inkunu parti minnhom. Dawk li jidentifikawna bħala Nsara impenjati fil-ħajja politika. Bniedem li jeħodna lura fil-memorja, imma li jimlina b’identità speċjali.

 

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...