1. Kif hemm miktub, ħafna drabi ssib ruħek fejn ma kontx tgħid, jew taħseb, li ser tkun. Huwa veru li kif jikteb Marco Pozza (1979) fil-ktieb tiegħu L’Imbarazzo di Dio (2014), li nittama li għada pitgħada nikteb dwaru, hemm diversi sorpriżi varji u tajba lesti għalina. Hekk ħassejtni ftit jiem ilu waqt li rfist l-għatba tal-Knisja ta’ Ġesù Nazzarenu fix-Xagħra, Għawdex. Dħalt f’dinja oħra waqt il-preparazzjonijiet għall-festa ta’ Ġesù Nazzarenu li din is-sena ħabtet fit-13 ta’ Ottubru, fejn kien hemm ġabra kbira u paċi li tmiss miegħek u li tidħol ġewwa fik. Fil-post immexxi tant tajjeb mis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù stajt nara li xejn ma kien barra minn postu. Ordni estern u miegħu aktar dak intern li kull bniedem, ġej minn fejn hu ġej, ifittex. F’hekk ħassejtni milqugħ bil-ferħ.
Ktejjeb
2. Għalkemm xtaqt nibqa’ hemm ġewwa, waqt li ersaqt biex noħroġ sibt mejda b’numru ta’ pubblikazzjonijiet fuqha. Nota żgħira miktuba sabiħ tħajjar lil kull min irid jaqbad waħda jew tnejn jew iktar u jeħodhom miegħu. Kemm hija tradizzjoni sabiħa, din li hija ġejja tul dawn l-aħħar snin. Laqtuni ġabra ta’ libretti li ma kontx naf bl-eżistenza tagħhom. Taħt it-titolu ġenerali Profili. Bijografiji ta’ Bnedmin bħalna li għexu l-Vanġelu nġabru, bl-ewwel għadd maħruġ fl-1982, ħajjiet differenti. Miktuba fil-qosor u diretti ħafna sabiex jinftehmu hemm il-ħajjiet tal-qaddisin fix-xhur. Persuni li għexu kemm felħu għall-oħrajn billi taw ħajjithom u ġidhom. Impenjati fid-duttrina soċjali bl-azzjoni u bil-kitba varja tagħhom. Bnedmin ta’ veru mimlija sens u sustanza. Dawl qawwi għad-dinja kollha, kemm dik Nisranija kif ukoll għal dik li le.
Wirt uniku
3. Kotba li baqgħu għaddejjin sew. Kotba li kienu maħruġa b’tant impenn u determinazzjoni mis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, il-M.U.S.E.U.M. F’dak il-mument waqaft u waqt li qiegħed ngħid f’qalbi x’idea tajba kienet dik tas-Sorijiet ġentili u ferħana li għamlu dan, mort biex nibda nintilef naqra x’fihom. Fl-ewwel wieħed kien hemm l-introduzzjoni ċara fejn jingħad: “Dak li għandek f’idejk huwa l-ewwel għadd ta’ perjodiku ġdid dwar il-Qaddisin. F’kull għadd ikun hemm erba’ jew iżjed profili ta’ qaddisin li t-tifkira tagħhom tkun fix-xahar li joħroġ il-perjodiku. Għal Malta aktarx li din hija l-ewwel darba li qed toħroġ pubblikazzjoni ta’ din ix-xorta. L-għan tagħna huwa li tidħol fostna l-Maltin id-drawwa ta’ qari ta’ ħajjiet ta’ bnedmin bħalna li kienu Nsara awtentiċi. Qari bħal dan ma jistax ikun li ma jħallix ħafna ġid spiritwali, kif għandna diversi eżempji fl-istorja.”
X’ħidma diretta
4. F’dan, mingħajr ma ridt ftakart f’kemm is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija ppubblikat fil-passat u kemm, fil-fatt, għadha għaddejja tippubblika. Taġġorna ruħha għall-kurrenti u sfidi li l-Insara, il-bnedmin ta’ rieda tajba jiffaċċjaw fid-dinja differenti tal-lum. Ftakart ukoll kemm kelli għalliema varji fl-iskola primarja u sekondarja li kienu jħajruni naqra kotba li s-Soċjetà kienet toħroġ mill-famuża Veritas Press f’Ħaż-Żabbar. X’determinazzjoni u motivazzjoni ta’ bnedmin li kienu iddedikati lejn l-oħrajn! Bi ħlewwa u bla ebda impożizzjoni. Ġie quddiemi l-għalliem li kelli Bormla, is-Sur Chetcuti, li kien jibqa’ mal-klassi kollha wara l-ħin biex ikompli jippreparana. Mhux biss, imma biex ma nitilfux l-interess, f’mument kien jibgħatna nixtru mill-kantuniera l-qagħaq tal-għasel. Ċert li parti sew mis-salarju ta’ għalliem kien jonfqu fuqna. U ħadd minna ma kien jiddejjaq; anzi, konna nibqgħu miegħu nitgħallmu bil-ferħ.
Ħaqqhom
5. F’dan hemm kuntrast aqwa llum, fejn għal dawk li telgħin qisha s-soċjetà tibża’ tixtri jew tgħaddi kotba bħal dawn, u fuq dan wieħed għandu jirrifletti aktar. Anki l-Istat, qisu sar jistħi jirrikonoxxi li dawn iwettqu l-ġid fil-formazzjoni edukattiva. Ftakart li qabel, f’moħħna kellna mudelli varji. Bejn l-atturi ta’ Hollywood u bejn il-footballers il-kbar kellna wkoll bnedmin li għexu fil-qdusija. Konna, u naħseb li għandna, nammiraw ħidmiethom. Nisslu fina sens ta’ determinazzjoni u perseveranza għas-sewwa. Mhux biss, iżda nisslu aktar fina l-ħsieb li l-bniedem għandu jkun determinat jaħdem għal dak li huwa ġust. Fil-kuraġġ li fl-aħħar mill-aħħar aħna msejjħa biex nixhdu għall-verità. Dak il-bniedem li jrid jagħti xiehda għall-kelma t-tajba għax fl-aħħar waħdu ser ikun iġġudikat. Anki jekk inkunu bħal ma kienu huma, waħedna, dan xorta għandu jsir. Aħjar fil-kumpanija ta’ dak li hu siewi milli fil-kumpanija ta’ dak li huwa żbaljat. Mertu tas-Soċjetà li nxtered materjal tajjeb li bih issawru bnedmin tal-affari tagħhom. Dawk li kienu u huma preżenti jservu lil pajjiżna b’dedikazzjoni.
F’Kuba
6. Fid-dmir l-iktar ċar u essenzjali li n-Nisrani fil-ħajja pubblika u privata tiegħu huwa msejjaħ sabiex iwettaq dak li jevanġelizza, diversi soċji u membri wettqu opri kbar. Ftakart li ftit jiem ilu, is-Sezzjoni f’Raħal Ġdid fakkret il-mija u ħmistax-il sena (115) tal-preżenza tagħha f’dik il-lokalità. Parti mill-proċess u l-iżvilupp tal-progress kontinwu tagħha, fi kważi kull rokna ta’ pajjiżna għandna preżenza ħajja ta’ din is-Soċjetà. Mingħajr ma ridt ftakart u fraħt li ġewwa Saguna La Grande ġewwa Kuba, is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija hija preżenti wkoll. F’dik l-art daqshekk diffiċli sa ftit snin ilu, issa hemm ċaqliq sabiħ. Għal quddiesa mmexxija mill-Isqof Arturo Gonzalez inġabru mitejn katekista u missjunarju. Dan sabiex mija u għaxar ċertifikat jitqassmu lill-katekisti li ġew ippreparati mill-membri tas-Soċjetà. F’aħbar li b’aktar interess għalija terġa’ tirrapporta li tul il-jum diversi xtraw pubblikazzjonijiet varji tagħha.
Ġid soċjali uniku
7. Waqt li kelli f’idi l-ktejjeb li ġbart, quddiem din l-aħbar ħassejt kurrent ta’ gratitudni. Dan fl-għarfien li din is-Soċjetà wettqet u għadha tista’ tkompli twettaq ġid soċjali imprezzabbli. Ftakart f’kemm eluf ta’ snin ilu, ir-Rumani sekularizzati kienu moħħhom li għandhom jiffurmaw ċittadini eżemplari. Kemm għandhom isejħulhom għad-dmirijiet li jkunu onesti, integri u ġellieda għall-verità. Mentri llum, biex niddikjaraw u nipproklamaw kemm aħna sekularizzati, spiċċajna nduru fid-deżert tan-nuqqas ta’ valuri fundamentali tas-sewwa. Li aktar ma nqtajna mill-fonti tal-għerf, aktar qed nissudaw l-injoranza u l-egoiżmu. Imma minkejja dan, hemm dejjem riħ ta’ bidla u tama aqwa għall-futur. Proprju f’dan, waqt li nżilt mit-taraġ taz-zuntier fhimt aktar kemm hi sabiħa l-ħajja.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment