1. F’dawn is-snin, sfortunatament sirna nisimgħu spiss bi bnedmin li tilfu ħajjithom fil-ħidma favur is-sewwa. Ċerti drabi f’dan, wieħed, mingħajr ma jrid, josserva memorja selettiva. Inkella aħjar, memorja mhux sħiħa, fis-sens li ma tafx. Nieqsa mill-għarfien ta’ dak li seħħ fil-passat aktar ’il bgħid. Għax huwa sewwa li nsemmgħuhom, imma kemm jista’ jkun m’għandniex ninsew oħrajn. Aktar u aktar meta kienu bnedmin li kellhom effett f’pajjiżhom u f’tagħna direttament jew indirettament. Huwa sewwa li nfakkru lil dawk li kienu persuni ta’ prinċipju. Dawk li nqatlu minn dawk li riedu jikkontrollawhom. Riedu jagħlqulhom ħalqhom sabiex huma ma jiġux skrutinati jew ikkritikati. U iktar, li ma riduhomx jinfurmaw lill-poplu b’dawk l-atti kriminali u illegali li l-korruzzjoni, fil-qies tagħha, issarraf.
Korruzzjoni varja
2. Hemm dik l-iktar ovvja: ta’ bnedmin li jinxtraw u oħrajn li jixtruhom. Dawk li jħarsu lejn il-but tagħhom iktar minn dak li huwa ta’ ġid komuni li suppost għandhom għal qalbhom. Dan narawh kontinwament u nsibuh ma’ kull kantuniera. Imma ma’ dawn hemm ukoll dawk li huma ‘newtrali’: li jaqblilhom ma jgħidu xejn, li jħallu kollox għaddej, anke jekk jafu li huwa żbaljat. Kif qrajt politiku Ingliż jgħid: “There were many times in my political life when it would have been simpler for me either to keep my head down, or to change sides at an opportune moment.” (Kien hemm ħafna okkażjonijiet fil-ħajja politika tiegħi li kien ikun iktar sempliċi għalija li nżomm rasi baxxuta, jew li nibdel il-pożizzjoni politika fil-mument opportun.) X’eżempju qed jingħataw il-politiċi attwali u futuri quddiem demokrazija li qed issir aktar u aktar għas-servizz tal-ftit li għandhom il-kuntatti ekonomiċi milli tas-soċjetà kollha?
Jispikka
3. F’dan wieħed irid idur u jifhem aktar kemm kien hemm bnedmin li mhux neċessarjament naqblu politikament magħhom, li però servew id-demokrazija vera. Ġudikanti, ġurnalisti huma preżenti fil-memorja kollettiva issa, imma hemm diversi politiċi oħra li jitwarrbu. F’dan wieħed għandu jfakkar lill-politiku Taljan Giacomo Matteotti (1885-1924). Jiftakar ħidmietu favur is-sewwa u favur is-sistema demokratika kontra d-dittatorjat Faxxista. Il-bniedem li mitt sena ilu, preċiżament fl-10 ta’ Ġunju 1924, ġie maqtul minn ġabra ta’ Faxxisti li serquh, u wara li tawh xebgħa tajba, neħħewlu ħajtu. Riedu jsikktuh, u hekk għamlu, wara diskors mill-iktar qawwi li għamel fil-Parlament. Mhux biss, imma l-istess Mussolini, wara xhur ta’ indeċiżjoni aċċetta r-responsabbiltà politika, morali u storika ta’ dan id-delitt. Kien il-mument li ġieb il-forzi demokratiċi biex jabbandunaw il-Parlament fil-magħruf Aventino. Kien dak li mmarka l-uffiċjalità dittatorjali tal-Faxxiżmu.
Dedikat
4. Hemm kotba varji dwaru, u hemm ukoll riċerka mill-iktar interessanti. Forsi iktar riċenti bħal dak ta’ Mario Canali, Il Delitto Matteotti, li ħareġ din is-sena. Smajtu jitkellem u minn kliemu tifhem kemm il-bniedem kien deċiż f’ħidmietu. Forsi ftit aktar, f’dan sibtni naqra l-ktieb ta’ Antonio G. Casanova (1919-2015), studjuż u awtur ta’ diversi kotba oħra. It-titolu tiegħu huwa Matteotti. Una vita per il socialismo (1974). Fih hemm faċċata ferm differenti u iktar dettaljata u attenta ta’ dan il-politiku. Dan iktar u iktar fil-fatt li Matteotti, sfortunatament, fuq naħa ġie minsi mid-demokrazija Taljana, u fuq in-naħa l-oħra ġie mċekken ukoll f’direzzjoni oħra. Kien bniedem li kkumbatta għal dak li kien jaħseb. Deċiż li jgħid il-verità kif kien jaraha u li kellu l-kuraġġ jaffronta klassi politika li bdiet sejra lejn id-dittatorjat. F’dan għandu valur proprju aktar mhux biss għad-diskorsi tiegħu, imma wkoll għall-ħsibijietu.
Pożizzjonijiet
5. F’dan hemm żewġ punti partikolari li joħorġu proprju f’dan il-kuntest. Casanova jgħid hekk dwaru: “Fra le tesi esposte una era destinata a dare frutti in avvenire ed era quella in cui si affermava l’assunzione da parte del socialismo della difesa incondizionata del sistema democratico, ripudiato invece dalla borgesia per la logica progressista e riformatrice che vi era implicata.” (Fost it-teżijiet dikjarati, kien hemm waħda partikolari li kienet destinata li trendi suċċess fil-futur, li kienet proprju dik li affermat min-naħa Soċjalista d-difiża mingħajr kundizzjoni tad-demokrazija, miċħuda minflok mill-borgeżija minħabba l-loġika progressista u riformatriċi li hemm fid-demokrazija stess.) Punt li jimmerita attenzjoni proprju f’dawk iż-żminijiet, fejn mhux kull min kien jidentifika ruħu mas-Soċjaliżmu kien jaqbel.
Mhux biss
6. Imma f’dan sibt ukoll dak li Carlo Rosselli (1899-1937), kittieb u ħassieb magħruf li tah l-appoġġ fi ħdan il-Moviment Soċjalista. Huwa jgħid hekk dwaru: “Matteotti non voleva e non cercava la morte. Volle e cercò la lotta; volle e cercò i posti di responsabilità nelle ore più dure, seppe vincere tutti i giorni, e perdere tutti i giorni la sua piccola battaglia. Io ammiro in lui la fede di tutte le ore, la tenacia, la costanza, l’ottimismo contagioso, il volontarismo.” (Matteotti ma riedx u ma fittixx il-mewt. Ried u fittex il-ġlieda politika, ried u fittex il-karigi ta’ responsabbiltà fil-mumenti l-iktar iebsa, tgħallem jirbaħ il-jiem kollha, u jitlef il-jiem kollha l-ġlieda tiegħu. Nammira fih il-fidi li kellu kull siegħa, f’dak li kien jemmen, fid-determinazzjoni kostanti u l-ottimiżmu li jittieħed.) Bniedem verament mimli kwalitajiet u mhux nieqes mill-onestà u l-integrità.
Theddida
7. F’dan kien ċertament theddida għall-awtoritajiet Faxxisti. Kienu jafu xi jsarraf u kienu jafu li kien stmat proprju fl-integrità u d-determinazzjoni tiegħu. Biss kien, u jibqa’ żball politiku kbir dak li ippermetta u istiga li jiġi maqtul. Fid-dinja demokratika hemm bżonn li jkollok bnedmin bħalu, li ma jaqblux miegħek u jitkellmu kontra tiegħek. Trid tgħix magħha, anke jekk tista’ tweġġgħek. Huwa f’dan, l-ewwel, li bħala Demokristjani nagħrfu li d-demokrazija hija valur; u t-tieni, li huwa valur li jkun hemm min huwa kontra tagħna. Id-dittatorjati la għandhom valur u wisq anqas iħarsu lejn il-bnedmin bħala tali. M’aħniex Soċjalisti. Aħna Demokratiċi, imma f’dan illum, wara mitt sena mill-mewt tiegħu, dmirna huwa li nfakkruh fost dawk li taw ħajjithom għad-Demokrazija.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
30.10.24
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment