1. Hemm punti fl-istorja li, kif qed nerġgħu naraw illum, jidhru li mhumiex superati. Kif juru dawk il-punti li f’din l-Ewropa mimlija kultura, valuri Nsara u demokraziji kellha tħalli żewġ bnedmin jaħtfu l-poter f’pajjiżhom u li wara, fil-ġenn tagħhom u ta’ ħsibijiethom qed jiġbdu l-bqija tad-dinja f’kunflitt li ħalla tant nies mejta warajh. Fir-responsabbiltà wkoll ta’ dawk li għażlu li flok jikkumbattu dak li huwa ħażin u li jieħdu ħsieb jirreżistuh, imxew u sostnewh. Dak li seħħ fil-ħtif tal-poter politiku u l-eliminazzjoni tad-demokrazija jibqa’ tebgħa fid-dinja tagħna. Żball li dawk il-pajjiżi ħallsu għalih, proprju għax imxew wara ideat li flok bnew soċjetà, kissruha. Quddiem dik l-esperjenza wieħed għandu jirrifletti u jistaqsi lilu nnifsu jekk għadx hemm min irid jerġa’ jgħaddi minn dawk il-ġranet mill-ġdid. Fil-ħsieb żbaljat li ser isib il-ferħ.
Simpatiji
2. Kif qed naraw, fl-Ewropa, temporanjament hawn wisq simpatiji lejn l-ideat li mexxew ’il quddiem il-lemin estrem. Hemm forom ta’ reazzjonijiet kontra dak li għaddej f’pajjiż quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni regolari jew irregolari, imma fir-realtà l-istorja turi li mhumiex is-soluzzjonijiet. F’dan ser ikun hemm ċertament iktar sfida diretta lejn id-demokrazija. Jekk fil-fatt hijiex ser tkun kapaċi tfiehem li ma hemmx alternattivi għaliha u li l-ideat li fallew ser jibqgħu jfallu. Jekk hijiex ser tkun kapaċi ġġib lura l-votant sabiex jafferma li l-futur mhuwiex fil-passat. Dak li jifhem li l-poplu jikber soċjalment u ekonomikament fid-demokrazija u mhux barra minnha. L-isfida politika hija ikbar quddiem dawk li saru aktar u aktar manipulaturi tal-istorja. Dawk li mill-ġdid qegħdin ifittxu li juru f’dawl tad-deheb dak li kien biss dlam ta’ distruzzjoni.
Iktar u iktar
3. Magħhom hemm iktar dawk li jridu jkerrħu lill-oħrajn mingħajr skruplu. Dawk li jikkultivaw f’arti partikolari u kundannabbli. Dawk li jippruvaw jispeċjalizzaw fl-arti tad-diffamazzjoni politika u personali. Dak li jseħħ meta mexxejja fil-klassi politika jaqbdu dik it-triq li biex jirbħu l-kunsens iridu jċekknu u jimmalafamaw lill-oħrajn flok jirbħu l-argument. Skont huma huwa iktar faċli li twaqqa’ għaċ-ċajt u li, anzi, għandek twettaq dan mingħajr ebda skruplu ta’ xejn. L-agħar hu li flok ikun hemm min jirreaġixxi u ma jinħakimx, jispiċċa l-kontra billi jżidilhom l-approvazzjoni. Jemmen dak li jgħidu. Kemm huwa vili li wieħed jaġixxi politikament b’dan il-mod. Kemm huwa wkoll iktar kundannabbli li dan jgħaddi mhux osservat mil-liġi. Id-demokrazija għandha dmir tipproteġi l-integrità tagħha u taċ-ċittadini li għandha. Għax fiha biss wieħed jista’, fil-ferħ, isib il-bidliet lejn il-futur.
F’dak li għaddej
4. Dan iktar u iktar f’dak li għaddej bħalissa fid-dinja. Fl-attakki kontinwi li minnhom mhuwa jittieħed ebda ġid. Xejn ma jista’ jiġi ġustifikat fil-qtil ta’ tant bnedmin, ta’ tant tfal fix-xenarji ta’ kunflitti li għandna. Gaża, il-Libanu, l-Ukrajna huma lkoll xhieda ta’ dan kollu. Ilkoll juru li l-bniedem jaħseb li mill-ħsara ser joħroġ il-ġid. Minflok, l-istorja turi li jitwieled iktar riżentiment u iktar imrar. Id-daqqiet li qed jingħataw lil xulxin fuq il-fronti kollha jwasslu biss għall-appuntamenti oħra futuri ta’ ġlied u distruzzjoni. L-użu tal-forza militari ma jiġġustifikax ruħu imma jidfen biss sejħiet leġittimi li għada pitgħada jerġgħu jieħdu d-dawl tax-xemx. Hemm dak li hu sewwa u hemm dak li mhuwiex. Imma jgħaddi kemm jgħaddi żmien u jkun hemm kemm ikun hemm argumenti, is-sewwa jibqa’ jsejjaħ sabiex jirbaħ u jafferma l-bniedem fis-sejħa tiegħu għall-ferħ.
X’ser ngħidulhom?
5. F’dan għandna nistaqsu: illum fejn ninsabu? F’din is-soċjetà li trid tfittex lura l-ferħ tas-sewwa? F’soċjetà li ma tridx aktar dak li huwa żbaljat u qegħda tfittex li tillibera ruħha biex tirbaħ id-dinjità li ħaqqha? Fejn sejrin u x’ser nispjegaw lil uliedna fis-snin li ġejjin fuq ħidmietna u l-impenn tagħna sabiex isir dak li huwa sewwa? L-impenn fis-soċjetà? L-impenn lejn l-oħrajn biex wieħed jieħu lura dak li d-demokrazija toffri lil kull persuna? Pajjiżna u d-dinja ta’ madwarna għaddejjin minn ħafna taqlib. Dan ma jfissirx li m’għandniex ikunu attivi biex inwasslu l-messaġġ li l-paċi tinbena fin-negozjati u mhux billi naħa tegħleb lill-oħra. Il-futur mhuwiex faċli li nippreveduh. Nistgħu però naħdmu dejjem aktar għalih biex ikun aħjar.
Ħaqqna l-bidliet
6. F’dan, għalhekk, għandna nimxu ’l quddiem mingħajr ma nitilfu t-tama li hemm futur fid-demokrazija. Nemmnu li hemm futur fejn is-sewwa jirbaħ. Fejn jirbaħ il-ferħ sabiex niksbu lura d-dinjità sħiħa tagħna. Pajjiżna huwa importanti għalina, imma aktar minn hekk, għall-poplu tagħna. Poplu li ħaqqu ferm aħjar milli qiegħed jingħata. Imma f’dan, aktar, li wieħed m’għandux jaqta’ qalbu u jieħu sehem fil-bżonn li naraw il-bidliet li hemm bżonn. Hemm valuri, pedamenti fundamentali li jingħad x’jingħad dwarhom jibqgħu dawl għal kull ġenerazzjoni. Ninsabu f’soċjetà li għandha l-vantaġġ li hija mibnija fuq il-prinċipji etiċi Nsara. Dawk li jsawwruna fis-sewwa. Dawk li huma l-gwida tagħna lejn dak li għandu jkun. Proprju ferm iktar fil-bżonn li wieħed jgħix f’soċjetà fejn hemm il-ferħ.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
4.10.24
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment