9.10.24

M'GĦANDUX IKUN

1. Fid-diversi perikli li ninsabu fihom għat-tisħiħ u t-tkattir tad-demokrazija tagħna hemm dak marbut mal-libertà tal-istampa. Kif ilna naraw tul dawn l-aħħar għaxar snin, il-mezzi għad-dispożizzjoni biex jiġu stampati l-gazzetti qegħdin jonqsu. Inqas bnedmin qed jiġu mħajra jixtruhom u hemm kważi ‘pjaċir’ politiku li kollox ser jibqa’ sejjer hekk. Vuċijiet inqas fis-soċjetà biex il-kritika tieqaf u jirriduċi ruħu d-dissens. Hemm min jaħseb li x-xenarju issa nbidel u l-mezzi soċjali ser ikunu huma li jieħdu f’idejhom il-bandiera. Imma minn dak li qegħdin naraw jum wara jum m’hemm xejn li jista’ jidħol flok il-gazzetti li jiġu stampati f’pajjiżna. Huma insostitwibbli. Ikun għalhekk, ċertament, żball kbir li nippermettu li dawn imutu mewta naturali.

Nikkumbattu

2. F’dan irridu nikkumbattu sabiex inżommuhom għaddejja. Jingħad x’jingħad, m’hemmx aqwa mill-karta stampata f’idejna li taħdem waħedha. Twassal hija, kif għandha dmir, l-informazzjoni korretta lin-nies u tikkumbatti biex ma tiġix mixtrija. La bir-reklami u wisq inqas bis-simpatiji u antipatiji li jitwieldu fil-bnedmin li jirrappurtaw. Il-libertà u l-pluraliżmu tal-medja huma l-garanzija għad-demokrazija. Jingħad x’jingħad, diversi drabi gazzetti varji jgħidu dak li ħaddieħor ma jridx li jinstemgħa. Jgħidu x’jgħidu, il-verità hija li l-gazzetti mmexxija mill-partiti politiċi jinkwadraw ruħhom ukoll f’dan u jikkumbattu l-linji tagħhom għall-verità u għas-sistema demokratika tagħna. Irridu nifhmu li jkun żball mill-iktar kbir jekk inċedu għal din il-verità u niġu f’sitwazzjoni fejn niġu nieqsa mill-gazzetti jew dipendenti fuq dawk li għandhom warajhom il-flus u għandhom interessi oħra.

Sergio Mattarella

3. Dwar dan u punti oħra, il-President tar-Repubblika Taljan, tul il-ġimgħa li għaddiet għamel diskors quddiem il-European Alliance of News Agencies. Diskors li ħaqqu attenzjoni proprju għax mimli dejjem iktar b’għerf u direzzjoni politika ċara ħafna. Kliem l-għaref li ma kull jum jikber fil-ħsieb u l-piż. Fih għaraf jiddikjara li l-gazzetti huma garanti tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Mattarella ġie rrappurtat li qal hekk: “La libertà e il pluralismo dei media garantiscono il pieno dispiegarsi di alcuni dei diritti irrinunciabili per la democrazia e la misurazione della sua qualità; il diritto alla libertà di espressione e di informazione.” (Il-libertà u l-pluraliżmu tal-medja jiggarantixxu l-użu sħiħ tad-drittijiet irrinunċjabbli għad-demokrazija u l-qies tal-kwalità tagħha; id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.) Għandu raġun. Il-verità titlob li tingħad u trid li jkollha l-mezzi ġurnalistiċi biex issir taf l-informazzjoni.

Proċess

4. F’dan hemm ġlieda iktar minn qatt qabel. Diversi huma l-ġurnalisti li qegħdin jaffrontaw il-proċess legali sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-informazzjoni. Fejn hemm abbuż ċar mhux biss fl-operat innifsu, imma wkoll f’żewġ livelli sussegwenti. L-ewwel: li l-informazzjoni korretta tal-fatti ma tingħadx mill-Gvern huwa żball u aġir anti-demokratiku. It-tieni: id-dewmien tiegħu aktar, għax m’għandux ikun permess aktar li wieħed jagħżel li jittardja dak li ser joħroġ inevitabbilment. F’dan hemm ċar abbuż ta’ poter. Abbuż li jitlob sanzjonijiet aktar qawwija fuq min kellu jgħaddi l-informazzjoni u dam ma jagħtiha, mingħajr ebda forma ta’ raġuni legali jew ġustifikazzjoni demokratika.

Biċċa oħra

5. F’dan, Mattarella jappella mhux biss lil dawk preżenti, imma anki lilna, bil-kliem: “Mai abbandonate tentazioni di poteri pubblici di fissare a loro volta limiti agli spazi di libertà di informazione piuttossto che proporsi doverosamente di garantire e sostenere quei medesimi spazi di libertà.” (Tabbandunaw ruħkom qatt għat-tentazzjonijiet tal-poteri pubbliċi li min-naħa tagħhom tħalluhom jillimitaw l-ispazji tal-libertà tal-informazzjoni. Minflok ibqgħu sostnu dmirkom li tiggarantixxu u ssostnu dawk l-ispazji tal-libertà.) Dmirijiet xejn faċli, aktar u aktar fis-soċjetà li ninsabu fiha, fejn il-mezzi ta’ komunikazzjoni qegħdin ibatu biex isostnu ruħhom. Kemm huwa faċli li xxekkilhom. Imma x’soċjetà demokratika kerha nkunu qed ngħixu fiha, jekk ma jkollniex mezz li nsiru nafu l-fatti u l-verità? Proprju għal dan irridu nikkumbattu, anke jekk m’aħniex ġurnalisti. Biex tingħad il-verità u naqtgħu barra l-falsitajiet li għandna madwarna. Jekk irridu futur aqwa milli għandna ser ikollna din il-ġlieda għas-sewwa li trid tkompli ssir.

Antidotu


6. Dan huwa proċess li jattakka l-gideb u l-falsitajiet. Imma aktar minn hekk huwa d-difiża kontra l-manipulazzjoni li naraw għaddejja kontinwament. Diskors dan l-istatista kbir jagħlaq proprju fuq din it-tema: li jgħabbi b’responsabbiltà aktar il-mezzi tax-xandir. Bi kliem diretti u mill-isbaħ huwa jiddikjara li huma għandhom: “... il compito di restituire verità contro le azioni di propaganda che puntano ad adultare i fatti e a intossicarsi così le coscienze.” (... id-dmir li ġġibu lura l-verità kontra l-azzjonijiet ta’ propaganda li jittantaw jadulteraw il-fatti u għaldaqstant isakkru l-kuxjenzi.) Il-mira tas-soċjetà għandha tibqa’ tkun dejjem aktar din. Meta tippermetti mod ieħor tkun, fil-fatt, sejjer lura. Għax tkun qed tippermetti li min irid jagħti spjegazzjoni u kont ta’ għemilu, dan ma jwettqux.

Fiduċja

7. F’dan nibqa’ mimli fiduċja li m’għandniex nippermettu li l-gazzetti ta’ pajjiżna jmorru lura. B’mod partikolari lejn ħidmet din il-gazzetta, li baqgħet għaddejja anki fl-avversitajiet kollha li kellha tħabbat wiċċha magħhom. Anki kontra dawk li, żbaljatament, iċekknuha bi kliem dispreġġjattiv. Qisu f’pajjiżna hawn l-informazzjoni tal-ewwel klassi u dik tat-tieni. Fejn uħud huma ‘vanġeli’ tal-fatti u l-oħrajn, kull ma jgħidu, huwa ħażin jew gideb. Jiddispjaċini għal dan, u nibqa’ nikteb għax nemmen li dan il-preġudizzju jrid jitneħħa. Iktar u iktar fid-dawl ta’ dawk li jaħsbu li b’hekk ma jkollhomx aktar lil min jista’ ma jaqbilx magħhom fil-linja politika tal-partit. Il-verità trid tingħad, u iktar, mill-politiċi li jridu jkunu ta’ servizz lejn il-poplu. Nifhem f’dan li għal uħud hemm l-iskumdità ta’ kitbieti, imma nemmen li jekk ma niktibx u ma nagħtix sehemi, wieħed ma jasalx biex jara l-istampa sħiħa u ma jinkwadrax dawk li huma l-fatti ċari u loġiċi. Proprju għax pajjiżna għandu bżonn il-gazzetti li konvint li m’għandux ikun li nħalluhom jispiċċaw.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...