30.10.24

FEJN GĦANDNA MMORRU

1. Minn għada jibda l-proċess annwali. Dak li fih neżaminaw u niddibattu l-programm finanzjarju tal-Gvern għas-sena li ġejja. Proċess li forsi għal xi wħud huwa ripetittiv, imma ċertament neċessarju. Pajjiż demokratiku ma jistax ma jgħaddix minn dan. Imma biex jissupera lilu nnifsu jrid li jkollu l-aħjar triq u l-aqwa miżuri sabiex nimxu fid-direzzjoni li għandna nimxu fiha. F’dan, wieħed irid ikompli jistaqsi fejn ninsabu. Jistaqsi jekk ninstabux fir-ramel tad-deżert. Fejn tħoss li miexi, imma taħtek issibek tiżżerżaq. Fejn taħseb li qbadt sew il-boxxla u miexi lejn il-belt, mentri tagħraf li għadek ’il bgħid minn fejn għandek tieħu ħsieb li tasal.

Mument partikolari


2. F’dan, il-Budget fih aktar importanza proprju għax il-pożizzjoni tagħna mhijiex qegħda fl-aqwa forma ta’ stabbiltà li għandu jkollha. Hemm dinjiet soċjali u ekonomiċi li qed jistennew, u kważi jitkarrbu, għal direzzjoni u dinjità. Min-naħa l-oħra, tant il-klassi politika għaddiet minn kumplikazzjonijiet, li għadha ma tidhirx li ħadet ir-ruħ. Nistgħu naraw ritratti sbieħ. Daqshekk ieħor nistgħu nisimgħu u naqraw diskorsi mimlija tifħir u propaganda. Imma l-pożizzjoni ċara, u għalija ovvja, hija dik li ferm inqas bnedmin f’dawn il-gżejjer qed jemmnu jew jinġibdu lejn dak li qed jingħad. F’dan, f’diversi mumenti hemm dawk li qegħdu ruħhom fil-ġenb, jistennew bidliet varji. Wieħed jifhem aktar li dawn id-diversi ma jistgħux jibqgħu jippermettu l-‘ħmerijiet’ koroh li qed jaraw għaddejjin.

Lista ta’ żidiet

3. F’dan, wieħed jittama li hemm min qiegħed jifhem li hemm għajta qawwija biex l-affarijiet ma jibqgħux isiru kif qegħdin isiru u li għandha tinqabad linja politika differenti. Nittamaw li m’aħniex ser nassistu għal diskors fejn l-intelliġenza tal-poplu tonqos milli tiġi apprezzata. Fejn iż-żiemel tal-battalja jkun li minkejja dak li hu għaddej fix-xenarju internazzjonali, xorta ħa nżidukom fuq diversi punti li diġà jeżistu. Forsi l-kriżi post-pandemika dan kienet tiġġustifikah. Biss, illum hemm realtà oħra li żviluppat, fejn huwa evidenti li l-kontroll qed imur lura. L-iktar fl-għarfien li l-Gvern għadu jiddependi ferm iktar minn qabel fuq is-settur tal-kostruzzjoni. Għal ħafna, tant huwa hekk, li ma jistax jibqa’ lura milli jkompli japprova bini esaġerat u jkompli jikkommetti dnubiet mortali fil-qasam tal-ambjent li lkoll għandna d-dmir li nipproteġu. Qbiżna kull limitu f’dan, u ma nafx jekk il-kamp politiku huwiex jifhem verament il-poplu xi jrid minnu.

Hemm setturi

4. F’dan hemm iktar dak li daħħluna fih. Art li tinsab tbati biex trendi s-servizzi bażiċi liċ-ċittadini permanenti tagħha. Hemm sens ta’ traskuraġni fuq naħa u rassenjazzjoni aktar qawwija fuq in-naħa l-oħra. Flok qed inxammru jdejna sabiex nikkontrollaw u nġibu lura l-pożizzjoni għall-ordni qed inħallu kollox għaddej. Jekk, kif inhuwa fatt li pajjiżna għandna iktar persuni milli l-infrastruttura tiflaħ għalihom, wieħed jistaqsi: x’ser isir? Anzi aħjar: x’għandu jsir biex jibqa’ jkollna l-Istat sabiħ li writna? Xejn ma jista’ jitqabbel fl-istorja tagħna ma’ dak li ninsabu fih illum. Dawl, ilma, servizzi sanitarji, traffiku, saħħa, edukazzjoni, ordni u dixxiplina: ilkoll jinsabu fuq ix-xifer. M’aħniex wisq ’il bogħod milli, minħabba raġunijiet varji, nikkrollaw.

Investiment u liberazzjoni

5. F’dan, il-pajjiż irid jagħraf li jista’ jikber aktar fil-kwalità, kif kien qabel, milli fil-kwantità. Hemm bżonn bidla fil-linja li qbadna sabiex immorru fid-direzzjoni t-tajba. Dik li tippermetti tkabbir, imma l-iktar, li tassigura kwalità ta’ ħajja vera għalina u għal dawk li ġejjin warajna. M’għandniex bżonn il-linja politika li f’dawn l-aħħar għaxar snin skorruti qabad il-Gvern Laburista. M’għandniex bżonn inkunu qed ngħixu f’ġungla li dejjem sejra lejn li ssir totali. M’għandniex bżonn inkunu f’sitwazzjoni fejn kollox jidher li ħareġ minn idejna. Irridu niġu liberati minn dan il-kunċett u nkunu kuraġġużi nwettqu dak li huwa sewwa billi mmorru kontra l-kurrent attwali.

6. Nittama, f’dan, li l-Ministru tal-Finanzi din ir-realtà jagħrafha u jkollu l-ispazju politiku biex jibdilha. F’dan huwa ferm iktar ċar għalija fejn għandna mmorru.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...