Showing posts with label Budget 2025. Show all posts
Showing posts with label Budget 2025. Show all posts

7.11.25

KIF MISTENNI

1. F’ħafna, għandhom forom varji ta’ ripetizzjonijiet tal-istess tema. Bir-rispett, ċertament però, waqt li wieħed jisma’ u jara kitbet id-Diskors tal-Budget isib lilu nnifsu jiftakar. Jiġu lura kliem u ħidma li sejrin fl-istess ripetizzjonijiet. Kontinwazzjoni ta’ diversi temi li ma’ kull appuntament annwali jiġu estiżi, miżjuda fuq dak li kien hemm preżenti qabel. Però f’dan jibqgħu dawk li huma punti assenti. Dawk li fil-fatt għandhom bżonn jiġu ndirizzati b’mod urġenti. Dawk li jitolbu minna kunċetti u linji ġodda ta’ fejn ser immorru fil-futuri ekonomiċi tagħna. Fir-realtà hemm ukoll dawk il-passi li ma jistgħux jittieħdu jew li s-sitwazzjoni, kif żviluppat, ġiebet forom ta’ impossibilitajiet.

Il-Punt

2. Fil-fatt wieħed irid ukoll jirrimarka li, f’ħafna, id-diskors tal-Budget huwa magħluq fil-kulturi passati ta’ kif għandu jitressaq il-kontenut. M’għadux iktar il-każ li jkun il-bżonn ta’ daqshekk tul. Iktar qosor u b’viżjoni diretta lejn dak li ser nibdlu fl-ekonomija kien ikun aħjar. Fejn ser nikkonċentraw sabiex nibdlu dak li ninsabu fih biex nimxu iktar ’il quddiem. F’ħafna sens kien hemm arja ta’ stennija li fil-fatt ħalliet il-pożizzjoni kif inhija. Sens ta’ sitwazzjoni fejn m’hemmx il-bżonn li wieħed iħares f’dinjiet differenti. Anzi, b’impressjoni netta li ma jista’ jsir xejn aqwa minn dak li sar. Il-messaġġ tagħhom huwa li m’hemm l-ebda Gvern ieħor li kapaċi jissupera l-fruntieri u l-marġini ekonomiċi li ġew stabbiliti fil-parametri tad-diskors sħiħ.

X’jista’ jinbidel

3. Meta tqis u tħares lejn dak li ngħad f’diskorsi preċedenti programmatiċi ta’ dan it-tip tagħraf li hemm gradwalità fil-konferma tal-maġġoranza li tħossha komda ekonomikament. Tisħiħ tagħha u ma hemmx linji aktar ambizzjużi li jġibu lil dawk li huma minn taħt lejn il-possibilità li jitilgħu iktar ’il fuq. Ir-realtà soċjali ma rebħitx fuq dan. Anzi, baqgħet iktar tistenna l-ħin tagħha sabiex tirkeb ’il quddiem. Mingħajr ħafna diffikultà wieħed jifhem li l-linja tal-Gvern tindirizza s-sitwazzjoni soċjali li hija trid tagħraf. Mhux, għalhekk, dak li hija attwalment u verament. Qisu li b’daqshekk wieħed ser isolvi, jew aħjar, jaljena fil-ħsieb li sab is-soluzzjoni.

Verament

4. F’dan huwa minnu li wieħed diffiċilment seta’ jistenna linja ambizzjuża. Ninsabu lejn l-aħħar tal-leġislatura li fiha, tradizzjonalment, wieħed jipprova jikkonsolida fuq dak li jaħseb li rnexxielu jikseb politikament. Jista’ jkun l-aħħar wieħed ta’ dan il-Gvern f’din l-erbatax-il leġislatura, u jista’ jkun ta’ qabel tal-aħħar. Imma l-fatt huwa li l-aptit għar-riskji u lejn direzzjonijiet ġodda, naturalment jonqsu. F’dan però hemm dejjem id-dmir u d-dover li wieħed jifhem li fil-fatt, persuni varji, u forsi wkoll il-maġġoranza, qegħdin iħossuhom ekonomikament tajjeb imma mhux neċessarjament hekk soċjalment. Il-pożizzjoni li qed tiġi mressqa kull darba lura hija marbuta ma’ kumulu ta’ effetti li qed isiru iktar parti minn konsegwenza sħiħa. Jekk nitkellmu fuq il-fatt li s-sitwazzjoni tat-traffiku hija inkontrollabbli, li l-ammont ta’ persuni li hawn jgħixu f’pajjiżna daqstant ieħor, il-bini esaġerat li hu għaddej, il-fatt li l-familja, fis-sħiħ tagħha, qed tmur iktar lura u ma’ dawn kollha s-servizzi tas-saħħa u dak kollu li ċ-ċittadin jippretendi mill-Istat nifhmu li wasalna f’punt wisq ikkumplikat.

Tant hu hekk

5. Fil-fatt, il-Gvern dwar dan jidher ċar ħafna li abbanduna l-art tal-bidla għax jifhem li huwa m’għadux aktar f’pożizzjoni li jwettaqha. Il-problemi ġew posposti għal żmien ieħor. Dan huwa punt li rridu nagħrfu fid-dibattitu sħiħ li għaddej u li ħafna drabi jmur lejn id-dettalji u ma jmurx lejn l-istampa sħiħa. L-ideat naqsu, u dan qiegħed jidher. Nistgħu nitkellmu fuq dak li ma nistgħux inwettqu u f’dan hemm ukoll siltiet mid-diskors li huma evidenti. Imma hemm diversi oħra li għandna nieħdu ħsieb li nressqu ’l quddiem. Inkella, f’ħafna, dan ikun biss eżerċizzju fl-aljenazzjoni politika li kull darba trid tissupera lil dik ta’ qabilha.

Politika

6. F’dan, proprju għalhekk il-Budget huwa relegat f’‘sempliċi’ direzzjoni ta’ propaganda politika. It-tama tal-Gvern hija li, għax-xhur li ġejjin, l-aġenda nazzjonali tinħakem minn punti varji. Fejn dak li għandu ċertu mpatt soċjali u ekonomiku jitkabbar qisu l-bidu u t-tmiem tal-ħajja f’dawn il-gżejjer. Fejn iktar naraw, kif qed naraw, ministri eċċetra li lkoll jidhru sabiex “jispjegawlna” dak li ma nafux bih jew dak li għalina jista’, skont huma, ikun ikkumplikat wisq għall-moħħ dgħajjef tagħna. Ser ikollna ħafna minn dan u ser jintefaq ħafna iktar f’karti u materjal varju li diġà qed nirċievu jew naraw imwaħħal. Imma anki jekk għall-mument jista’ jkun hemm min jemmen, wara wieħed jirrealizza li s-sitwazzjoni hija ħafna u ħafna differenti.

Naffrontaw

7. F’dan ngħid li kellna nagħmlu qabżiet minn stili u metodi passati ta’ dettalji inutili u ta’ ħrib mill-verità. Il-pajjiż għandu bżonn soluzzjonijiet għal dak li qiegħed imissu. Inqis li diversi jippreferu li jirċievu inqas flus fil-but imma jkollhom stil u forma ta’ ħajja aħjar milli għandhom. Qed ngħixu f’wisq pressjonijiet soċjali kontinwi li qed irendu morr il-ħelu li jista’ jkollna f’idejna. Aħjar inqas u aħjar milli iktar u agħar. Imma f’dan, il-Gvern ma qabiżx il-linja li seta’ bil-maġġoranza li għandu, imma qagħad pass sewwa lura. Dan jew għax f’moħħu għandu li mhuwiex iż-żmien, jew li ser jiġi ż-żmien, jew li ma jistax jiġi ż-żmien meta taħtu l-affarijiet jistgħu jinbidlu. Pajjiżna jixraqlu aħjar fil-modernità kontinwa li qiegħed jitlob mingħandna. Forsi aħjar jekk wieħed jisma’ verament il-fatti u jaqbad direzzjoni ta’ bidla milli jibqa’ kif inhuwa. Imma, kif mistenni, il-Gvern għażel li jibqa’ fejn kien: jaħdem kif inhuwa u ma jibdilx dak li jitlob li jinbidel.

4.11.24

QED JAQSMU T-TRIQ

1. Proprju f’dak li m’għandniex, il-Budget irid jidher li qiegħed jagħtina. Fil-pożizzjoni li ninsabu issa, wara t-tielet leġislatura tal-Partit Laburista, l-element essenzjali li għandna bżonn huwa nieqes. Huwa hekk proprju għax tul dawn is-snin morna għall-politika ta’ kwantità. Il-kwalità, li hija l-melħ vitali, li trid u titlob li tingħata prijorità, intilfet. Il-Gvern, f’din id-dikjarazzjoni finanzjarja tiegħu qiegħed jorbot ruħu li ser jibdel dak li kien qabel. Fir-realtà qiegħed jammetti pubblikament u indirettament li l-politika tiegħu ma rnexxietx. Għax jekk issa trid li “Naħdmu lejn Pajjiż ta’ Kwalità” jfisser li m’aħniex hemm.

Minkejja


2. Il-punt ma kienx li nkomplu li nkunu, wisq anqas li nissudaw il-kwalità. Il-punt ċentrali huwa dak li hemm l-għarfien li qed ngħixu f’soċjetà fejn hemm bżonn, illum qabel għada, li nbiddlu r-rotta. Biex fil-fatt naqbdu lura t-tarf ta’ fejn ħallew Gvernijiet Nazzjonalisti. Ċertament, saret propaganda qawwija kontra dawn biex toskura. Kien hemm ukoll diversi li ngħaqdu f’din il-linja lejn dak li deher futur aħjar mill-preżent. Imma dak li qiegħed jiġi rikonoxxut huwa li sar ħafna xogħol politiku tajjeb u d-direzzjoni kontinwa kienet lejn politika ta’ kwalità u mhux tal-kwantità. Dan f’kull settur soċjali, ekonomiku u kulturali. Ix-xemx ma telgħetx ma’ Gvern Laburista. Kienet diġà qed tiżreġ qabel.

Dan kollu


3. Minkejja dan kollu u l-fatt li pajjiżna qabed triq li tidher tajba mentri l-figuri jindikaw il-kontra, m’aħniex navvanzaw fejn u kif għandna. B’ekonomija li tidher li qegħda tiżdied u tkattar il-figuri tagħha stess, il-ġid mhux qed jitqassam kif għandu. Ma hemmx verament sistema li tassigura distribuzzjoni aqwa, speċjalment lejn dawk li jinsabu l-iktar ’l isfel fis-soċjetà biex jitilgħu aktar ’il fuq. Baqgħu dipendenti fuq l-għajnuniet soċjali varji li fl-aħħar mill-aħħar jixraq li nduruhom biex jolqtu direttament fejn hemm bżonn. Mhux biss, iżda li jimmarkaw ukoll riflessjoni kostruttiva fl-impatt soċjali veru li qed iġibu fis-seħħ f’dinja dejjem iktar ikkumplikata.

Fejn sejrin

4. F’xenarju fejn ir-ruħ tas-soċjetà ntilfet. Fejn il-valuri fundamentali li jagħtu sens u sustanza lill-eżistenza ma nistgħux insibu tarf tagħhom, wieħed irid jirrifletti aktar. Qegħdin fl-aqwa ta’ mewġa ta’ materjaliżmu fejn kollox jidher li jibda u jispiċċa minn hemm. Mentri fil-fatt, il-poplu jdur u jfittex il-kuntentizza tiegħu proprju fil-post fejn kien isibha u fejn illum m’għadux. F’dan iktar, ċertament li l-Gvern preżenti mhuwiex jaqbad tarf ta’ dak li qiegħed hawn joffri u dak li hemm talba għalih. Għandu Budget li jiddikjara dak li jaħseb li l-poplu jrid, imma fil-fatt mhuwiex jifhmu.

Ħaġa u oħra

5. F’dan qiegħed jiddikjara numru ta’ miżuri li huma parti mill-arsenal l-antik u mhuwiex imiss mal-ġdid li tant hemm bżonn u għatx għalih. Iktar stabilità, iktar direzzjoni, iktar ordni soċjali u għarfien li ma hemmx bżonn naħsdu iktar ir-riħ. Fl-istat li ninsabu u li fil-fatt ġejna fih proprju fuq il-wegħda ta’ ħdax-il sena ilu skorruti. Dik li ressqitilna l-kunċett li ser inkunu aħjar milli konna biex issa hawn irridu naċċettaw il-falliment u l-għarfien li rridu mmorru hemm. Il-kontroll nazzjonali ntilef. Hemm ħafna fatturi varji għal dan. Biss l-aktar, u l-ewwel: li l-politika tal-Gvern kienet fejn ma kellhiex tkun, b’liberalizzazzjoni bla rażan f’kollox; it-tieni: fit-traġedja interna li wasslet li l-pajjiż jifhem li dawk li għajtu ħafna fuq il-korruzzjoni nxeħtu b’ruħhom u b’ġisimhom fiha; it-tielet: li ma kienx hemm boxxla morali li tidderieġi verament lil min irid il-ġid komuni.

Proprju f’dan

6. Għalkemm jista’ jkun li b’dawn il-miżuri l-Gvern qiegħed isejjaħ lil dawk li baqgħu jsostnuh biex jibqgħu, fir-realtà dawk li tilef mhuwiex ser iġibhom lura. Diversi oħra, anzi, jinsabu fil-proċess li jiċċaqilqu min-naħa għal oħra. Hemm ferm iktar minn dawk li jridu bidliet veri. Hemm iktar minn dawk li jippretendu serjetà u preparazzjoni. Dawk li ma jafdaw xejn, kif kienu għamlu fil-faċċati esterni, imma li jridu politika differenti u ta’ sustanza. Dawk li ppretendew miżuri oħra mill-Budget, fejn l-intelliġenza tagħhom tiġi rispettata u ma jittieħdux iktar fil-livell ta’ dawk li ma jifhmux dak li qiegħed isir minn fuq. L-iktar fil-qasam tal-Ambjent, fejn il-pajjiż irid dikjarazzjoni ċara u bil-miktub li mhux ser jibqa’ jkun hemm l-iżvilupp li rajna sa issa. Li, l-iktar, mhux ser nibqgħu nkerrħu aktar lil pajjiżna. F’dan huwa ferm ċar li diversi qegħdin fil-proċess li jaqsmu definittivament it-triq.

30.10.24

FEJN GĦANDNA MMORRU

1. Minn għada jibda l-proċess annwali. Dak li fih neżaminaw u niddibattu l-programm finanzjarju tal-Gvern għas-sena li ġejja. Proċess li forsi għal xi wħud huwa ripetittiv, imma ċertament neċessarju. Pajjiż demokratiku ma jistax ma jgħaddix minn dan. Imma biex jissupera lilu nnifsu jrid li jkollu l-aħjar triq u l-aqwa miżuri sabiex nimxu fid-direzzjoni li għandna nimxu fiha. F’dan, wieħed irid ikompli jistaqsi fejn ninsabu. Jistaqsi jekk ninstabux fir-ramel tad-deżert. Fejn tħoss li miexi, imma taħtek issibek tiżżerżaq. Fejn taħseb li qbadt sew il-boxxla u miexi lejn il-belt, mentri tagħraf li għadek ’il bgħid minn fejn għandek tieħu ħsieb li tasal.

Mument partikolari


2. F’dan, il-Budget fih aktar importanza proprju għax il-pożizzjoni tagħna mhijiex qegħda fl-aqwa forma ta’ stabbiltà li għandu jkollha. Hemm dinjiet soċjali u ekonomiċi li qed jistennew, u kważi jitkarrbu, għal direzzjoni u dinjità. Min-naħa l-oħra, tant il-klassi politika għaddiet minn kumplikazzjonijiet, li għadha ma tidhirx li ħadet ir-ruħ. Nistgħu naraw ritratti sbieħ. Daqshekk ieħor nistgħu nisimgħu u naqraw diskorsi mimlija tifħir u propaganda. Imma l-pożizzjoni ċara, u għalija ovvja, hija dik li ferm inqas bnedmin f’dawn il-gżejjer qed jemmnu jew jinġibdu lejn dak li qed jingħad. F’dan, f’diversi mumenti hemm dawk li qegħdu ruħhom fil-ġenb, jistennew bidliet varji. Wieħed jifhem aktar li dawn id-diversi ma jistgħux jibqgħu jippermettu l-‘ħmerijiet’ koroh li qed jaraw għaddejjin.

Lista ta’ żidiet

3. F’dan, wieħed jittama li hemm min qiegħed jifhem li hemm għajta qawwija biex l-affarijiet ma jibqgħux isiru kif qegħdin isiru u li għandha tinqabad linja politika differenti. Nittamaw li m’aħniex ser nassistu għal diskors fejn l-intelliġenza tal-poplu tonqos milli tiġi apprezzata. Fejn iż-żiemel tal-battalja jkun li minkejja dak li hu għaddej fix-xenarju internazzjonali, xorta ħa nżidukom fuq diversi punti li diġà jeżistu. Forsi l-kriżi post-pandemika dan kienet tiġġustifikah. Biss, illum hemm realtà oħra li żviluppat, fejn huwa evidenti li l-kontroll qed imur lura. L-iktar fl-għarfien li l-Gvern għadu jiddependi ferm iktar minn qabel fuq is-settur tal-kostruzzjoni. Għal ħafna, tant huwa hekk, li ma jistax jibqa’ lura milli jkompli japprova bini esaġerat u jkompli jikkommetti dnubiet mortali fil-qasam tal-ambjent li lkoll għandna d-dmir li nipproteġu. Qbiżna kull limitu f’dan, u ma nafx jekk il-kamp politiku huwiex jifhem verament il-poplu xi jrid minnu.

Hemm setturi

4. F’dan hemm iktar dak li daħħluna fih. Art li tinsab tbati biex trendi s-servizzi bażiċi liċ-ċittadini permanenti tagħha. Hemm sens ta’ traskuraġni fuq naħa u rassenjazzjoni aktar qawwija fuq in-naħa l-oħra. Flok qed inxammru jdejna sabiex nikkontrollaw u nġibu lura l-pożizzjoni għall-ordni qed inħallu kollox għaddej. Jekk, kif inhuwa fatt li pajjiżna għandna iktar persuni milli l-infrastruttura tiflaħ għalihom, wieħed jistaqsi: x’ser isir? Anzi aħjar: x’għandu jsir biex jibqa’ jkollna l-Istat sabiħ li writna? Xejn ma jista’ jitqabbel fl-istorja tagħna ma’ dak li ninsabu fih illum. Dawl, ilma, servizzi sanitarji, traffiku, saħħa, edukazzjoni, ordni u dixxiplina: ilkoll jinsabu fuq ix-xifer. M’aħniex wisq ’il bogħod milli, minħabba raġunijiet varji, nikkrollaw.

Investiment u liberazzjoni

5. F’dan, il-pajjiż irid jagħraf li jista’ jikber aktar fil-kwalità, kif kien qabel, milli fil-kwantità. Hemm bżonn bidla fil-linja li qbadna sabiex immorru fid-direzzjoni t-tajba. Dik li tippermetti tkabbir, imma l-iktar, li tassigura kwalità ta’ ħajja vera għalina u għal dawk li ġejjin warajna. M’għandniex bżonn il-linja politika li f’dawn l-aħħar għaxar snin skorruti qabad il-Gvern Laburista. M’għandniex bżonn inkunu qed ngħixu f’ġungla li dejjem sejra lejn li ssir totali. M’għandniex bżonn inkunu f’sitwazzjoni fejn kollox jidher li ħareġ minn idejna. Irridu niġu liberati minn dan il-kunċett u nkunu kuraġġużi nwettqu dak li huwa sewwa billi mmorru kontra l-kurrent attwali.

6. Nittama, f’dan, li l-Ministru tal-Finanzi din ir-realtà jagħrafha u jkollu l-ispazju politiku biex jibdilha. F’dan huwa ferm iktar ċar għalija fejn għandna mmorru.

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...