1. Iktar ma jgħaddu s-snin, iktar nirrealizza kemm ingħatajt formazzjoni tajba f’ħajti. Niftakar f’dawk il-kotba li fl-iskola primarja kont ingħatajt naqra. Fl-għalliema li mexxewna u li assiguraw li dak li konna qed nistudjaw kien verament tajjeb għalina. Ma kellniex min jiddubita l-fatti, jew jipprova jċekken jew imaqdar dak li l-bnedmin wettqu fit-tajjeb jew inqas. Trabbejt b’imħabba lejn il-ktieb u lejn il-qari ta’ kotba dwar l-Istorja. Kelli lista ta’ persuni li kont qrajt ħajjithom u li bqajt ħajti nfittex dwarhom, naqra iktar u nifhem il-fatt kemm u għaliex kienu u għadhom jibqgħu jitqiesu daqshekk kbar.
Missejt lura
2. Ftit jiem ilu ħassejt dan kollu waqt li qrajt mill-ġdid li fis-6 ta’ Lulju 1535, xejn inqas minn erba’ mija u disgħin sena ilu, il-qaddis Sir Thomas More għadda għall-martirju. Forsi mertu f’dan ukoll tal-film A Man for all Seasons (1966) ta’ Fred Zinnemann (1907-1997) fejn stajt nara dak li qrajt aħjar. Imma l-iktar, ċertament, f’ħajja ta’ bniedem Nisrani, avukat u politiku li għall-prinċipji tiegħu ġie ikkundannat għall-mewt. Kellu l-kuraġġ li jieqaf lir-Re Enriku VIII (li qabel kien viċin ħafna tiegħu) meta dan kien kontra l-parir ta’ More u oħrajn li qabad u ħa d-deċiżjoni li jaqta’ lilu nnifsu mill-Knisja Kattolika f’Ruma. More ġie mneħħi minn kull kariga, ġie msakkar fil-ħabs u wara pproċessat inġustament. Għalija baqa’ bniedem eżemplari u li kitbietu u ħidmietu baqgħu ta’ ispirazzjoni, iktar u iktar f’kull mument politiku u legali iebes li sibt ruħi fih. Dawl fid-dinja iebsa tal-politika.
Ħajja
3. Min ma qrahx, jew almenu sar jaf dwaru, għandu jsib il-ħin sabiex jagħmel dan. Anki jekk tista’, b’xi mod, ma taqbilx miegħi fuq il-ħajja eżemplari tiegħu, xorta ngħid li mingħandu wieħed jieħu l-lezzjonijiet. L-iktar dawk li qegħdin, jew jixtiequ li jkunu fil-politika għax ma jkunux qed jitilfu ħinhom. Anzi. Naħseb li waħda mill-problemi fil-ħajja pubblika llum hija proprju dik li l-eroj ta’ veru ntilfu u qed jiġu segwiti dawk li mhumiex. Isegwu l-artifiċjali u jinsew il-veri. Xbajt nara ġurnali, gazzetti prestiġjużi li tilfu l-boxxla morali kompletament. Jadulaw lil dawk li jġibu l-iktar voti jew lil dawk li jidhru invinċibbli fit-tmexxija politika tagħhom għax qisu b’daqshekk għandhom raġun f’kollox. Jaħsbu li kunċetti liberali fil-politika, fejn il-pjaċir huwa biss li wieħed ikun kontra l-prinċipji etiċi Nsara, ser ikun xi forma ta’ soluzzjoni għall-isfidi ta’ din is-soċjetà. Imma kif nafu, meta ma jkunx hemm ordni, din mhux libertà tagħti imma diżordni totali, fejn anzi jkun hemm kull raġuni sabiex ma jiġi rispettat xejn. F’dan wasal dejjem iktar iż-żmien tal-bidla fil-perspettivi u fil-viżjoni lura lejn is-sewwa u l-ordni.
Fortunatament
4. F’dawn il-ġranet, qisu ġimgħatejn ilu, il-Papa Ljun XIV, dak li qed insiru nafuh aktar jum wara jum, fakkarna f’dan kollu. Fil-21 ta’ Ġunju 2025, waqt li kien qiegħed jindirizza lill-membri tal-International Inter-Parliamentary Union semma numru ta’ punti li tajjeb li wieħed jaqrahom sew. Fakkar lil dawk li kellu quddiemu li l-politika hija: “... the highest form of charity” – l-ogħla att ta’ mħabba u karità Nisranija. Dik li biha trendi lis-soċjetà u l-ġid komuni l-aqwa passi u liġijiet. Messaġġ ċar li l-ħidma fil-ġustizzja soċjali li ssir bl-imħabba lejn il-proxxmu hija unika u ċ-ċavetta tal-proċess veru ta’ bidla soċjali. Kull min għex il-politika u ħadem fl-istituzzjonijiet demokratiċi jaf kemm dan huwa minnu. Dak li mhuwiex imwieled minn din il-linja, maż-żmien tifhem iktar kemm ma tistax tagħti frott veru.
Liġi Superjuri
5. F’dan id-diskors qasir u preċiż huwa jeħodna verament għall-qalba ta’ dak li fuqu dan il-bniedem ser imexxi lill-Knisja Kattolika. Jeħodna lura wkoll biex niftakru li hemm liġi superjuri, ’il fuq minn kull liġi li l-bniedem jista’ jikteb, li tirbaħ anki jekk ma tiġix segwita jew kuntrarjata mill-bniedem. Huwa qal hekk lil dawn id-deputati: “Natural law, which is universally valid apart from and above other more debatable beliefs, constitutes the compass by which to take our bearings in legislating and acting, particularly on the delicate and pressing ethical issues that, today more than in the past, regard personal life and privacy.” (Id-Dritt Naturali, li huwa validu mad-dinja mad-dinja kollha apparti minn u fuq kull twemmin dibattibbli, jikkostitwixxi l-boxxla li minnu nieħdu triqitna fil-leġislazzjoni u ħidmitna, partikolarment fil-kwistjonijiet delikati u ta’ sfida etiċi li, illum iktar minn qabel, imissu mal-ħajja personali u privata.)
Distinzjoni
6. Fil-fatt, waqt li taqra tifhem forsi aktar li jista’ jkun li, kif għall-ewwel darba naħseb, li għandna Papa li qiegħed jaħseb u jikteb bl-Ingliż. Kemm il-Kurja Rumana hija ippreparata għal dan hija ħaġa oħra, imma parti minn proċess li jrid isir. Huwa kompla jindirizza bi kliem li jitkellem waħdu f’dak li qiegħed isir dejjem iktar il-qalba tal-messaġġ preżenti tiegħu: “Our personal life has greater value than any algorithm, and social relationships require spaces for Development that far transcend the limited patterns that any soulless machine can pre-package. Let us not forget that, while able to store millions of data points and answer many questions in a matter of seconds, artificial intelligence remains equipped with a “static memory” that is in no way comparable to that of human beings. Our memory, on the other hand, is creative, dynamic, generative, capable of uniting past, present and future in a lively and fruitful search for meaning, with all the ethical and existential implications that this entails.” Kliem preċiżi li jispjegaw ċar fejn ser inkunu sejrin fl-isfidi li l-politiċi jridu jmorru lejhom.
Sir Thomas
7. Dan id-diskors importanti u dirett lilna wkoll, politiċi fuq dawn il-gżejjer, jagħlaq hekk: “Sir Thomas More was a man faithful to his civic responsibilities, a perfect servant of the state precisely because of his faith, which led him to view politics not as a profession but as a mission for the spread of truth and goodness. The courage he showed by his readiness to sacrifice his life rather than betray the truth makes him, also for us today, a martyr for freedom and for the primacy of conscience.” Hekk huwa: martri veru għal-libertà u għall-ġlieda sabiex kull politiku jibqa’ leali lejn kuxjenztu. Proprju għalhekk li More jibqa’ wieħed mill-eroj favoriti tiegħi.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
FIĊ-ĊIRKOSTANZI LI NINSABU
1. Għandi dubji fuq kemm id-dinja mxiet ’il quddiem f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena. B’ “’il quddiem” nifhem il-progress li jitkatta...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment