1. Ninsabu fil-bidu nett tat-triq sejrin sabiex ngħaddu mill-proċess ta’ għażla mill-ġdid ta’ Kap tal-Partit. Mhijiex dejjem faċli, ċertament, u għall-kuntrarju ta’ dak li qalu oħrajn, hija fiha nfisha determinanti. Tqegħdu t-ton, id-direzzjoni, il-metodu u l-għaqal fil-viżjoni. Daqshekk ieħor ngħid li għandna nieħdu tagħlimiet minn dak li għaddejna lkoll minnu. Kull waħda mill-għażliet preċedenti kellha d-diffikultajiet, il-kumplikazzjonijiet u l-isfumaturi tagħha. Hemm min ħass li rebaħ għax laħaq u hemm min il-kontra meta tilef. Il-bnedmin jgħaddu minn dan fid-determinazzjoni ta’ persuna minn oħrajn.
Tensjonijiet
2. Hemm dan kontinwament, imma l-importanti hu li wieħed ma jħallihomx jirbħu u anzi li wara, jitqegħdu ’l barra. Ngħid li ‘nfridna’ internament wisq drabi u dan ma jagħmilx ġid. Partit irid jagħraf jimxi ’l quddiem f’daqqa u mhux fil-loġika żbaljata li ċerti mumenti nħoss li ddominat, jiġifieri dik il-parti ta’ fuq oħra. Dak li jiġri fil-kampanja huwa f’dan verament vitali. Meta jkun hemm diskors żejjed u persuni li jweġġgħu oħrajn ikun iktar diffiċli, anzi ferm iktar diffiċli wara biex iġġibhom f’daqqa. Diġà rajniha sseħħ u nafu b’dan l-effett uman. F’dan, però, m’għandniex nirrassenjaw irwieħna li ser jerġa’ jiġri l-istess u li dan huwa ‘konsegwenza inevitabbli’. Ma naqbilx li ma nistgħux nagħmlu minn issa atti maturi, intelliġenti u wkoll fit-triq tal-moderazzjoni.
Kunflitti
3. Għax f’dan hemm nuqqas ta’ qbil fl-ideat, fil-metodi, fit-tattika, fl-istrateġija, imma meta jkunu personali, jikkumplikaw wisq ruħhom. Meta l-bnedmin jibdew ma jarawx għajn ma’ għajn, hemmhekk ikun diffiċli biex twitti t-triq. Kif nafu, f’dan hemm il-ħbieb li ma jaqblux u l-għedewwa li wara jafu jinġabru lura f’daqqa. Għandna esperjenza passata li minnha għandna nitgħallmu. Mhux biss għax huwa sewwa fih innifsu, imma wkoll għax huwa wkoll neċessarju għal pajjiżna. Wasal iż-żmien ta’ bidla fil-Gvern tal-pajjiż wara tlett elezzjonijiet favur il-Partit Laburista. Hemm il-bżonn, għall-ġid tal-poplu u tad-demokrazija, li jkun hemm bidla tajba.
Taħwid
4. Jekk dan ma jseħħx u l-lezzjonijiet ma jittieħdux ser inkunu diversi partiti f’partit wieħed. Kulħadd għal rasu, meta l-pajjiż jippretendi li nkunu f’daqqa. F’dan l-appuntament nappella partikolarment sabiex wieħed jifhem aktar ir-responsabbiltà politika li għandna quddiemna. Nappella sabiex jitneħħew tentazzjonijiet passati. M’għandniex il-‘lussu’ li nidħlu f’dan. Minflok għandna nifhmu li rridu nagħżlu tajjeb għall-futur tal-pajjiż u tal-Partit. Wara l-ħatra, ikun hemm min ikun hemm li jintgħażel, irid isib il-klima politika interna f’pożizzjoni li jimxi ’l quddiem. Dik li huwa stess irid jaħdem għaliha minn issa. Mhux aktar partijiet, imma f’daqqa, fejn kull persuna tkun importanti u li ħidmietha tkun essenzjali għal pajjiżna. Il-kaos, it-taħwid huma faċli; l-ordni hija ferm diffiċli, imma trid issir.
Tibni
5. Mill-esperjenza nafu li huwa ferm iktar faċli li tkisser li għandek, milli li tibni. Għaddejna minnu, u f’dan ninsabu f’pożizzjoni li mhi xejn faċli. Imma xorta ngħid li b’għaqal, intelliġenza u esperjenza mhuwiex impossibbli li ġġib lura l-affarijiet. Il-ġirien Taljani jgħidu: “Non tutto il male vien per nuocere”, biex ifehmu li tkun fhiex tkun, hemm dejjem lok li tħares lejn bidliet għas-sewwa. Fuq kollox, li nitgħallmu. Mhux il-kunflitti umani jew il-ġlied kompetittiv fejn xejn ma jiġi rispettat li fil-fatt jirbaħ, imma l-kollaborazzjoni u r-rispett reċiproku jagħmel dan. Rajna wisq minna jduru lejn oħrajn fi ħdan tagħna. Wisq żbalji politiċi li flok isaħħu, idgħajjfu. F’pajjiżna ngħid li nieħdu wisq eżempji ta’ oħrajn li jinsabu f’kumplikazzjonijiet akbar.
Tissoda
6. F’dan inħares ’il quddiem u nappella sempliċement sabiex nieħu l-lezzjonijiet it-tajba. Fuq kollox nappella sabiex ma nwettqux l-iżbalji tal-passat. Ma nirrepetuhomx. Appell sempliċi għar-rispett, għall-għaqal u għall-għaqda għax wara li niddeċiedu min ser ikun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rridu nkunu f’pożizzjoni li nimxu malajr flimkien. L-appuntament ta’ Elezzjoni Ġenerali fil-viċin fih f’dan aktar il-vantaġġ li rridu nkunu ppreparati f’daqqa fl-inqas żmien. Nittama u nappella sabiex nagħrfu nnaqqsu t-tensjonijiet, il-kunflitti, u nżidu l-għaqal u l-ordni. Għandi fiduċja li dan jista’ jsir u għalhekk inħossni fil-libertà li nressaq dan l-appell mill-iktar sempliċi.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
FIĊ-ĊIRKOSTANZI LI NINSABU
1. Għandi dubji fuq kemm id-dinja mxiet ’il quddiem f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena. B’ “’il quddiem” nifhem il-progress li jitkatta...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment