1. Pajjiżna għandu x-xorti li għandu ġabra ta’ liġijiet li nbnew fis-sekli. Ma ġewx ivvintati mil-lum għal għada imma fi proċess li fih bnedmin varji taw sehemhom sabiex ġew imsawra. Ħafna drabi xogħol u mertu ta’ bnedmin li studjaw u ddedikaw ħajjithom għas-servizz tal-liġi. L-avukati, l-imħallfin, il-maġistrati, l-akkademiċi mhumiex proprju l-iktar popolari fis-soċjetà imma f’dan kollu huma determinanti. Għax il-verità hija li kienu huma, u huma huma l-bnedmin li huma assolutament essenzjali sabiex ikun hemm, għal dawk li jgħixu flimkien, regoli ċari li jġibu l-ġustizzja u l-ordni. Il-ġlieda għas-sewwa tiddependi fuq kemm din il-ħidma ssir kif għandha. Issir b’attenzjoni, għaqal u preċiżjoni. Il-liġi, fil-verità, mhijiex ħaġa moħġaġa imma xjenza fissa. Waħda li hija ugwali għall-persuna.
Ġenerazzjonijiet
2. F’dan ninsabu proprju fil-punt storiku, fis-sens normali tiegħu, ta’ esperjenzi varji li ġbarna f’dawn il-gżejjer. Minn meta kellna bnedmin jgħixu f’dawn il-gżejjer kellna sistema jew sistemi legali li ħadmu. Uħud ġejjin minn dak li pajjiżi oħra kienu qegħdin iħaddmu u oħrajn li nbnew hawn separatament, distintament bħala liġijiet Maltin. Dawk li saru għalina u baqgħu sakemm jew tneħħew jew wara nbidlu bħala parti mis-sistema tagħna. F’ħafna, dan kollu hu mertu ta’ dawk li kienu jagħtu pariri legali lil dawk li b’xi mod kienu jikkmandaw u jikkontrollawna. Il-liġijiet li ġiebu, anki jekk fil-maġġorparti ma kinux “tagħhom” fis-sens li saru minnhom stess imma li kienu hekk għax aċċettati bħala dawk li emmnu li għandhom japplikaw għas-sudditi tagħhom.
Pajjiżna
3. F’ħafna, aħna fortunati li aħna werrieta ta’ snin twal ta’ ħidma legali. Dik li saret minn dawk li ġiebu fis-seħħ liġijiet speċjali tagħna u għalina, u wara u magħhom dawk li pprattikaw, applikaw u nterpretaw. Hemm ġabra tagħhom li ma napprezzawx biżżejjed f’ħajjitna. Għandna però, fl-Arkivji Nazzjonali tagħna, dokumenti li jixhdu dan kollu. Prova ta’ dan il-proċess. F’dan pajjiżna mexa ħafna meta wieħed jaqrahom jew jiġi f’kuntatt magħhom f’sentenzi jew kitbiet oħra. F’ħafna ninsabu werrieta ta’ tradizzjoni ta’ liġi li ġiet għandna mill-ulied li għallmu l-liġi f’Bologna fl-Italja. Jekk aħniex fil-fatt parti ‘pura’ mill-ħsieb u l-kultura oċċidentali minn Ruma inkella f’dak li ġie żviluppat aktar tard fil-lvant f’Kostantinopli, dan fih x’tiddibatti. Imma l-fatt jibqa’ li aħna werrieta ta’ ħidmet il-ġuristi varji li missierhom, b’xi mod, huwa Irinew.
Disa’ mitt sena
4. Għalkemm hemm nuqqas ta’ qbil u ideat varji dwar in-nazzjonalità, isem u ħidmet dan il-bniedem, kif ukoll ma’ dawn il-jum li fih twieled jew miet, jidher li huwa aċċettat minn diversi li kien ġurista u għalliem li twieled fl-1055 WK u miet fl-1255 WK. Huwa dak li ġie akkreditat li skopra mill-ġdid parti mill-kitba legali li kienet inġabret mill-Imperatur Ġustinjanu (483-565 WK) fl-erba’ kotba tiegħu, dak preċiżament magħruf bħala d-Digesto (533 WK). Ktieb legali li dawwar paġna ġdida fit-triq sabiex f’dik l-università, f’dak iż-żmien infetaħ bieb beraħ li wassal sabiex twieldet tradizzjoni ta’ studju tal-liġi unika fiha nfisha. Parti minn dak li hu magħruf għalina bħala l-Glossaturi. Dawk li kitbu studji dettaljati fuq dak li qraw u kkummentaw, li saru huma stess ikkunsidrati tant mimlija awtorità li ngħataw il-forza tal-liġi. Bnedmin tal-liġi imma wkoll tat-tradizzjoni Nisranija.
Elf, erba’ mija u sittin sena
5. Daqshekk naċċettaw li għadda żmien minn meta miet Ġustinjanu, li mertu tal-ħidma imperjali tiegħu seħħ dan il-proċess kontinwu ta’ studju. Irinew huwa importanti għax ikkummenta dak li l-Imperatur ippromulga. F’perjodu ta’ żmien, li terġa’ wkoll wieħed irid ifakkar iktar kif proprju fl-1091 WK, il-Konti Ruġġieru llibera lil pajjiżna biex dħalna lura taħt mexxejja Ewropej u wkoll lura fil-Kristjaneżmu. Kitbiet il-Glossaturi fil-fatt ippriservaw u ġiebu lura għalina dak il-wirt sħiħ li l-ġuristi fl-Imperu Ruman għaddewlna. F’ħafna għalhekk, ċertament ninsabu parti minn dik il-linja ta’ ħsieb u kultura legali. Biss, wara tant snin u wara tant studju u interpretazzjoni, wieħed irid jikkunsidra f’liema pożizzjoni ninsabu. Għandna nistaqsu jekk ix-xjenza legali avvanzatx fil-preċiżjoni tagħha.
F’pajjiżna
6. Nistaqsu jekk aħniex f’pożizzjoni li niddikjaraw jekk imxejniex ’il quddiem u llum aħniex tant ċari fuq kif ser jiġu nterpretati l-liġijiet sħaħ li għandna. Inkella ninsabux fit-triq fejn kull ġudikant jistax ivarja skont x’jara li hija l-liġi. Forsi huwa mument ta’ riflessjoni, iktar u iktar għax illum fil-Qrati tagħna għandna numru ta’ persuni li jservu li dmirhom huwa li jgħinu lill-ġudikant fir-riċerka legali li diversi kawżi jitolbu. Għandna l-opportunità li niġbru dak li qiegħed isir sabiex ma jkunx hemm bżonn xogħol doppju, kif ukoll ikun għad-dispożizzjoni ta’ kull min jaħdem fil-liġi. Bit-teknoloġija f’dan għandna għad-dispożizzjoni tagħna mod ta’ kif ix-xjenza tal-liġi timxi u nkunu preċiżi aktar fuq kif nistgħu niggwidaw lil min jitlob mingħandna pariri, kif ukoll innaqqsu ċerti kawżi u appelli.
Għall-Ġustizzja
7. F’dan kollu dmirna huwa lejn il-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-ordni. Fl-aħħar kitba dwar Irinew li qrajt, laqtitni din l-osservazzjoni: “There is no doubt that, in Irnerius’s view justice – the manifestation of the harmonious balance conceived by God’s plan in Creation – is the first and fundamental aim to be pursued by the legal system. It happens, nevertheless, that sometimes human laws order things differently.” U jkompli hekk: “With deeper insight, he finds that law, with its authority, shares the same goals as equity, namely the pursuit of justice. This must be found precisely by means of patient and accurate investigation, because words, far from making the meaning of the law clear, sometimes obscure it.”
Fl-aħħar mill-aħħar
8. Dak li writna u dak li għandna f’idejna biex inħaddmu jiddependi fuq studju tajjeb u fil-fond. Jitlob li wieħed iħares lejn il-passat mhux neċessarjament sabiex jaċċettah mingħajr ma jistaqsi jekk huwiex tajjeb u ġust, imma biex iżommu rilevanti għalina. F’dan nirriflettu aktar jekk aħniex viċin twettiq ta’ preċiżjoni fit-triq lejn tħaddim u tisħiħ tax-xjenza legali. Inkella aħniex lura fl-inċertezza li ma tagħmilx ġid lil sistema legali. Wara tant sekli għandna naraw kif qed nipprattikaw, napplikaw u ninterpretaw il-liġi u nħarsu ’l quddiem sabiex ikollna sistema li tkompli timxi ’l quddiem.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
22.7.25
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
FIĊ-ĊIRKOSTANZI LI NINSABU
1. Għandi dubji fuq kemm id-dinja mxiet ’il quddiem f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena. B’ “’il quddiem” nifhem il-progress li jitkatta...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment