3.6.25

ANKI JEKK

1. F’dinja fejn fl-ideat politiċi daħal lura iktar taħwid milli kellna qabel jidher li dan huwa aktar il-mument. Huwa aktar dak fejn wieħed għandu jifhem dak li hu għaddej u jidentifika ruħu fis-sewwa. Mhux aktar taħwid b’politika bla viżjoni u fir-realtà sempliċement reazzjonarja. F’dinja fejn dawk ta’ barra jitkellmu mhux għax għandhom ideat veri iżda biex ikomplu jirrepetu dak li jkunu qed jgħidu oħrajn. Fejn, bħal dejjem, il-verità hija l-vera vittma. Dan irid jingħad u wieħed iħares lejn fil-kuntest ta’ jekk dak li huwa għal qalbna aħniex lesti li niddefenduh u naffermawh jew inkella nċeduhx f’rassenjazzjoni żbaljata. Ħafna forsi ma japprezzawx li hawn il-punt fundamentali huwa d-difiża jew le tas-sistema demokratika Ewropea. Dik li aħna parti minnha. Difiża taċ-ċiviltà li aħna parti mill-Oċċident. Dik li hija bbażata fuq il-protezzjoni tal-bniedem.

Id-demokrazija tagħna

2. Nistaqsi aktar lili nnifsi kif nistgħu nsibu dawk li b’xi mod jaħsbu li huwa sewwa dak li qed jiġri barra minn xtutna. Aħna ħadna l-mudell demokratiku li diversi ħadu fl-Ewropa u fl-Istati Uniti tal-Amerika u fih għandna l-vantaġġ li naġixxu. Biss, aħna żidna fid-doża tal-importanza ta’ dan kollu proprju għax inqisu d-demokrazija bħala valur. Aħna parti minn wirt uniku li biddel il-perkors tal-istorja. Aħna parti mill-familja Demokratika Kristjana li assigurat dak li qed ingawdu minnu fl-Unjoni Ewropea. Kien hemm il-fundaturi oriġinali li qegħdu l-għeruq, li warajhom ġew ġenerazzjonijiet ta’ politiċi oħra li komplew jissudaw is-siġra. Illum il-ġurnata ma nifhmux biżżejjed dan l-impatt għax qisu huma biss il-pajjiżi armati militarment li għandhom ir-rilevanza fix-xenarju belliku li ninsabu fih. Inkella dawk li jiċħdu l-prinċipji etiċi nsara li għadhom rilevanti u li jsawruhom.

Dmirna

3. Huwa dmir tagħna li nagħrfu dak li writna u naħdmu mhux biex inżarmawh imma biex nkattruh. Irridu niddefendu, imma fl-istess ħin inħarsu lejn il-futur. Fl-iżbalji politiċi li jsiru llum irridu nibqgħu bit-tama li l-folja ser tinbidel. Dan aktar fil-kuntest ta’ Ewropa li f’dan il-mument qed tikkumbatti minn ġewwa u minn barra għall-valuri tagħha. Ma’ kull elezzjoni, f’kull pajjiż stat membru tal-Unjoni Ewropea qed naraw iktar qasmiet. L-ewwel bejn dawk li jridu jkomplu jkunu fl-Unjoni u dawk li jaħsbu li hemm xi alternattiva. It-tieni bejn dawk li huma favur aktar demokrazija u dawk li qed jaħsbu li jistgħu jerġgħu jmorru lura lejn l-imrar li għaddejna minnu mitt sena ilu. Dak li d-dittaturi ħaduna fih. Proprju f’dan għandna nagħrfu li hemm linja ta’ prinċipju li m’għandhiex tinqabeż.

Kollaborazzjoni


4. Għax l-Unjoni Ewropea hija verament ibbażata fuq il-ftehim u l-ħidma t-tajba f’kull livell. L-avvanzi li missejna u għadna mmissu huma frott ta’ dawn id-deċiżjonijiet politiċi li huma bbażati fuq l-intelliġenza. F’dan huwa iktar ċar li l-konfrontazzjoni ma twassalx fejn wieħed jaħseb. Hija iktar il-kollaborazzjoni li trid isseħħ u li tikber fost l-istati. Anki f’dan il-mument li fih il-Federazzjoni Russa tilfet ħafna minn dan il-melħ politiku lura lejn Sovjetiżmu passat, dmirna huwa li naħdmu sabiex jirbaħ is-sens komun. Il-kontinent Ewropew huwa sħiħ aktar u aktar fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, fejn l-istati jsibu ruħhom f’daqqa. Il-futur mhuwiex li nibqgħu dominanti b’kunċetti ta’ stati li jaħsbu li waħedhom jistgħu jimxu ’l quddiem, imma bil-kontra. Jekk ma nibnux illum ser ikollna xenarju differenti. Ser nibqgħu fi stat ibaqbaq ta’ gwerra bierda.

Il-Bniedem

5. Dan iktar fl-għarfien li ġejjin minn ħdan kultura li tagħraf li kull persuna hija importanti. Kull persuna hija rilevanti u determinanti. Ħadd, għall-ebda raġuni, m’għandu jitwarrab jew b’xi mod jiġi eliminat. Meta wieħed jaċċetta li huwa permess li toqtol it-trabi fil-ġuf jew lil dawk li waslu f’mument iebes ta’ saħħa, ikun qed jitlef. Ikun qiegħed iħalli warajh dak li aħna u dak li nirrappreżentaw. Mhijiex kwistjoni ta’ libertà, imma taċ-ċaħda tagħha. Id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, dak il-wirt nisrani tagħna, jistgħu jitħaddmu proprju għax hemm il-bnedmin. Mingħajru għalxejn inħambqu fuqhom. Proprju f’dan huwa importanti li wieħed jifhem fejn aħna u għal liema raġuni naħdmu. Nifhmu li trid tikkumbatti għall-prinċipji li jiffurmawk u li jidentifikawk. Dan anki jekk oħrajn jaħsbu li jistgħu jibqgħu lura minn dan biex kollox jgħaddi minn fuqhom bħallikieku xejn. Inkunu biss qed nirtu stat nieqes mit-tajjeb li jħaddan illum.

No comments:

IMTIEĦEN - RAPPORTI

29302. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-misto...