1. Mill-esperjenza politika u mill-qari għadni nemmen li post in-Nisrani huwa fil-politika wkoll. Il-proġett Demokratiku Kristjan ma jiqdiemx, imma jibqa’ jiġġedded. Però dan dejjem jekk almenu tkun taf x’fih, u wara, li temmen fih. Jekk int maħkum minn ideat li jirriċiklaw oħrajn jew trid tidher sabiħ ma’ oħrajn mhuwiex ser ikollok tant preparazzjoni għall-vantaġġi politiċi li fiha din il-linja. Vantaġġi bażati fuq il-ġid li wieħed jista’ jwettaq lil soċjetà li trid timxi ’l quddiem imma li mhux dejjem tagħraf fejn trid tmur.
X’qalu verament
2. Hemm dawk li jgħidu li jmorru lejn iċ-ċentru xellug u din fiha valur, iktar u iktar meta tul dawn l-aħħar snin segwejna politika fuq il-lemin. Daqqa ċentru lemin u daqqa lemin lemin, imma ma tantx kienu mossi fit-triq Demokratika Kristjana. Għalkemm f’dan nista’ nkun u nibqa’ vuċi fid-deżert, jew waħda li ma tantx hi maħbuba, xorta nibqa’ nkun xhud li jekk naqbdu dik il-linja b’konvinzjoni naslu ferm iktar malajr milli naħsbu ġewwa Ġerusalemm. Nibqgħu partit b’valur, li bil-melħ tiegħu f’postu jkun kapaċi jasal bl-użu tal-vuċi tal-persważjoni: dik tar-raġuni. M’aħniex knisja oħra, imma għodda politika biex tibdel il-politika marida ta’ pajjiżna.
X’qalu aktar oħrajn
3. Qiegħed inkompli naqra wieħed mill-aħħar kotba ta’ Giulio Andreotti (1919-2013) bl-isem De (prima) Re Publica (1996), mimli b’riflessjonijiet ta’ persuna fil-politika. Interessanti fuq livelli varji u li jgħinek tifforma opinjonijiet differenti. Fost dawn missejt ma’ dak li ċerti drabi jiġi ċitat ħażin. Huwa jgħid li Alcide de Gasperi (1818-1954) li l-Italja, il-Mediterran u l-Ewropa jibqgħu grati lejn ħidmietu, kienet ċara f’moħħu ħidmet in-Nisrani fil-politika. Huwa jikteb li de Gasperi kien qal: “Democrazia Cristiana partito di centro che cammina verso sinistra.” (Id-Demokrazija Kristjana hija partit taċ-ċentru li jimxi lejn ix-xellug). Ma qalx, kif uħud jgħidu żbaljatament, li jħares lejn ix-xellug imma li jimxi lejn ix-xellug.
Ċentru Xellug
4. Imma f’dan wieħed jistaqsi: x’xellug hu f’dan? De Gasperi ma ħarisx lejn ix-xellug kif jifhmuh l-Amerikani f’forom ta’ ‘liberal left’, imma lejn dak li kien għaddej fi ħdan il-partit lejn iktar ħidma soċjali, iktar ġustizzja soċjali u ħidma favur id-dinjità umana fil-libertà u l-ugwaljanza. Infakkar umilment li kienu, u jibqgħu, id-Demokristjani li bnew l-Unjoni Ewropea tagħna. Lezzjoni mill-iktar ċara għal min irid jara l-fatti, mhux dawk maqtugħa mir-realtà. Issa f’dan għalhekk, jekk m’aħniex qed nifhmu li jekk wara snin ta’ ħidma intenzjonata tajjeb abbażi ta’ prinċipji etiċi differenti minn dawk Demokristjani ma wasalniex fejn kellna, allura huwa ovvju li ser nibqgħu fejn aħna.
Inwieġbu
5. Hemm analiżi storika tal-bażi tar-riżultati elettorali tal-Partit Nazzjonalista li tista’ serjament issir. Dawk ta’ suċċess u dawk le. Mill-partiti ‘oriġinali’ li kien hemm fl-1919 dan baqa’ ħaj u b’saħħtu elettoralment proprju għal raġunijiet l-iktar fl-ovvju loġiku. Mhux biss, imma hemm aktar minn hekk fl-għeruq Insara li baqgħu fi ħdan il-Partit. Kull suċċess kien ġej minn viżjoni politika li assigurat dak li l-bnedmin iridu f’dawn il-gżejjer f’din il-linja. F’politika li tħares lejn il-bniedem fit-tagħlim tad-dinjità umana li d-duttrina soċjali tagħtina kontinwament u b’mod aġġornat għar-realtà tal-ġurnata. Politika li timxi, anzi li tmexxi, id f’id fil-paċi u l-istabilità, il-ġustizzja u l-ħniena. Kull proposta li bniet id-demokrazija nazzjonali u li saħħet il-ġustizzja soċjali ġiet minn hemm.
Niċħdu dan
6. Nistgħu faċilment niċħdu din il-verità u nibqgħu nilludu ruħna li jew irridu nsiru ġabra ta’ Liberali jew Konservattivi jew Sovranisti, imma f’dan nibqgħu dejjem fl-Oppożizzjoni nistennew. Nibqgħu nistennew, waqt li kif nafu, il-pajjiż sejjer lura u l-Gvern qiegħed inaqqas mill-kunsens popolari. Bir-rispett, ejja niftakru f’dak li daħal fih ħaddieħor. Ejja niftakru, u nittama li ħadd ma jieħu għalih f’dawn il-gżejjer, dak li daħal fih il-Partit Komunista Taljan. F’dak li kien jiddikjara u jwettaq u f’dak li l-maġġoranza elettorali proprju ma riditux. F’dan għandna dmir li nibqgħu mpenjati, bħala Nsara fil-politika, sabiex fil-libertà demokratika nagħmlu pajjiż aħjar milli għandna: li jirrispetta ’l-bniedem verament fil-ħniena u l-ġustizzja.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
30.6.25
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
INSARA FIL-POLITIKA
1. Mill-esperjenza politika u mill-qari għadni nemmen li post in-Nisrani huwa fil-politika wkoll. Il-proġett Demokratiku Kristjan ma j...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment