Showing posts with label L-Għid il-Kbir. Show all posts
Showing posts with label L-Għid il-Kbir. Show all posts

6.4.26

F'JUM IL-LIBERTÀ

1. Il-bniedem idum biex jifhem. Anzi hemm drabi meta, minkejja dak kollu li jwettaq u jipprova jaqra, jibqa’ ma jifhimx. Irid fil-fatt jaċċetta: l-ewwel, li hemm dak li ma jifhimx, u wara, fit-tieni jifhem li ser jifhem meta ma jkunx għadu fehem. Jista’ jingħata farkien sbieħ f’mumenti partikolari jew f’okkażjonijiet diretti għalih. Hemm proċess li fih irid jimxi b’rasu ’l isfel, tħares lejn dak li qed jirfes, attent li ma jaqax iktar milli għandu fl-injoranza li jġorr kontinwament miegħu. Fil-prudenza li huwa mistieden jaqbad sabiex fl-umiltà li hija mistennija minnu jifhem aktar milli jista’ imma inqas milli jixtieq.

Ħadd differenti

2. F’dan nibqa’ pass fil-ġenb, inħares u nipprova nifhem il-bniedem f’dan il-jum partikolari. Kemm persuni f’dawn il-gżejjer, minkejja kull mewġa kuntrarja li s-sekulariżmu ateu ġieb miegħu, jibqgħu jridu. Jibqgħu konvinti minnha. Jibqgħu dawk li jagħrfu li hemm triq li huma jistgħu jaqbdu sabiex isibu l-verità. Sabiex isibu tweġiba għad-domandi li kull ġurnata jiltaqgħu magħhom waqt li jkunu ftit fis-silenzju jew waqt li jsibu ruħhom jistaqsu lilhom infushom. Meta nibqa’, sena wara sena, nara bnedmin barra apposta, libsin bl-aħjar li għandhom, bit-tbissima fuq wiċċhom, jifirħu b’xulxin u jiftakru lura f’dak li sawwarhom, forsi għandi nifhem aktar.

Gratitudni


3. Tul dawn il-jiem tar-Randan nammetti li fil-qari u fir-riflessjoni mxekkla tiegħi ħassejt li parti kbira tal-poplu Lhudi kienet grata lejn Sidna Ġesù Kristu. Dawk li huwa qabeż għalihom. Dawk li huwa fejjaq. Dawk li biddel minn ġewwa. Dawk li kienu mingħajr vuċi, bħar-rgħajja, il-lebbrużi, in-nisa saru xhieda u ħabbara ta’ ħidmietu u kliemu. Meta taqra l-Vanġeli tmiss direttament mal-fatt li l-pajjiż kien jaf bih u kien tkellem dwar dak kollu li wettaq. Ma kellu xejn kontra tiegħu u anzi, mar fejn mar, wettaq ġid biss. Fejjaq, kif nafu, diversi li kienu ilhom snin twal morda b’atti miftuħa, diretti, perfetti, u ta’ dak il-ħin. Ma kontx timla xi applikazzjoni twila u kkumplikata; anqas ma kont tintbagħat id-dar tistenna xi telefonata mingħandu. Diversi fiequ billi biss messewh u ma kellmuhx jew talbuh.

Forsi nifhem

4. F’dan nifhem il-fiduċja li wieħed għandu jkollu fil-parti t-tajba tal-bniedem. Meta wieħed jikkunsidra mill-ġdid il-proċess legali Lhudi quddiem is-Sanedrin, li għalkemm fl-aħħar kien taħt idejhom, wara ma setgħux isibu xhieda biex isibuh ħati. Il-qassisin il-kbar li kienu jikkomponuh kellhom aġenda li l-poplu ma kienx lest li jsostni. Kienu jafu li kien ġid biss li għaddielhom. Biddel il-ħajja ta’ diversi: familji, komunitajiet raw kif fih sabu l-ferħ u l-paċi. Ħadd ma kellu xi jgerger kontra tiegħu. Il-popolarità pożittiva u veritiera tiegħu kienet xterdet u ma kinitx, b’xi mod, ser tieqaf. Ilkoll nafu li aħna diġà nibqgħu nirriflettu fuq il-mirakli li wettaq, li hemm miktuba fil-Vanġeli. Nafu wkoll li San Ġwann l-Evanġelista jagħlaq kitbietu billi jafferma li hemm ħafna x’tirrakkonta. Niftakru li fl-aħħar nett kiteb hekk: “Hemm ħafna ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù li kieku kellhom jinkitbu waħda waħda, naħseb li d-dinja kollha ma tkunx tesa’ l-kotba li jinkitbu.”

Ħafna

5. Fiċ-ċert ma kinux il-‘ftit’ li nkiteb dwarhom, imma l-ħafna li aħna ma nafux imma li huma kienu jafu. Bnedmin varji messew miegħu u ħassew il-ferħ ta’ kliemu u ta’ għemilu. Tlett snin sħaħ, jum wara jum, ta’ laqgħat u aġir ma persuni differenti. Bnedmin li kienu grati għalih fil-mod li bih, għalihom, inbidel kollox. Anki jekk qatluh u ppruvaw jeliminawh mill-istorja, xorta baqa’ hemm. Xorta l-messaġġ tiegħu baqa’ jitkattar u jagħti ferħ lill-oħrajn. Baqa’ dak li jmexxi lill-bniedem sabiex ikun strument tas-sewwa. Messaġġ li kull min jimxi miegħu u fih jifhem iktar l-iskop ta’ ħajtu. Jifhem aktar kemm ma nħalaqx ta’ xejn. Kemm hemm raġuni ċara li ġie msejjaħ għaliha sabiex ikun rilevanti. F’Ħadd il-Għid il-Kbir, dan l-ispirtu ta’ Ferħ, wara tant sekli għadu jidwi, u b’saħħtu. Il-poplu ngħata l-libertà tal-ferħ u għadu grat, japprezzaha.

Mill-qalb nawgura l-Għid il-Kbir it-Tajjeb lilek, Sur Editur, kif ukoll lil dawk li jgħinu sabiex din il-gazzetta toħroġ u lid-diversi li jaqrawha.

29.4.25

TAMA KONTINWA

1. Hemm ġranet li, jingħad x’jingħad, fuq dawn il-gżejjer jibqgħu importanti għalina. Tul dawn il-jiem rajt lil diversi nies jieħdu sehem fil-funzjonijiet reliġjużi. Smajt oħrajn jiddikjaraw li ma jsifrux minn hawn proprju biex ikunu preżenti għalihom. Hawn għandna tradizzjonijiet li fis-snin ma jaqtgħux. Għandna memorja kollettiva b’saħħitha li fortunatament iżżommna fl-identità nazzjonali li ngawdu. Forsi qatt daqs dawn il-jiem ma nifhmu x’għandna fil-kaxxa tad-deheb tal-valuri tagħna. Nifhmu aktar dak li għaddewlna ta’ qabilna u kemm ninsabu fil-periklu li dawn jonqsu mill-importanza jew jintilfu. Saru, u ttieħdu deċiżjonijiet li ġabuna aktar moħħna fil-flus milli f’dak li jġibilna l-ferħ veru.

Tradizzjonijiet

2. Għandna għad-dispożizzjoni tagħna ġabra ta’ użanzi u attivitajiet li ta’ qabilna sawwru. Dawn mhumiex żbaljati. Anzi, jiffurmawna u joħorġu aktar it-tajjeb li għandna. Punti li jimmarkawna fis-sewwa. Anki jekk nafu li hemm min ma jaqbilx ma’ dan fil-ħsieb li dawn huma tal-poplu għax jarahom mhumiex tiegħu billi hu jinsab tant ’il fuq. Hemm ukoll dawk li qatt ma marru għax ħadd qatt ma ħadhom, jew għax ma kienx hemm min ifissirhomlhom. Biss il-verità hija li l-maġġoranza hija favur dak kollu li niċċelebraw b’tant attenzjoni u dinjità. Il-pajjiż għad għandu numru kbir ta’ persuni li jifhmu li d-dimensjoni reliġjuża hija importanti u m’għandniex nitilfuha. Għandna nimmarkawha u nassiguraw li nkompluha waqt li nsaħħuha. Il-kittieb Amerikan ta’ diversi kotba, Henry James (1843-1916) qrajt li kien qal: “A tradition is kept alive only by something being added to it.” (It-tradizzjoni tibqa’ miżmuma ħajja sakemm iżżid xi ħaġa oħra magħha.)

Għarfien

3. F’dan kollu wieħed jifhem dejjem aktar li m’għandux minn xhiex jistħi minn dak li sar u minn dak li għandna. Iċ-ċiviltà oċċidentali, dik li hija mmarkata bl-influwenza Kristjana, ġid għamlet f’pajjiżna u mhux deni. M’aħniex poplu li għadu lura jew li huwa qalbu marbuta ma’ dak li ma jagħmilx sens. Anki jekk xi wħud, permezz tal-pinna tagħhom iċekknu u jikkritikaw dan il-vantaġġ, meta jaqraw il-fatti jifhmu li oġġettivament u fir-realtà, biha mxejna ’l quddiem. Għax dawn il-valuri Nsara li niċċelebraw tant tajjeb ikabbru fina: l-ewwel, l-għarfien tal-għeruq li għandna; u t-tieni, jmexxuna fit-triq lejn iktar atti ta’ solidarjetà fis-soċjetà. Aħna lkoll f’daqqa u mhux kull persuna għal rasha. Dak li nwettqu f’ħajjitna personalment, b’xi mod ser ikollu effett fit-tajjeb, jew le, fuq oħrajn.

L-Għid il-Kbir

4. Waqt li qegħdin barra, jew forsi qegħdin taqraw dan l-artiklu, nittama li qegħdin naraw l-Istatwa ta’ Kristu Rxoxt għaddejja fit-toroq ta’ diversi bliet u rħula ta’ pajjiżna. Għaddej bil-ferħ li jġib u fil-konkorrenza kostanti li dan il-ferħ jitkabbar. Hemm ħeġġa fina li tista’ tispjegaha biss b’ħaġa waħda: dik li nagħrfu li dawn it-tradizzjonijiet fihom valur fihom infushom. Huma ħajja verament u mhumiex irmied, kif kien qal tant tajjeb il-kompożitur Awstrijak Gustav Mahler (1860-1911). Dak il-bniedem li tul dawn il-ġimgħat iċċelebrajna l-mija u tletin sena (1895) minn meta ġiet esegwita għall-ewwel darba t-Tieni Sinfonija tiegħu marbuta mal-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Huwa kien qal tant tajjeb: “Tradition is not the worship of ashes but the preservation of fire.” (It-tradizzjoni mhijiex l-adorazzjoni tal-irmied iżda l-preservazzjoni tan-nar.)

Għandna dmir


5. Anki jekk ninsabu f’dinja mħawda aktar minn qatt qabel, aħna għandna skop. Fejn mal-ġlied imdemmi li qed naraw, fejn kuljum inqumu għall-aħbar ta’ iktar imwiet ta’ wlied, issa qed imissu ma’ taħwid ikbar fir-relazzjonijiet bejn l-istati fil-kummerċ. Atti akbar ta’ instabilità u nuqqas ta’ paċi. Atti illoġiċi u kontro-produttivi. F’dan aktar naħseb li għandna d-dmir li nibqgħu naffermaw u nipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet reliġjużi tagħna. M’għandniex minn xhiex nistħu. Wisq inqas m’għandu jkollna xi ħeġġa li nogħġbu lil xi oħrajn billi ma nkunux hemm. Din il-ġimgħa hija verament parti sħiħa mill-identità tagħna. Hija dik li hija boxxla għal-lum u għall-għada tagħna. Tmexxina fit-triq it-tajba u tagħtina iktar l-għarfien li aħna għandna skop preċiż u ċar xi nwettqu f’ħajjitna. Għax il-verità fundamentali hija li l-Għid il-Kbir fih dan il-messaġġ qawwi ta’ tama vera, kontinwa, li ma ssibux fix-xejn.

Minn qalbi nawgura lilek, Sur Editur, u lil kull min jaqra din il-gazzetta, l-Għid il-Kbir it-Tajjeb u fil-paċi.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...