1. Waqt li kont qiegħed infittex kitba interessanti x’naqra, sibt żewġ kotba mill-passat riċenti, mimlija. Ġibditni għalihom introduzzjoni tal-ftit magħruf magħna Czeslaw Milosz (1911-2004). Awtur mill-iktar intelliġenti, li taħt it-tirannija tal-Unjoni Sovjetika fuq pajjiżu, il-Polonja, ħalla warajh riflessjonijiet tajba u partikolari. Dawk li, jgħaddi kemm jgħaddi żmien minn fuqhom, jibqgħu rilevanti għalina li rridu nibnu u ngħixu aktar fi Stat demokratiku. Fir-realtà, kull min jikteb bis-sens, hu f’liema żmien hu, għandu piż għal dawk li kapaċi jaqrawh u jqegħdu dak li jikteb fil-kuntest sħiħ tiegħu. Fuq dan iltqajt, mertu ta’ Milosz mal-kotba, l-ewwel The Trial Begins, u wara On Socialist Realism, stampati fl-oċċident taħt l-isem fittizju ta’ Abram Terz. Sar hekk għax f’dak iż-żmien ħadd ma seta’ jikteb u jistampa jekk qabel ma jkollux il-kunsens u l-approvazzjoni tal-Istat Sovjetiku.
Miktuba
2. Ċertament miktuba minn Russu fl-Unjoni Sovjetika. Kitba li fiha nfisha hija protesta qawwija kontra l-moviment fl-arti tal-hekk imsejjaħ “Socialist realism”, kif ukoll dak kollu li kien it-tagħlim edukattiv uffiċjali, dak kollu konness miegħu u l-kultura soċjali, ekonomika u politika li ġiet prodotta f’dak l-ambjent politiku ostili għall-bniedem. Fejn kull persuna trid iċċedi l-identità u d-dinjità tagħha lejn it-twettiq tal-Komuniżmu. Fejn Terz jgħinna nifhmu aktar li l-Iskop tal-ħidma umana kien biss dak li jitwettaq il-Komuniżmu: “The Purpose of socialist realism, the most purposeful art of our time.” U jkompli: “The Purpose is Communism, known in its early stage as socialism. A poet not only writes poems but helps, in his way, to build Communism; so, too, do sculptors, musicians, etc.”. Kull persuna, kull ħidma, kull ħsieb irid imur lejn dan l-iSkop uniku.
Skop
3. F’dan immur lura biex nislet dak li nara li qiegħed jiġi ripetut taħt forom differenti, jew aħjar ‘ilbies ieħor’ f’dan is-seklu, u agħar ukoll, f’din is-soċjetà tagħna. Proprju fl-ewwel ktieb, The Trial Begins, fil-parti ċentrali tiegħu hemm spjegat iktar kif jintlaħaq dan l-iSkop fil-kunflitt bejn il-metodi politiċi użati u l-għanijiet tiegħu. Hemm jingħad diversi drabi, taħt tibdil daqshekk ieħor hekk, dan il-ħsieb. Insibu: “The aim sanctifies the means, it justifies every sort of sacrifice. Millions of people – just think – millions have died for it.” (L-Għan iqaddes il-metodu, jiġġustifika kull forma ta’ sagrifiċċju. Miljuni ta’ bnedmin – aħsbu ftit – miljuni mietu għalhekk.) Kif ukoll: “The end justifies the means and the higher the end the more it justifies them.” U dan fil-proċess lejn dak li s-Soċjaliżmu stabbilixxa bħala l-iSkop tal-ħajja umana u tal-bniedem partikolari.
Minn dak li trabba fih
4. F’dan, il-kittieb, li kien imwieled, imrobbi u ċertament influwenzat minn dawk l-ideat, f’wieħed mill-karattri jistaqsi: “Why had they deprived people of faith? How could you replace personal survival by Communism? How could a thinking man have any purpose other than himself?” (Għaliex kellhom ineħħu l-fidi mill-poplu? Kif tista’ tibdel is-salvazzjoni personali bil-Komuniżmu? Kif persuna li tirraġuna jista’ qatt ikollha skop ieħor jekk mhux fuqu nnifsu?) Fis-soċjetà li ssostni l-ateiżmu, il-bniedem ifittex dak li ġie miċħud lilu biex isib l-iskop ta’ ħajtu. Dan jirranka iktar fit-tieni ktieb, waqt li l-istess kittieb jissejjaħ il-persuna perfetta fil-marka ta’ dak li jiġi identifikat bħala “The Positive Hero”.
L-Eroj Pożittiv
5. Jiddikjara hekk: “The positive hero is not simply a good man. He is a hero illuminated by the light of the most ideal of ideals. He has either no faults at all or else but a few of them – for example, he sometimes loses his temper a little. These faults have a two-fold function. They help the hero to preserve a certain likeness to the real man, and they provide something to overcome as he raises himself higher and higher on the ladder of political morality.” F’dan il-pass, sabiex il-persuna timxi lejn li tkun biss strument, oġġett, li jiġi skartat u użat fis-suppost twettiq u trasformazzjoni tal-Komuniżmu mis-Soċjaliżmu. Fejn jitlef kull identità u jsir biss għodda, li m’għandux valur salv wieħed biss: biex jintlaħaq l-għan finali.
X’kellna
6. F’dan iqum iktar il-punt ta’ x’kellna minn dak li nofs l-Ewropa kienet taħtu u jekk aħniex qed nerġgħu mmorru lura lejh. Issa li waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin u li dik il-qasma ma baqgħetx, wieħed jistaqsi jekk hemmx min ġie influwenzat jew huwiex meħud lura mill-ġdid f’forom varji ta’ nostalġiji biex iqajjem dak li deher mejjet. Il-Komuniżmu Sovjetiku miet, imma l-eżempji ħżiena tiegħu għadhom magħna. Czeslaw Milosz jispjega dwar dak identifikat fl-arti bħala “Socialist realism” jew “Socrealism” hekk: “But unfortunately, socrealism is not merely a question of tastes. It is a philosophy, too, and the cornerstone of official doctrine worked out in Stalin’s days. Socrealism is directly responsible for the deaths of millions of men and women, for it is based on the glorifications of the state by the writer and artist, whose task it is to portray the power of the state as the greatest good, and to scorn the sufferings of the individual.” (Imma sfortunatament, is-soċrealiżmu mhux kwistjoni ta’ gosti. Huwa filosofija, ukoll, u huwa l-ġebla tax-xewka ta’ duttrina uffiċjali li ġiet imħaddma taħt Stalin. Is-soċrealiżmu huwa direttament fir-responsabbiltà għall-mewt ta’ tant miljuni ta’ bnedmin, għax huwa ibbażat fuq il-glorifikazzjoni tal-Istat mill-kittieb u mill-artist, li dmiru huwa li jpinġi l-poter tal-Istat bħala l-aqwa ġid, u li tiddisprezza s-sofferenzi tal-bniedem.)
Ninsabu lura
7. F’dan, iktar, waqt li sejrin lejn dawn l-Elezzjonijiet Ewropej għandna nistaqsu jekk qbadniex lura t-triq lejn il-glorifikazzjoni tal-Istat ċentralizzat, jew le. Inkella jekk aħniex lura bi klassi politika influwenzata mill-ħsieb li flok tasserixxi l-libertà fil-ġustizzja tal-bniedem trid twasslilna l-messaġġ li l-poter tal-Istat huwa l-ikbar ġid. Iktar u iktar dan kollu fl-eventi li pajjiżna għaddej minnhom fil-preżent.Tifhem l-iżbalji politiċi li saru u tifhem iktar li dan kollu seħħ għax mill-bidu kien hemm min huwa konvint li l-iSkop jiġġustifika kull mezz, u hekk imwettaq mingħajr skruplu. Proprju min ġie mgħallem jew ippermetta ruħu li jiġi influwenzat minn dawk l-ideat li ġieb dan kollu fuqu u fuq soċjetà li kull ma riedet huwa dinja u ħajja aħjar.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
7.5.24
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT
22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f&...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment