13.5.24

DEMM POPOLARI

1. Għandek x’għandek opinjoni politika, għal darb’oħra, il-pożizzjoni f’pajjiżna tinsab f’diffikultà u kumplikazzjoni kbira. Mhux faċli tmexxi u tifhem, f’dak kollu li jidher ħiereġ biċċa biċċa. Daqshekk ieħor li toqgħod attent sabiex tifred dak li huwa minnu minn dak li mhuwiex. Li ma tinħakimx minn ideat personali, minn simpatiji, antipatiji, preġudizzji varji li kull persuna ġġorr magħha. Mhux faċli, iktar u iktar meta diversi jitkellmu, jippontifikaw, idawru naħa jew oħra wkoll mingħajr ma hemm għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dak li sa issa verament irriżulta. Tgħallimt, fi snin ta’ ħidma fil-professjoni legali u fl-esperjenza politika, li kliem żejjed, isir minn min isir, flok jgħin biex tirbaħ il-verità jkun qiegħed direttament jew indirettament, volontarjament jew involontarjament, itellef.

Demokrazija u Verità


2. Inħaddnu s-sistema demokratika li, sa issa, fl-esperjenza umana tibqa’ l-aqwa waħda biex tmexxi ’l-bnedmin. Iktar u iktar meta tkun waħda li tinvolvi diversi persuni fi ħdanha. Dawk li jħossu li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ ssir mingħajr problemi għalihom u għall-familjari tagħhom fil-libertà. Dawk li anzi jifhmu li aħjar ikunu hemm bil-vot u l-vuċi tagħhom milli jħallu l-ispazju lill-oħrajn li ma tantx għandhom, jew iħobbu, l-ispirtu demokratiku. Fil-fatt huwa minnu li s-sistema demokratika trid u titlob proċess kontinwu li bih tibqa’ tiġi sostnuta. Ma tistax tgħid li wasalt. Trid biss tifhem il-bżonn li tkompli timxi fit-triq biex tasal. F’dak li, fuq naħa u fuq l-oħra, tkompli tħaddimha sabiex id-demm popolari jasal sal-kapillari kollha tal-ġisem. F’dan huwa iktar ċert li mingħajr verità m’hemmx demokrazija, u fil-gidba hemm dejjem iktar tirannija.

Għażliet umani

3. F’dan iktar hemm il-bilanċ kontinwu bejn il-liġijiet, li huma l-istrutturi li l-bnedmin jibnu f’soċjetà. L-istess il-kurrenti kulturali u soċjo-ekonomiċi tagħha, u fl-aħħar il-bnedmin: dawk li għandhom ir-responsabbiltà illi jmexxu. Nistgħu nħarsu fit-tul u fl-istorja tagħna lejn dak li sawwar il-proċessi lejn iktar żvilupp. Dak li nistgħu nimmarkaw bħala l-passi li assiguraw l-avvanzi. Dak li seħħ f’Ruma, fejn nagħrfu l-bżonn tal-ordni u l-liġi. Jew dak li ġie irreġistrat mill-bidliet radikali li l-Kristjaneżmu wettaq, fejn ukoll fhimna li hemm liġi ’l fuq minn dik umana. Dak li jikteb il-bniedem jista’ jidher tajjeb, imma meta jitqabbel mal-valuri ta’ liġijiet morali superjuri ma jkunx tant hekk.

Inkella

4. Inkella nifhmu dak kollu li seħħ wara. Imma l-fatt jibqa’ li l-mexxejja f’komunità huma determinanti. Iktar meta dawn jilbsu, b’għażla tagħhom, il-libsa li fiha jibnu ’l hekk imsejjaħ “il-kult tal-personalità”. Fid-differenza bejn il-popolarità ibbażata fuq il-ħidma t-tajba u għaqlija u dik ta’ dawk li trid tiġi assigurata, meħuda, misruqa minħabba dak li l-mezzi ta’ komunikazzjoni jagħtu. Dawk li fuq naħa jippermettu li jkunu għodda ta’ fatti jew inkella, fuq l-oħra, ta’ manipulazzjoni. Fejn politiċi jinbnew fl-artifiċjalità li l-karta taf toħloq.

Il-biċċa dejjem sejra


5. F’dan kollu wieħed jifhem iktar li tħares fejn tħares, il-biċċa hija dejjem sejra. L-Istat demokratiku Malti ma kellux, ċertament, din is-sitwazzjoni qabel. Fis-snin li ilna indipendenti saru allegazzjonijiet varji. Xi wħud barra, imma diversi drabi fil-Kamra tad-Deputati. Ebda ex-Prim Ministru passat ma kellu, però, din il-pożizzjoni. Dik li jsib ruħu fiċ-ċentru ta’ sitwazzjoni li tidher li ilha ġejja. Huwa perikoluż u faċli li wieħed jitlaq jiġri jiġġudika. Daqshekk ieħor li titkellem b’mod żbaljat. Jew tipprova timputa motivazzjonijiet għal dak li qiegħed isir mingħajr ma tħares lejn il-fatti u l-verità. Il-ġiri huwa iktar ikkumplikat. Min ma jħarisx li jkun kawt u lura biex iħares oġġettivament, f’dan, flok jgħin ikun qiegħed jikkumplika s-sitwazzjoni. Flok toħroġ il-verità, din tispiċċa biex tinħeba. Hi x’inhi l-pożizzjoni xorta fiha s-serjetà tagħha, li ħadd ma jista’ jaħrab.

Ebda vantaġġ

6. Minn dawn is-sitwazzjonijiet ftit, jekk mhux xejn, huma l-vantaġġi politiċi li jistgħu jissarrfu. Dan iktar u iktar fl-esperjenzi ta’ dawn l-aħħar snin. Ikun żball għad-demokrazija tagħna li sabiex jiżdiedu dawk li jivvutaw, naħa jew oħra, iridu jiġu msaħħna bil-qawwa li nqabdet favur jew kontra dak li hu għaddej. Il-bnedmin għandhom jieħdu sehem fid-demokrazija bl-użu tar-raġuni, fil-libertà, u mhux fil-mumenti varji tar-rabja. L-esperjenza turi li dawk li jiġu identifikati bħala l-vittmi jiggwadanjaw mill-elettorat, anki jekk jista’ jkun li ma jkunu xejn hekk. Din hija dejjem triq perikoluża ħafna, u waħda li faċli toħroġ mill-kontroll. Bnedmin innoċenti batew u sofrew proprju minħabba dan kollu fil-passat, u qed ikomplu llum. Feriti li ma jfiqux jekk mhux bi proċess twil ta’ żmien li jipprova jdewwi, salv u sal-punt ta’ dawk li jiddeċiedu li jerġgħu jiftħulhom dak li jkun kważi ngħalaq.

F’dan, pajjiżna jitlef dejjem

7. Iktar minn hekk, pajjiżna qiegħed jitlef ma’ kull ġurnata li tgħaddi. Hemm min jista’ jqabbel dan ma’ dak li hu għaddej ġewwa pajjiżi oħra. Imma l-fatt waħdu, fih innifsu ma jsarrafx wisq ta’ ġid għar-reputazzjoni sħiħa tagħna. Dik mal-oħrajn, imma l-iktar magħna nfusna. Protesti, min-naħa u minn oħra, kif joħorġu mill-idejn ta’ dawk li jkunu kkarġaw bnedmin li mhumiex mgħarrfa mill-fattti veri jfakkruna f’dak l-imrar li waslu fih soċjetajiet oħra. M’aħniex fi stat fejn hemm xi bżonn ta’ rivoluzzjoni, u la Franċiża u lanqas Russa. Hemm, minflok, il-bżonn ta’ iktar użu tar-raġuni. Iva, hemm bżonn riforma. Iktar determinazzjoni sabiex id-defiċit morali li ninsabu fih, jispiċċa. Il-liġijiet jistgħu jgħinu. Iktar rispett veru u mhux apparenti lejn l-istituzzjonijiet. Imma, fuq kollox, li wieħed jassigura bnedmin li huma deċiżi jservu b’integrità fis-servizz demokratiku.

Il-valuri tagħna


8. F’dan kollu, tħares fejn tħares, din hija sejħa u sfida għal dak li nemmnu fih bħala soċjetà. Il-pajjiż jista’, temporanjament, jiftaħar li m’għandux defiċit ekonomiku. Imma għandu defiċit ieħor. Hemm, f’dan, min għandu interess li dan jiġi rettifikat, li nirbħu lura l-valuri demokratiċi tagħna u hemm min hu komdu li le. Fit-taħwid, fil-konfużjoni ġenerali, jirbaħ hu. Pajjiżna jixraqlu aħjar minn hekk. Jixraqlu li nifhmu u naħdmu sabiex ma jkollniex iktar id-defiċit morali li għandna bħalissa. Għandna dmir li nibqgħu nitkellmu u ma nisktux ninsistu li l-affarijiet isiru fir-rispett ta’ dawk il-valuri li jsawruna. Dawk li jassiguraw klima u ambjent politiku li fih inkabbru l-verità, l-onestà u l-awtentiċità. Ħidma sabiex il-verità toħroġ u ssir magħrufa, għax fuq hekk biss id-demm popolari u demokratiku jasal sal-kapillari kollha tal-ġisem.

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...