1. Trabbejt nifhem li l-qari huwa l-ġebla tax-xewka ta’ kull soċjetà demokratika. Mhux biss, imma li huwa dmir ta’ min imexxi u li jirrappreżenta li jinsisti fuq politika li tħajjar aktar bnedmin jaqbdu ktieb. Hemm nuqqas, kważi tradiment ta’ dan meta, flok nassiguraw din il-linja, fil-fatt, ’il bgħid mill-kliem sabiħ, nittraskurawha. Għandna ġenerazzjonijiet ta’ bnedmin li ma rnexxilniex inġibuhom ifittxu l-verità direttament, u dan billi huma stess jaqraw. Minn indipendenza fil-ħsieb u l-abbiltà li żżomm l-ideat li tifforma, kif għandna nkunu, għandna aktar dawk li huma dipendenti fuq il-ħsieb ta’ ħaddieħor. Dawk li jispiċċaw iduru fuq oħrajn fuq kif jirraġunaw u jispiċċaw jirrepetu dak li ħaddieħor, fl-aħħar mill-aħħar, ikun jaqbillu li jingħad. X’telfiet kbar għall-pajjiż tagħna meta jibqa’ lura f’dan! Ferm ikbar minn dawk ekonomiċi.
Statistika
2. Jumejn ilu, fil-gazzetti li mhux dejjem ikunu konxji tal-implikazzjonijiet ta’ dak li jkunu qed jirrappurtaw, dehret l-aħbar li ġew mislufa bi 8% iktar kotba fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Din iċ-ċifra tressqet qisha xi trijonf, u ma neħodhiex bi kbira jekk insib xi editorjal ifaħħar dawn l-“avvanzi kbar”. Imma r-realtà hija kompletament il-kontra. Għandna nammettu li ninsabu viċin kriżi tas-sistema li qegħda tolqot direttament lit-tessut demokratiku tagħna. Dan proprju fuq żewġ livelli. L-ewwel: bir-rispett kollu, b’daqshekk persuni f’dawn il-gżejjer, b’daqshekk libreriji lokali nistgħu nkunu sodisfatti b’madwar 225,000 ktieb misluf fi tlett xhur? Jistgħu jidhru li huma ħafna, imma mhumiex. It-tieni: meta tara bil-preċiż x’qegħdin nonfqu nazzjonalment fuq ix-xiri ta’ kotba għal-libreriji tagħna nsibu li l-figuri huma verament baxxi. F’sena, u dan għal dawn l-aħħar għaxar snin, ma rnexxilniex naqbżu l-mitt elf ewro f’xiri, u wisq anqas l-ammont ta’ għaxart’elef ktieb li nxtara.
Quddiem dak li hu għaddej
3. Meta wieħed iqabbel ma’ dak li qed jintefaq fuq affarijiet oħra, kotba ġodda qed jinxtraw mill-inqas. Jiżdied l-infieq fuq ħafna, imma għandna nirreġistraw illi, fejn jidħol ix-xiri tal-kotba, kollox jibqa’ fiss. Qisu l-ispejjeż mhux jiżdiedu, u b’dak li għandna jinxtraw inqas. Sfortunatament inħoss li l-pajjiż m’għandux, fil-politika nazzjonali tiegħu, dan il-bżonn f’qalbu li jixtri u jżid il-kotba fil-libreriji pubbliċi tagħna. L-esperjenza turi li, ħafna drabi, kotba ġodda jħajru iktar persuni biex jissellfuhom. Din għandha tkun attività kontinwa f’kull librerija f’pajjiżna. Waħda li hija essenzjali, speċjalment għal dawk l-ulied u bnedmin li jħobbu jaqraw imma li ma jistgħux, jew jibżgħu jixtru kotba huma għax inkella l-ġenituri tagħhom jaħsbu li dan huwa xi forma ta’ ħela.
Listi
4. Diversi jfittxu li jsibu materjal tajjeb li jinteressahom, li jkabbarhom ukoll, imma m’għandhomx gwida. Mhux biss, imma ma ssirx, lanqas, dik l-enfasi mill-politika nazzjonali sabiex kull student jaqra numru ta’ kotba li finalment jiffurmawh għal ħajtu. Nippreferu nħallu fuq l-ixkafef dak li ma jinsilifx u ma narawx il-ġenerazzjoni l-ġdida x’għandha bżonn. Dak li nbidel, u f’dan nagħrfu x’inhija l-pożizzjoni. Iktar u iktar quddiem dak li għandu jkun l-għarfien ta’ dak li l-Ġenerazzjoni Ż, li naqraw dwarha, lejn liema passat qegħda tħares. Mhux biss, imma aktar, x’direzzjoni tista’ ssib hija u tfittex minn fuq l-ixkafef tal-kotba fil-libreriji pubbliċi.
Lokalment
5. Staqsejt, kif inħobb nagħmel minn żmien għal żmien, kemm kotba qed jinxtraw jew le fil-libreriji ta’ diversi lokalitajiet. Nemmen f’sistema deċentralizzata anki f’dan. Huwa iktar faċli li ġenituri u residenti jmorru fihom, milli jidħlu l-Belt. Mit-tweġibiet parlamentari li ngħatajt fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena, in-nefqa hija verament baxxa. F’postijiet varji, ma jinqabżux il-mija u ħamsin ewro u jinxtraw ftit kotba. Terġa’, huma limitati għal żewġ lingwi: il-Malti u l-Ingliż. Ebda ktieb bit-Taljan jew bil-Franċiż. Ħafna drabi ssib, pożittivament, li dawn il-libreriji jippruvaw jgħinu lilhom infushom billi jirċievu donazzjonijiet li jingħataw mill-pubbliku. Imma dan, għalkemm mhux biżżejjed, huwa indikattiv ta’ dak li trid is-soċjetà.
B’dispjaċir
6. Din hija ħasra, għax hawn għandna dejjem opportunità sabiex il-bnedmin li għandna nkabbrulhom l-għatx għall-qari għax bih huma jikbru. U meta persuna f’soċjetà tikber fl-għerf u fl-analiżi tagħha tal-ħajja, jikbru magħha l-kwalità u l-livell tad-demokrazija. Jekk, kif inħoss jien, illum qed naraw kriżi fis-sistema, din ukoll ġejja minn traskuraġni preċedenti. Il-ġenerazzjoni preċedenti, forsi dik X, tinsab ħatja li ma nvestietx fil-bżonn ta’ soċjetà li taqra. Dik li tassigura u tħares lejn dak li għadda u tifhem aħjar fejn hija fil-fatt sejra sabiex tibdel.
William Shakespeare
7. F’dak li trabbejt fih nagħraf formazzjoni differenti. Inħobb naqra wkoll għax trabbejt f’familja li taqra. Imma nħares lura u nagħraf li kien hemm ċerti għażliet edukattivi li baqgħu mwaħħla miegħi u li ffurmawni. Nifhem li l-qari huwa, u jibqa’ ċ-ċavetta sabiex tinbena soċjetà aħjar milli għandna. L-għalliema tagħna għallmuna ħafna, però kemm ħadna aħna minn dak li għallmuna, dik hija xi ħaġa oħra. Forsi xi drabi naqbdu l-biċċiet illum, wara tant snin. F’dan iktar f’dak li ntroduċewna għalih. Mhux biss il-qari u l-pjaċir tiegħu, imma d-direzzjoni ċara ta’ dak li jista’ jagħmel minna ċittadini aqwa.
Ġulju Ċesri (100-44 Q.K.)
8. Kif, f’dan kollu, mingħajr ma ridt erġajt ftakart f’dak li Shakespeare, persuna mill-iktar intelliġenti, kiteb fid-dramm famuż tiegħu Julius Caesar. Dik il-kitba mill-isbaħ, li ġiet stampata ħames mitt sena ilu fl-1523 u li għadha magħna. Biha, u fit-teatru, studenti bħali daħlu lura fl-istorja. Qrajna iktar, u fl-istess ħin ippruvajna nifhmu aktar għala ngħad dak li ngħad. F’dik il-lezzjoni politika mill-isbaħ fhimna ħafna. Tgħallimna l-ħruxija u l-effetti tat-tradiment. Tgħallimna li l-bnedmin, għal raġunijiet varji u mħawda tagħhom, iwettqu azzjonijiet żbaljati. Tgħallimna kif fil-pjazza, quddiem il-poplu, l-opinjonijiet jinbidlu. Tgħallimna kif, bl-użu tar-raġuni, bi kliem dirett, sempliċi, l-argumenti jkunu ferm iktar effettivi. Tgħallimna li f’kull soċjetà demokratika bniedem wieħed, anki kontra kull kurrent, jista’ jibdel l-eventi. Tgħallimna kemm kull vuċi hija importanti. Tgħallimna aktar li altru l-propaganda tal-poteri temporanji, u altru r-realtà. Tgħallimna li llum jew għada, b’xi mod toħroġ dejjem fil-wiċċ il-Verità.
Żammejt
9. Waqt li nkun nikteb dawn l-artikoli, f’ħajti dejjem żammejt kliem Mark Antonju, li l-awtur mimli għerf iqegħedlu: “Friends, Romans, countrymen, lend me your ears: I come to bury Ceasar, not to praise him. The evil that men do lives after them; the good is oft interred with their bones.” (Ħbieb, Rumani, ċittadini, tuni widen: ġejt biex nidfen lil Ċesri, mhux biex infaħħru. Il-Ħażin li l-bnedmin iwettqu jibqa’ ħaj warajhom; it-Tajjeb, ħafna drabi, jindifen magħhom.) U waqt li f’dan id-diskors waħdu jidher li qiegħed ifaħħar lil min qatel billi jiddikjara li Brutus, li ta d-daqqa mortali lil Ġulju Ċesri huwa onorabbli, fil-fatt jirnexxilu juri kemm dan ma kienx.
Għeruq
10. Waqt li nħares lura lejn dan, nifhem iktar li l-Qari huwa parti mill-għeruq ta’ kull bniedem. Iktar ma jkunu fondi u sodi, aktar jista’ jieqaf għal dak li huwa żbaljat. Ikun iktar dik is-siġra li ma tingħelibx fil-maltemp jew fit-tentazzjonijiet. Dak li għaddej bħalissa huwa parti minn dan kollu. It-traġedja nazzjonali f’dan hija proprju n-nuqqas ta’ formazzjoni u nuqqas ta’ kultura politika. Dak li nittama li Gvern Nazzjonalista futur ikun kapaċi jibdel. Għax f’dan għandna r-riżultat li huma aktar dawk li huma moħħhom fil-flus milli fis-sustanza tal-eżistenza tagħhom. Fuq kollox, dan huwa kompletament il-kontra ta’ dak kollu li għandu jkun, proprju għax m’għandhiex politika nazzjonali vera favur il-qari.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
21.5.24
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT
22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f&...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment