1. Hemm realtà li wieħed ma jistax jaħrab minnha. Dik li tiżviluppa biċċa biċċa kull ġurnata quddiem għajnejk. Tista’, iva, tipprova tinjoraha. Tista’ tipprova tibdlilha triqatha, imma l-agħar huwa li, minflok, tkun inti stess li tkebbes lejn iktar kumplikazzjonijiet inutli. Huwa diġà ta’ nkwiet dak kollu li qegħdin naraw għaddej, imma daqshekk ieħor huwa żbaljat li tkompli tkabbru fl-inkwiet u fil-perikolożità tiegħu. Dan iktar u iktar fid-dawl li f’dawn l-aħħar ġimgħat il-vuċi tar-raġuni tqegħdet dejjem iktar fil-ġenb. Min jappella għas-sewwa u l-attenzjoni fil-moderazzjoni nduna li l-vuċi li għandu ġiet maħnuqa. Jingħata iktar importanza min isaħħan jew jissekonda lil dawk li qiegħed, iktar u iktar, narahom fost dawk li tilfu rashom kompletament.
Għaliex?
2. Hemm, iva, min jaħseb li jista’ jkompli jkattar l-eżistenza politika tiegħu billi jidħol f’din il-linja xejn tajba. Imma kif jgħid San Pawl, dawk li huma vojta huma dawk li l-iktar li jagħmlu l-famuż “ħoss”. Tinkwieta ruħek iktar meta tara esponenti politiċi fuq iż-żewġ naħat, li wieħed kien jippretendi minnhom responsabbiltà u attenzjoni sforz l-esperjenza li suppost akkumulaw, li jintilfu f’din il-linja. Meta tqiegħed lura s-siġġu u tħares oġġettivament tara li flok għollejna l-livell tal-ideat u d-diskussjoni politika, ħadna ħsieb inniżżluhom. Li huwa iktar kontra l-loġika f’dan huwa meta tikkunsidra li dawn huma elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li ideat lejn Unjoni Ewropea aħjar m’aħniex nisimgħu wisq. Lanqas dak li qed jgħidu l-partiti rispettivi fil-programmi elettorali tagħhom.
Tlifna r-raġuni
3. Huwa ferm iktar ċar li tlifna kull forma ta’ raġuni. Żball politiku sija għax-xenarju preżenti kif ukoll għall-Partit Nazzjonalista, li kien dejjem dak li jirbaħ għax jappella għal-loġika u mhux għall-passjonijiet. Dan fih iktar piż proprju llum, fejn kull m’hemm bżonn huwa l-fatti waħedhom, għarwiena. Dawn jitkellmu kif għandhom dwar il-gravità jew le tax-xenarju. M’għandhomx aktar il-bżonn ta’ profeti foloz li jimlew l-imħuħ ta’ min jitlob u għandu bżonn direzzjoni. Hemm min jirrispetta bnedmin oħra billi jorbot lilu nnifsu mal-verità fi kliemu, u hemm min le. Hemm min jabbuża mill-oħrajn taħt pretesti u skużi varji. Jaqbadhom u jużahom, sfortunatament, fil-miri u l-kumplikazzjonijiet ta’ moħħu. Meta tqabbad inti stess in-nar tal-passjonijiet umani, imbagħad ikun diffiċli mmens li tikkontrolla fejn dan in-nar ser jinfirex.
Nibqa’ fost dawk
4. F’dan, għalhekk, nibqa’ ma’ dawk li jippreferu l-użu tar-raġuni fil-fatti. Ma’ dik il-forza fis-soċjetà li qegħda tinqata’ biex taħseb fuq dak li hu għaddej għax mhijiex ferħana bir-riħ u d-direzzjoni li qegħdin jieħdu l-affarijiet. Għad hawn, fortunatament, bnedmin li jħarsu lejn il-politika bħala dik l-għalqa tal-attività umana fejn il-forza tagħha hija proprju dik li ma tirrikorrix għal atti vjolenti jew ta’ mibgħeda, imma fil-loġika. Dawk li ma jħarsux u ma jemmnux li hemm xi valur fil-forza tal-vjolenza, apparentement rivoluzzjonarja. La dik verbali, la dik morali u lanqas dik, b’xi mod, tirannika. Id-dinja msejħa “sekulari”, flok għażlet id-demokrazija qegħda tirrikorri għat-tirannija. Dik li timponi lilha nfisha fuq l-oħrajn sabiex flok djalogu, dibattitu u ideat ġodda jkun hemm dik unika, imposta.
F’dak iktar żbaljat
5. Daqshekk ieħor huwa iktar żbaljat il-pass ta’ min qiegħed iħajjar bnedmin varji sabiex jinġabru fl-għatba tal-Qorti ta’ Malta nhar it-Tlieta li ġej. Hemm diversi punti li wieħed għandu jġib quddiem għajnejh. Ibda minn dak fejn min jiddikjara li għandu raġun m’għandux bżonn juri li għandu ħafna nies warajh. Irid ikun kapaċi jikkonvinċi bir-raġuni u mhux bil-forza tan-numri ta’ bnedmin oħra. Għandhom ikunu biss il-fatti li jieħdu ċ-ċentru tal-attenzjoni. Waħdu magħhom huwa ferm aħjar mis-sogru li l-affarijiet joħorġu mill-idejn. Hemm jikkumplikaw il-pożizzjoni għax flok niddibattu l-fatti tal-każ, nispiċċaw fuq x’ġara u x’kellu jiġri. Mhux biss, imma tikber iktar il-konvinzjoni f’moħħ oħrajn li hemm ħtija għax kieku ma kellekx bżonn l-użu tal-forza. U f’dan, flok tibqa’ iktar fil-kantuniera tal-vittma daħħalt ruħek li ssir, minflok, il-kontra.
Niftakru
6. M’aħniex, sa issa, neqsin mill-memorja ta’ dak li seħħ snin ilu. Niftakru kif, fid-19 ta’ Ġunju 1987, daqt l-anniversarju, ġabra ta’ persuni daħlu l-Qorti u ħallew straġi warajhom. Niftakru f’dak kollu li ġieb miegħu dan l-aġir u fil-kumplikazzjonijiet li l-Partit Laburista kellu jibqa’ jġorr miegħu għal snin twal fl-Oppożizzjoni. F’dan, jiġu quddiemna diversi spettri passati. Sija f’dak li seħħ f’dak il-jum u l-konsegwenzi li ġew wara. Fl-għarfien li kien hemm min baqa’ jaħseb li l-vjolenza hija aqwa mid-demokrazija. F’dawk li fit-tifrik li wettqu, fir-realtà ħallew marka fuq il-memorja ta’ politiċi li f’dak il-ħin setgħu forsi ħassewhom konfortati, imma li fit-tul, fehmu l-kontra. Min isaħħan folla jsib li wara jrid iħallas hu l-kont tal-konsegwenzi. Għal min kien daqshekk iffissat fuq kif il-futur ser iħares lejn il-passat tiegħu, nittama li jagħraf jirrifletti.
Fit-toroq
7. F’dan ser ikun, però, eżami iktar qawwi għall-Gvern tal-ġurnata. Din mhix folla tal-Oppożizzjoni li trid turi l-eżistenza tagħha, imma waħda tal-Gvern mal-Gvern. Huwa hu li għandu kull dmir u responsabbiltà li jżomm l-ordni. Huwa hu li, mill-bidu, għandu jagħraf jikkontrolla l-istimulanti li għaddejjin sabiex ma jkunx hemm bnedmin miġbura b’dan il-mod. Jiġri x’jiġri, għalih hemm biss telf totali. Dawk li jistgħu jaħsbu li anke jekk forsi fil-preżent l-Oppożizzjoni, li tidentifika ruħha fid-demokrazija, mhix tieħu mertu politiku fil-kunsensi, xorta għadha fl-abbiltà li teħodhom fil-futur. Jekk hemm min iħossu tant oltraġġat li ppretenda li ma jiġrilu xejn u li ma jiġix mimsus għandu jifhem li jrid jaqbad strateġija politika differenti.
Ikun aħjar
8. F’dan, ikun ferm aħjar jekk dak kollu li qiegħed jiġi ppjanat għal nhar it-Tlieta li ġej, ma jseħħx. Ikun aħjar għal kull persuna fis-soċjetà, però l-iktar għal dawk stess li qegħdin jaħsbu li b’hekk ser jagħtuh appoġġ. M’hemmx dubju li dan ser jiġi rappurtat mhux biss hawn, imma f’postijiet oħra. M’hemmx dubju li dawn mhumiex ser ikunu atti li jżidu fil-ġieħ ta’ pajjiżna, imma ser jolqtu l-istima u l-interessi soċjali, ekonomiċi u kulturali tagħna. Pass, ċertament, fid-direzzjoni żbaljata. Waħda li jekk tikkumplika ruħha ser tolqot u timmarka d-direzzjoni demokratika tal-pajjiż. Iktar u iktar meta, kif rajna f’xenarji oħra, il-Gvern jispiċċa jrid jiġġustifika l-atti żbaljati ta’ oħrajn. Fl-istorja li għandna quddiemna jkun aħajr li wieħed ikun attent u ma narawx ripetizzjoni ta’ spettri vjolenti passati.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
28.5.24
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT
22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f&...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment