2.5.24

MIN JISTA' JFENDI GĦAL RASU

1.    F’kull sena niġu f’dan l-appuntament illum nazzjonali. Il-pajjiż huwa mistenni minnu li jieqaf u jirrifletti fuq dak li kien u fuq dak li hu. X’inhi l-pożizzjoni tal-ħaddiem f’dawn l-gżejjer wara dawn s-snin? Kif isib ruħu u kif huwa kkunsidrat minn oħrajn? Kif l-iktar hija s-sitwazzjoni tiegħu fi ħdan is-sistema ekonomika tagħna? X’inhi l-parti tiegħu fil-mezzi tal-produzzjoni? Kemm iċċaqilqet ’il quddiem u kemm huwa kkunsidrat bħala bniedem u mhux bħala oġġett? Kif inhu quddiem il-liġi, u kif din qegħda tiġi applikata fil-ġurnata, l-iktar quddiem l-isfidi veri tagħna?

Smajna

2.    Tul din il-leġiżlatura smajna b’ħafna dwar dak li għaddej, speċjalment fid-dinja tal-kostruzzjoni. Dik li fir-realtà ħarġet minn idejna. Wisq permessi ħarġu f’daqqa u settur li sab ruħu fil-bżonn li jiġi regolat sew. F’ħafna żmien kien hemm forma ta’ awto-regolamentazzjoni li b’xi mod kienet tidher li qed taħdem. Illum naċċettaw li dan m’għadux minnu, u anzi, hemm neċessità li jidħlu diversi liġijiet. Uħud jaħsbu li dan jista’ jsir f’daqqa. Dawk fil-linja tax-xogħol jagħrfu li huwa ferm iktar diffiċli. Tant ninsabu ’l bogħod mill-miri. Min-naħa dak li huwa u fuq l-oħra dak li nirrikjedu li nkunu. L-aktar u f’dan li tmiss fil-punt li ħajjet il-ħaddiem fuq il-lant tax-xogħol mhix verament protetta.

Fdajna

3.    Forsi wkoll f’dan kien hemm min ħaseb li s-suq se b’xi mod f’xi mument jirregola mingħajr il-bżonn ta’ iktar liġijiet. Imma l-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-profitt kienu u għadhom superjuri għal kull forma ta’ difiża tal-bniedem. Aktar u aktar dan f’dak li żviluppa f’kampanja qawwija sabiex iktar ħaddiema minn pajjiżi oħrajn inġiebu jaħdmu hawn. Il-verità hija li nistgħu nibnu aktar u aktar għax ġew huma u l-kundizzjonijiet li qed jitolbu mingħandna huma anqas milli l-liġijiet ta’ pajjiżna jitolbu. F’dawn l-aħħar għaxar snin ma rajniex jew dħalniex verament fil-fond politikament biex nifhmu kif hawn persuni li f’forom varji u differenti jinsabu sfruttati. Ħafna ma jitkellmux għax ma jafux jew jaħsbu li ma jaqbilhomx. Fir-realtà wkoll irridu nammettu li fdajna fejn ma kellniex.

Fl-1 ta’ Mejju

4.    F’dan huwa aktar evidenti li filwaqt li suppost imxejna ’l quddiem,jista’ jkun li minflok sejrin iktar lura. Snin ilu kien hemm bżonn deċiżjonijiet biex il-ħaddiem jieqaf fl-1 ta’ Mejju sabiex jipprotesta. Isemma’ leħnu biex min iħaddem jieqaf u jifhem li jrid jirrispetta bnedmin oħra bħalu. Jieqaf u jifhem li hemm vantaġġ fir-rispett lejn id-dinjità tal-ħaddiem. Rispett fil-paga u fil-kundizzjonijiet ta’ fuq ix-xogħol. Dak li għamlu movimenti fil-klassi tal-ħaddiem, ġejjin sija minn dik Soċjalista kif ukoll dik Nisranija,  huwa magħruf. Uħud forsi wara l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin waslu biex jaħsbu li dak iż-żmien issa spiċċa u ma hemmx iktar forzi politiċi determinati jew b’saħħithom biex jaqbdu lura din l-bandiera.

Duttrina soċjali

5.    Daqshekk ieħor jista’ jkun hemm min jaħseb li d-duttrina soċjali tal-Knisja m’għadhiex aktar rilevanti għalih jew għall-klassi tal-ħaddiem. F
’dan l-pajjiż inqtajna u llum għandna iktar politika liberali tal-lemin. Dik li timxi taħt l-iskuża li wasal iż-żmien tal-progress ekonomiku modern li fih kull persuna hu għal rasu. Anki l-ħaddiem f’dan ġie aktar influwenzat li flok ingħaqad u ġedded dejjem iktar il-unions tiegħu, inqata’ aktar minnhom. Flok għandna politika nazzjonali li tħajjar aktar bnedmin jingħaqdu biex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom, l-aktar fl-analiżi soċjali u ekonomika ta’ dak li jinsabu fih u dak li sejrin għalih, għandna l-kontra. Hemm wirt ta’ esperjenza u tagħlim li qiegħed jiġi biċċa biċċa abbandunat u mitluq. Flok imħaddem lura biex l-affarijiet jiġu għas-sewwa, aħna stess qed nitilquh fil-ġenb.

Inħaddmu dak li għandna

6.    Fir-realtà, mhux biss m’għadniex nisimgħu fuq il-vantaġġi ta’ ideat u viżjoni politika fit-tul favur dawk li huma l-iktar ’l isfel fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol, imma anqas m'għadna nħaddmu dak li għandna. Bħall-Att dwar l-Protezzjoni ta' Informatur, li huwa mimli b’mekkaniżmi legali biex jassiguraw li jipproteġu aħjar lill-ħaddiem li mhumiex jiġu użati. Kif ukoll f’dan li nibdlu ukoll kif inħarsu u nikkunsidraw każijiet sija fit-Tribunal Industrijali u fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Fiż-żmien suppost li kien hemm proċess għal bidla vera, li llum naħseb li ma tinsabx fil-prijoritajiet nazzjonali. F’dan iktar fil-kawżi marbuta ma’ ħaddiema li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol. F’dawk li jridu jġorru għal ħajjithom diżabbilitajiet permanenti li jnaqqsulhom mis-saħħa fiżika, imma aktar dik fix-xogħol. Dawk li fuq in-naħa l-oħra, biex jieħdu l-kumpens li ħaqqhom jridu jiftħu kawżi fil-qrati, bl-ispejjeż legali involuti, bl-istennija u bid-diffikultà li wieħed jirbaħ l-kawża. Wasal aktar iż-żmien li nibnu sistema legali aħjar biex min iweġġa’ jitħallas ferm aktar malajr u mingħajr il-passjonijiet li qed jgħaddu minnhom diversi persuni llum.

Waqafna

7.    F’dan għandna iktar nistaqsu kemm aħna mexjin ’il quddiem. Nistaqsu jekk l-aġenda li kull ħaddiem jistenna li tiġi applika hijiex qegħda fil-fatt titressaq ’il quddiem. Aħniex nikkuntentaw b’dak li għandna, b’dak li nikkunsidraw li rnexxielna niksbu, milli nħarsu iktar ’il quddiem. Id-dinja tax-xogħol qegħda tinbidel. Fis-sens li hemm iktar setturi ġodda, differenti, li jimpjegaw in-nies bil-kundizzjonijiet tagħhom. Imma fl-istess ħin jidher li nsejna dawk li minnhom 
bdiet id-dinja tax-xogħol. Dawk li l-persuni li huma iktar ’l isfel qegħdin jitolbu iktar minna.

Nittamaw li għada, il-jum li fih niċċelebraw mill-ġdid dan l-jum ikun ifisser bidu ta’ politika iktar fuq ix-xellug. Waħda li tibni fuq Stat li jipproteġi u jaqbeż aktar għal dawk li huma ’l isfel. Waħda li tieqaf taħseb li l-aqwa Stat huwa dak fejn l-ġebla tax-xewka tiegħu hija biss dik ta’ dawk li jistgħu jkomplu jfendu għal rashom.

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...