18513. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17217, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14025, 14026 u 14478 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u lill-Prim Ministru rispettivament, u jgħid x’passi ulterjuri ser jittieħdu fir-rigward tal-impjegati varji wara u in konsegwenza tas-sentenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament deċiża fil-25 ta' Frar 2021 u dan kemm għall-impjegati li kienu parti fil-kawża kif ukoll dawk li ma kenux parti imma li għandhom interess?
17/04/2024
ONOR. MICHAEL
FALZON: Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-deċiżjoni
tal-Onorabbli Qorti tal-Appell (Inferjuri) imsemmija fil-mistoqsija kienet
waħda preliminari fejn sal-lum għadu jrid jiġi appuntat għas-smiegħ. Minkejja
dan fis-sena 2019 il-Gvern ħareġ l-iskema ta’ Għotja ta’ Darba, li għadha
miftuħa.
Din l-iskema tkopri wkoll lil
dawk li kienu apprentisti mal-Malta Electricity Board sakemm dan spiċċa u wara
kienu impjegati mal-Korporazzjoni Enemalta.
Għalhekk, il-persuni msemmija
fil-kawża, kif ukoll oħrajn li kienu apprentisti kif indikat fl-istess skema,
jistgħu japplikaw fejn kull każ ikun assessjat fuq il-merti tiegħu skont dawn
il-kriterji.
Madanakollu, hija kundizzjoni
taħt din l-Iskema li applikant li jirċievi l-għotja jrid jirrinunzja għal kull
pretenzjoni oħra futura marbuta mal-Iskema u jwaqqaf u jirtira kull kawża jew
kawżi magħmula kontra l-Gvern, Awtorità jew entità oħra pubblika. Dan irid isir
billi r-rikorrenti, jew l-eredi tagħhom, f’kull kawża jew kawżi jippreżentaw
dikjarazzjoni maħlufa fir-reġistru tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn
jiddikjaraw li qed iċedu u jirtiraw kull kawża jew kawżi pendenti. Prova ta’
din ir-rinunzja u rtirar tal-kawża jew kawżi trid tiġi mehmuża
mal-applikazzjoni kif spjegat fl-istess formola tal-applikazzjoni.
Seduta 233
22/04/2024
No comments:
Post a Comment