1. Fil-kitbiet tal-istoriku u politiku Francois Guizot (1787-1874) hemm wieħed iddedikat lill-istorja taċ-ċiviltà fl-Ewropa. Kitba mill-iktar interessanti u li għandha ħafna x’wieħed jifhem, jassorbi u jirrifletti dwaru. B’mod partikolari fl-argumenti tiegħu dwar ir-rivoluzzjoni morali li l-Kristjaneżmu wettaq. L-ewwel, fit-twemmin li l-bnedmin huma ugwali; u t-tieni, fil-proċess tal-ideat tagħhom sabiex is-soċjetà tinbidel għall-aħjar. Huwa jgħid hekk: “How many centuries, what infinite events passed away before the regeneration of the moral man by Christianity exercised upon the regeneration of the state its great and legitimate influence.” (Kemm sekli għaddew, kemm ġraw eventi qabel ma seħħet ir-riġenerazzjoni tal-bniedem fl-intern tiegħu permezz tal-Kristjaneżmu; dik l-influwenza li ġiet eżerċitata sabiex ġiet riġenerata l-importanza u l-leġittimità tal-Istat).
Fil-Qalb
2. Huwa jinsisti iktar fuq dan fil-kontinwazzjoni ta’ kitbietu, għax kif jispjega tajjeb, dan kollu seħħ: “Because it changed the internal man, creeds, sentiments; because it regenerated the moral man, the intellectual man.” Il-bniedem inbidel minn dak li kien qabel mertu ta’ dawn l-ideat. Bidla li salvat l-għerf passat u li fuqu wkoll bniet sabiex joħroġ iktar it-tajjeb. Bidla li seħħet fis-sħiħ fl-Ewropa, li aħna parti minnha. Dan huwa punt ulterjuri li sibtu żviluppat f’dak li kiteb iktar viċin tagħna l-Papa Benedittu XVI fil-ktieb La Vera Europa. Identità e Missione (2021), f’ġabra ta’ ideat u kitbiet li dan il-bniedem daqshekk intelliġenti ħalla warajh. Fejn hemm numru ta’ punti li filwaqt li jitilqu minn riflessjoni fuq il-Vanġeli, jeħduna lejn iktar riflessjonijiet dwar dak li ninsabu fih fl-Unjoni Ewropea.
Fil-preżent
3. Dan huwa iktar rilevanti proprju f’dawn il-jiem li sejrin lejn l-elezzjoni biex jiġu eletti l-membri parlamentari Ewropej. Rilevanti għax wieħed jifhem li ninsabu f’dibattiti elettorali fejn il-vot ser jiġi espress mhux tant f’dak li għandha bżonn l-istess Unjoni, imma f’dawk il-kunsiderazzjonijiet nazzjonali. F’diversi pajjiżi, tagħna inkluż, hemm ċertu “falliment” fil-fatt li m’aħniex niddiskutu prijoritajiet Ewropej. Qegħdin, minflok, inħarsu lejn dawk nazzjonali u nesprimu vot skont dak li qiegħed jiġri fil-pajjiż. Il-linja mhix x’ġie mwettaq f’dawn l-aħħar ħames snin f’dak il-Parlament. Jew aħjar, x’seta’ twettaq aħjar jew b’mod differenti, imma dak fuq it-territorju nazzjonali. Dan, minnu nnifsu qiegħed isarraf f’iktar dibattitu bejn dawk li jridu u dawk li ma jridux iktar Unjoni Ewropea. Fid-dawl tal-ħsieb evidenti li dan tant mhuwiex isir, jew aħjar ma sarx dibattitu Ewropew sija fil-parlamenti nazzjonali, kif ukoll anki, jekk sar, kien hemm min ta linja prerogattiva għalih.
X’tip ta’ Ewropa
4. Il-kunċett sħiħ tal-Unjoni Ewropea huwa frott il-partiti taċ-ċentru moderati. Huwa frott tal-ħsieb ta’ dawk li kienu u għadhom verament Demokratiċi Nsara. Il-partiti tal-lemin-lemin qegħdin jiddistingwu ruħhom, ngħid jien żbaljatament, bħala dawk li huma kontra. F’din il-linja m’hemmx użu tar-raġuni jew moderazzjoni imma l-kontra: dik li tieħdok sabiex iżżarma dak li qiegħed diġà jaħdem, imma ċertament li mhuwiex jitħaddem biżżejjed tajjeb minn kull Stat. Iktar u iktar minn dawk li ma kinux jew mhumiex kapaċi jassorbu l-fondi u jimplimentaw regoli li jaqblu politikament fuqhom. Il-problemi fl-Unjoni qegħdin, f’dan, jirriduċu ruħhom f’dan in-nuqqas amministrattiv. Fejn qiegħed jonqos l-ispazju għal viżjoni politika li tkompli fis-sewwa dan il-proġett li wettaq il-ġid u għadu kapaċi jwettqu.
Joseph Ratzinger (1927-2022)
5. Fil-ktieb li semmejt, fost ħafna ħsibijiet oħra li jimmeritaw ċertament riflessjoni minn dawk li jridu jieħdu sehem fid-dibattitu Ewropew, huwa jgħid hekk: “In base a ciò che è stato spiegato sin qui diventa chiaro che non tutta l’unificazione politica ed economica che si realizza in Europa può già sinificare, in quanto tale, il futuro dell’Europa. Una mera centralizzazione delle competenze economiche o legislative potrebbe anche portare a un rapido declino dell’Europa se, per esempio, sfociasse in una tecnocrazia il cui unico criterio fosse la crescita dei consumi.” (Abbażi ta’ dak li ġie spjegat sa issa, hawn isir iktar ċar li mhux kull unifikazzjoni politika u ekonomika li sseħħ fl-Ewropa hija biżżejjed għall-futur tal-Ewropa. Li wieħed iħares biss lejn ċentralizzazzjoni tal-kompetenzi ekonomiċi u leġislattivi jista’ wkoll iwassal lejn deklin rapidu tal-Ewropa jekk, per eżempju, tikber iktar it-teknokrazija, li fiha, il-kriterju bażiku jkun iż-żieda fil-konsum.)
Il-periklu
6. Dan huwa proprju l-punt li ninsabu fih. Preżentement il-linja politika hija aktar meħuda lejn li jkollna amministraturi tajba, iktar milli li jkollna politiċi ta’ viżjoni. L-Ewropa taċ-ċentru forsi mhix tifhem li altru minn spjegazzjoni ta’ dak li ser isir fil-punti leġislattivi u ekonomiċi, hemm bżonn ta’ iktar Politika. Qegħdin, f’ħafna, marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet teknokratiċi. Qegħdin fl-influwenza li żviluppat li dawk li huma kkunsidrati bħala “teknokratiċi” jistgħu jmexxu l-Ewropa aħjar minn dawk li llum huma l-politiċi. Direzzjonijiet għall-agħar u mhux dejjem għall-aħjar. Iktar u iktar għax il-poplu kapaċi, minn dejjem, jivvota u jkun wara politiku, anke jekk mhux awtentiku, u anke jekk falz, imma jsibha ferm iktar diffiċli jkun wara teknokrata.
Id-Dibattitu
7. F’dan huwa ċertament iktar ta’ kumplikazzjoni dak li sejrin għalih. Hemm politika li qegħda tħares mil-lum għal-lum, fejn il-futur irid ifendi għal rasu. Politika li tikber iktar proprju f’soċjetà fejn il-qari huwa assenti u l-miżuri favur tiegħu daqstant ieħor. Kont nippreferi naqra, fil-programm elettorali tal-partiti verament Ewropej, li għandu jkollna politika favur il-kotba, u mhux tħares lejhom bħala “sempliċi” industrija. Li jkollna politika li tħares li kull ċittadin ikun infurmat w iffurmat iktar sabiex ikollna demokrazija aqwa. Għalkemm ktibt dwar dan il-Ħadd li għadda, f’La Stampa ta’ nhar is-Sibt sibt artiklu ta’ Giuseppe Laterza (1957) li fih jikkonkludi favur il-ktieb billi jappella hekk lill-Gvern Taljan: “Le propongo di uscire dalla logica di brevissimo periodo che ha ispirato purtropo fin qui buona parte della classe dirigente italiana e di investire sui libri come condizione essenziale per dare un futuro migliore al nostro paese.” (Nipproponi li wieħed joħroġ mill-politika tal-lum għal-lum, li sfortunatament sa issa ispirat parti sew mill-klassi li tmexxi, u li tibda tinvesti fil-kotba bħala kundizzjoni essenzjali biex jingħata futur aħjar lil pajjiżna.)
Fejn sejrin
8. F’dan huwa iktar ċar li fis-sinjal taż-żminijiet, jekk irridu futur u tisħiħ tal-Unjoni Ewropea rridu naħdmu lejn politika aqwa u ta’ vera. Waħda li tħares mhux lejn dinja teknokrata ta’ amministraturi, imma li titmexxa minn bnedmin li għandhom kultura u ideat. Ma jidhirx li ser tkun din il-bażi tal-għażla f’Ġunju li ġej. Imma xorta, l-argument irid isir. Iktar u iktar meta f’ħafna ser ikun hemm iktar minn dawk li żbaljatament jargumentaw kontra tagħha. Pajjiżna għandu jikber f’dan. Għandu jifhem is-sinjali taż-żminijiet u jinvesti f’ġenerazzjonijiet futuri.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
21.5.24
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT
22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f&...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment