Showing posts with label Unjoni Ewropea. Show all posts
Showing posts with label Unjoni Ewropea. Show all posts

13.2.25

L-EWROPA HIJA DIĠÀ KBIRA

1. F’dan iż-żmien li bdejna ngħixu mill-ġdid irridu nagħrfu li bħala Ewropej għandna valuri uniċi. Irridu nifhmu li dak kollu li seħħ f’dawn it-tmenin sena ta’ ħidma ma sarx ta’ xejn. Il-miri li ġew stabbiliti, u ħafna drabi milħuqa, ifakkruna li għandna storja li hija ta’ suċċess. Mhix ta’ suċċess totali jew assolut, imma hija parti minn proċess ta’ progress. Wieħed li jiddistingwi ruħu fil-konfront ta’ kontinenti oħra. Wieħed li bih sar ġid kbir lill-popolazzjoni tiegħu u li sarraf ukoll għal popli oħra. Mhux dejjem konna għalenija, u anqas fuq ir-rubini. Biss dan ma jiġġustifikax li mmorru lura lejn il-firda u l-ġlied intern.

Interessi komuni

2. F’dak kollu li seħħ f’dawn is-snin, fi ħdan l-Unjoni Ewropea mxejna ’l quddiem. Mhux biss, imma l-Ewropa saret ferm iktar l-art li tiddefendi d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Jingħad x’jingħad biex wieħed iċekken dak li sar u dak li qiegħed iseħħ, il-fatt jibqa’ li diversi drabi d-deċiżjonijiet jittieħdu għax hemm pożizzjoni ta’ prinċipju. Pożizzjonijiet politiċi skomdi għall-oħrajn li jridu jmorru lura għal dak li d-dinja kienet qabel bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Huwa anzi aktar ċar li hemm min għandu nteress li titkisser biex jafferma lura xi forma ta’ politika imperjalista li timponi s-saħħa militari fuq oħrajn inqas armati. L-Unjoni Ewropea dan tifhmu u ċert li tapprezza l-isfidi li għandha quddiemha.

Lura mhux ’il quddiem

3. Huwa ċar li bid-diskors li qed nisimgħu u dak li għaddej fid-dinja hemm min jaħseb li jista’ jieħu l-arloġġ lura. Sal-lum fl-Ewropa ddomina kunċett spjegat mill-filosfu u politiku Demokristjan Augusto del Noce (1910-1989) kif jiddikjara fil-ktieb L’epoca della secolarizzazione (1970). Kliemu: “Oggi invece il sentimento comune è di vivere in un’epoca nuova, separata dal passato dalla censura delle due guerre mondiali. All’idea che tutto si ripete si è sostituita l’accelerazione massima del tempo; l’adeguazione a un oggi non è più tanto il compimento dell’ieri quanto la sua negazione.” (Illum minflok il-ħsieb ġenerali huwa li wieħed qiegħed jgħix f’epoka ġdida, separata mill-passat li mmarkat ruħha bejn żewġ gwerer mondjali. Kontra l-ħsieb li kollox jirrepeti ruħu daħlek dik li tuża’ bl-iktar mod veloċi l-ħin; kif tgħix illum, li mhuwiex tant it-twettiq tal-bieraħ, imma li tinnegah.)

Il-Modern

4. F’dan huwa iktar ċar li min qiegħed jaħseb għal Donald Trump u Vladimir Putin li jistgħu jieħdu d-dinja lura ma tantx huma preċiżi jew korretti. Il-glorja apparenti passata ma teżistix. Tista’ tingħata din l-impressjoni minn dawk li jiktbu l-istorja imma fir-realtà d-dinja tal-lum hija aqwa milli kienet qabel. Aqwa għax saru diversi avvanzi li fuqhom is-soċjetà nbniet u mxiet. Dak li nutilizzaw illum huwa proprju frott tar-riflessjonijiet, fl-għarfien tal-iżbalji passati. Imxejna ’l quddiem proprju għax nafu fejn morna lura. Iktar u iktar fl-għarfien ċar li kull perjodu uman, fl-imperfezzjoni tiegħu, ikollu vantaġġi u żvantaġġi. Però ċertament li dan sar fl-Ewropa għax il-fatti jibqgħu l-fatti u mhux nintilfu nibdlu l-istorja.

MAGA

5. Il-kunċett li ngħad li l-Istati Uniti ser jerġgħu jsiru kbar huwa diġà, minnu nnifsu, nieqes fil-punt evidenti li dan il-pajjiż huwa diġà kbir. Huwa diġà dak li jiddetermina ħafna mill-politika barranija internazzjonali. Huwa diġà dak li huwa preżenti f’xenarji varji tal-globu. Huwa diġà dak li għandu ekonomija b’saħħitha li tmexxi u tinfluwenza ħafna. Huwa kontro-indikat li tiddikjara li ċkienet meta fil-fatt dan ma ġarax. Il-kumplikazzjonijiet ta’ pajjiż kbir, liberu u demokratiku ma ssolvihomx b’atti ta’ impożizzjoni fuq oħrajn. Inkella proprju dawk li ma jistgħux isarrfu f’sens. Id-dinja globalizzata llum timxi proprju għax kienu l-istess Stati Uniti li mxew b’politika li nsistew li s-suq ikun liberu u d-dazji jonqsu. Din il-libertà ispirata u ssudata mill-kunċetti kapitalisti li nbidlu maż-żmien ilkoll nafu li ma jiġux issudati bit-tariffi li jiġu dikjarati li jridu jsiru.

Kontra kull loġika

6. Kif qal tajjeb l-awtur magħruf Amerikan Michael Novak (1933-2017) fil-ktieb tiegħu The Spirit of Democratic Capitalism (1982), li hemm vantaġġi uniċi fis-sistema demokratika. Huwa jiddikjara: “The preferred democratic capitalist solution is coordination. Each system, political and economic, has something the other wants and needs. Each has power and vulnerabilities. Each loses of the bargain between them is not fair, stable and long-term.” (Is-soluzzjoni tas-sistema demokratika kapitalista preferuta hija dik tal-koordinazzjoni. Kull sistema, politika u ekonomika, għandha xi ħaġa li l-oħra trid jew għandha bżonn. Kull waħda għandha poteri u dgħjufijiet. Kull waħda titlef jekk l-iskambju bejniethom ma jkunx ġust, stabbli u fit-tul.) Hija proprju din il-linja li għamlet kbar sija lill-Istati Uniti kif ukoll lill-Unjoni Ewropea.

Wieħed irid jifhem

7. F’dan proprju wieħed irid jifhem u jibqa’ jżomm soda l-pożizzjoni tiegħu. L-Unjoni Ewropea mhijiex dgħajfa u jekk skont xi ħadd mhix tixtri prodotti mingħandu, dawn ma ġġibhomx jixtru bi gwerer kummerċjali inutili. Aktar u aktar meta l-istess tagħraf li dak li huwa għaddej huwa: l-ewwel, attentat ċar biex tkissirha; u t-tieni, li fil-proċess ser iġġib lura l-estremiżmu tal-lemin. Jekk Adolf Hitler, bejn iż-żewġ gwerer għamel politika biex iġib il-Ġermanja lura għall-potenza li suppost kellha qabel l-ewwel kunflitt, dan ma jfissirx li għandu jiġi ripetut. Anzi, kif nafu, it-tkissir tiegħu ġieb fuqna l-prezz li għadna nħallsu għalih illum. F’dan, kif nafu, meta titlaq minn idejk dak li jkollok diġà biex tieħu aktar, tispiċċa titlef dak li għandek. Proprju għalhekk li l-Ewropa tagħmel tajjeb li tifhem li għalhekk għandha fejn timraħ, però fil-fatt hija diġà kbira.

21.5.24

SINJALI TAŻ-ŻMINIJIET

1. Fil-kitbiet tal-istoriku u politiku Francois Guizot (1787-1874) hemm wieħed iddedikat lill-istorja taċ-ċiviltà fl-Ewropa. Kitba mill-iktar interessanti u li għandha ħafna x’wieħed jifhem, jassorbi u jirrifletti dwaru. B’mod partikolari fl-argumenti tiegħu dwar ir-rivoluzzjoni morali li l-Kristjaneżmu wettaq. L-ewwel, fit-twemmin li l-bnedmin huma ugwali; u t-tieni, fil-proċess tal-ideat tagħhom sabiex is-soċjetà tinbidel għall-aħjar. Huwa jgħid hekk: “How many centuries, what infinite events passed away before the regeneration of the moral man by Christianity exercised upon the regeneration of the state its great and legitimate influence.” (Kemm sekli għaddew, kemm ġraw eventi qabel ma seħħet ir-riġenerazzjoni tal-bniedem fl-intern tiegħu permezz tal-Kristjaneżmu; dik l-influwenza li ġiet eżerċitata sabiex ġiet riġenerata l-importanza u l-leġittimità tal-Istat).

Fil-Qalb

2. Huwa jinsisti iktar fuq dan fil-kontinwazzjoni ta’ kitbietu, għax kif jispjega tajjeb, dan kollu seħħ: “Because it changed the internal man, creeds, sentiments; because it regenerated the moral man, the intellectual man.” Il-bniedem inbidel minn dak li kien qabel mertu ta’ dawn l-ideat. Bidla li salvat l-għerf passat u li fuqu wkoll bniet sabiex joħroġ iktar it-tajjeb. Bidla li seħħet fis-sħiħ fl-Ewropa, li aħna parti minnha. Dan huwa punt ulterjuri li sibtu żviluppat f’dak li kiteb iktar viċin tagħna l-Papa Benedittu XVI fil-ktieb La Vera Europa. Identità e Missione (2021), f’ġabra ta’ ideat u kitbiet li dan il-bniedem daqshekk intelliġenti ħalla warajh. Fejn hemm numru ta’ punti li filwaqt li jitilqu minn riflessjoni fuq il-Vanġeli, jeħduna lejn iktar riflessjonijiet dwar dak li ninsabu fih fl-Unjoni Ewropea.

Fil-preżent


3. Dan huwa iktar rilevanti proprju f’dawn il-jiem li sejrin lejn l-elezzjoni biex jiġu eletti l-membri parlamentari Ewropej. Rilevanti għax wieħed jifhem li ninsabu f’dibattiti elettorali fejn il-vot ser jiġi espress mhux tant f’dak li għandha bżonn l-istess Unjoni, imma f’dawk il-kunsiderazzjonijiet nazzjonali. F’diversi pajjiżi, tagħna inkluż, hemm ċertu “falliment” fil-fatt li m’aħniex niddiskutu prijoritajiet Ewropej. Qegħdin, minflok, inħarsu lejn dawk nazzjonali u nesprimu vot skont dak li qiegħed jiġri fil-pajjiż. Il-linja mhix x’ġie mwettaq f’dawn l-aħħar ħames snin f’dak il-Parlament. Jew aħjar, x’seta’ twettaq aħjar jew b’mod differenti, imma dak fuq it-territorju nazzjonali. Dan, minnu nnifsu qiegħed isarraf f’iktar dibattitu bejn dawk li jridu u dawk li ma jridux iktar Unjoni Ewropea. Fid-dawl tal-ħsieb evidenti li dan tant mhuwiex isir, jew aħjar ma sarx dibattitu Ewropew sija fil-parlamenti nazzjonali, kif ukoll anki, jekk sar, kien hemm min ta linja prerogattiva għalih.

X’tip ta’ Ewropa

4. Il-kunċett sħiħ tal-Unjoni Ewropea huwa frott il-partiti taċ-ċentru moderati. Huwa frott tal-ħsieb ta’ dawk li kienu u għadhom verament Demokratiċi Nsara. Il-partiti tal-lemin-lemin qegħdin jiddistingwu ruħhom, ngħid jien żbaljatament, bħala dawk li huma kontra. F’din il-linja m’hemmx użu tar-raġuni jew moderazzjoni imma l-kontra: dik li tieħdok sabiex iżżarma dak li qiegħed diġà jaħdem, imma ċertament li mhuwiex jitħaddem biżżejjed tajjeb minn kull Stat. Iktar u iktar minn dawk li ma kinux jew mhumiex kapaċi jassorbu l-fondi u jimplimentaw regoli li jaqblu politikament fuqhom. Il-problemi fl-Unjoni qegħdin, f’dan, jirriduċu ruħhom f’dan in-nuqqas amministrattiv. Fejn qiegħed jonqos l-ispazju għal viżjoni politika li tkompli fis-sewwa dan il-proġett li wettaq il-ġid u għadu kapaċi jwettqu.

Joseph Ratzinger (1927-2022)

5. Fil-ktieb li semmejt, fost ħafna ħsibijiet oħra li jimmeritaw ċertament riflessjoni minn dawk li jridu jieħdu sehem fid-dibattitu Ewropew, huwa jgħid hekk: “In base a ciò che è stato spiegato sin qui diventa chiaro che non tutta l’unificazione politica ed economica che si realizza in Europa può già sinificare, in quanto tale, il futuro dell’Europa. Una mera centralizzazione delle competenze economiche o legislative potrebbe anche portare a un rapido declino dell’Europa se, per esempio, sfociasse in una tecnocrazia il cui unico criterio fosse la crescita dei consumi.” (Abbażi ta’ dak li ġie spjegat sa issa, hawn isir iktar ċar li mhux kull unifikazzjoni politika u ekonomika li sseħħ fl-Ewropa hija biżżejjed għall-futur tal-Ewropa. Li wieħed iħares biss lejn ċentralizzazzjoni tal-kompetenzi ekonomiċi u leġislattivi jista’ wkoll iwassal lejn deklin rapidu tal-Ewropa jekk, per eżempju, tikber iktar it-teknokrazija, li fiha, il-kriterju bażiku jkun iż-żieda fil-konsum.)

Il-periklu


6. Dan huwa proprju l-punt li ninsabu fih. Preżentement il-linja politika hija aktar meħuda lejn li jkollna amministraturi tajba, iktar milli li jkollna politiċi ta’ viżjoni. L-Ewropa taċ-ċentru forsi mhix tifhem li altru minn spjegazzjoni ta’ dak li ser isir fil-punti leġislattivi u ekonomiċi, hemm bżonn ta’ iktar Politika. Qegħdin, f’ħafna, marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet teknokratiċi. Qegħdin fl-influwenza li żviluppat li dawk li huma kkunsidrati bħala “teknokratiċi” jistgħu jmexxu l-Ewropa aħjar minn dawk li llum huma l-politiċi. Direzzjonijiet għall-agħar u mhux dejjem għall-aħjar. Iktar u iktar għax il-poplu kapaċi, minn dejjem, jivvota u jkun wara politiku, anke jekk mhux awtentiku, u anke jekk falz, imma jsibha ferm iktar diffiċli jkun wara teknokrata.

Id-Dibattitu

7. F’dan huwa ċertament iktar ta’ kumplikazzjoni dak li sejrin għalih. Hemm politika li qegħda tħares mil-lum għal-lum, fejn il-futur irid ifendi għal rasu. Politika li tikber iktar proprju f’soċjetà fejn il-qari huwa assenti u l-miżuri favur tiegħu daqstant ieħor. Kont nippreferi naqra, fil-programm elettorali tal-partiti verament Ewropej, li għandu jkollna politika favur il-kotba, u mhux tħares lejhom bħala “sempliċi” industrija. Li jkollna politika li tħares li kull ċittadin ikun infurmat w iffurmat iktar sabiex ikollna demokrazija aqwa. Għalkemm ktibt dwar dan il-Ħadd li għadda, f’La Stampa ta’ nhar is-Sibt sibt artiklu ta’ Giuseppe Laterza (1957) li fih jikkonkludi favur il-ktieb billi jappella hekk lill-Gvern Taljan: “Le propongo di uscire dalla logica di brevissimo periodo che ha ispirato purtropo fin qui buona parte della classe dirigente italiana e di investire sui libri come condizione essenziale per dare un futuro migliore al nostro paese.” (Nipproponi li wieħed joħroġ mill-politika tal-lum għal-lum, li sfortunatament sa issa ispirat parti sew mill-klassi li tmexxi, u li tibda tinvesti fil-kotba bħala kundizzjoni essenzjali biex jingħata futur aħjar lil pajjiżna.)

Fejn sejrin

8. F’dan huwa iktar ċar li fis-sinjal taż-żminijiet, jekk irridu futur u tisħiħ tal-Unjoni Ewropea rridu naħdmu lejn politika aqwa u ta’ vera. Waħda li tħares mhux lejn dinja teknokrata ta’ amministraturi, imma li titmexxa minn bnedmin li għandhom kultura u ideat. Ma jidhirx li ser tkun din il-bażi tal-għażla f’Ġunju li ġej. Imma xorta, l-argument irid isir. Iktar u iktar meta f’ħafna ser ikun hemm iktar minn dawk li żbaljatament jargumentaw kontra tagħha. Pajjiżna għandu jikber f’dan. Għandu jifhem is-sinjali taż-żminijiet u jinvesti f’ġenerazzjonijiet futuri.

6.3.12

Ir-riħ qiegħed idur?

1.    Il-ġimgħa li għadha kif għaddiet ingħalqet fid-dawl tal-laqgħa tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ġewwa Brussell.  Il-pożizzjoni qegħda biċċa biċċa tinbidel għall-aħjar.  Anzi, hemm indikazzjonijiet ċari li jista’ jkun li dalwaqt ser nibdew perjodu ta’ stabilità ekonomika fl-Unjoni, li għandu jmexxi lis-soċjetà lura fit-triq it-tajba.  Fis-snin li għaddew ġew meħuda diversi deċiżjonijiet, uħud f’lokhom, però oħrajn preludji għal dak li qiegħed isir illum.  In-nuqqasijiet tal-passat, speċjalment fil-linja tal-politika ekonomika, ħallasna bil-qares għalihom ilkoll.

2.    Kull Stat forsi qiegħed jifhem li jrid iħares sew l-ekonomija tiegħu.  Irid iwaqqaf iktar strutturi li jirregolaw u jibni l-ħitan li m’għandhomx jinqabżu.  Persuni fil-kummerċ jifhmu li aktar ma jkun hemm serjetà u attenzjoni iktar jistgħu jkollhom moħħhom mistrieħ.  Mhux kull min hu qiegħed f’dan is-settur għandu l-istess abbiltajiet.  Hemm min hu kapaċi joħlom, jibni u jħares sew ‘il quddiem u hemm min le.  Biss, ħidmet l-Istat demokratiku trid tibqa’ ffukata biex tipproteġi lil dawk li jaħdmu b’intenzjonijiet tajba għad-differenza ta’ dawk li jridu japprofittaw ruħhom illegalment minn oħrajn.  F’dawn is-snin jidher ċar li din il-lezzjoni kontra ċerti teoriji ekonomiċi daħlet sew fis-sistema.

3.    Dan il-Kunsill Ewropew, fir-realtà qiegħed jerġa’ jafferma l-importanza tad-djalogu u d-diskussjoni interna.  Biex wasalna f’din il-pożizzjoni llum, dik marbuta mal-programmi li wrew l-importanza tal-EFSF/ESM (European Financial Stability Facility u l-European Stability Mechanism) inbniet fi ħdan l-Unjoni l-kultura tal-użu tal-metodi demokratiċi.  Mhux bil-politika tar-rikatt.  Dik hija sorpassata sew, speċjalment fi ħdan l-istess Unjoni.  Fl-esperjenza tagħna fi ħdanha huwa ċar u evidenti li l-użu tar-raġuni hija l-għodda li twassal għas-sewwa.  Twassal lejn deċiżjonijiet li jiġu bażati fuq il-verità u mhux fuq il-perċezzjonijiet.  Fejn wieħed jista’ jidħol fid-dettall neċessarju biex isolvi l-problemi.

4.    Ir-riflessjonijiet li qed isiru llum fl-Unjoni sabiex issir analiżi tal-makro-ekonomija fl-Istati, marbuta mal-istrateġija li għandha tkompli tiftaħ il-bibien tal-kompetittività u tal-konsolidazzjoni fiskali li ma toqtolx l-iżvilupp u t-tkabbir soċjali u ekonomiku, huma essenzjali.  Huwa mument uniku li għandna napprezzaw.  Pajjiżna għandu sehem dirett f’dan il-proċess, kif ukoll li jieħu benefiċċju minnu.  Id-deċiżjonijiet Ewropej f’dawn l-aħħar snin ma kienu faċli xejn, però kienu jkunu aktar iebsa għalina li kieku ma konniex Membri.  Il-parteċipazzjoni diretta tal-Prim Ministru u tal-Ministru tal-Finanzi assigurat li l-impatt tad-deċiżjonijiet, li żgur li dejjem kienu ser jolqtuna, tkun ferm u ferm inqas.  Il-kalma u l-għarfien li kull dettall huwa importanti wasslu sabiex nutilizzaw għall-ġid tal-pajjiż dan il-vantaġġ.  Pajjiżna qiegħed illum jinfluwenza l-politika ekonomika Ewropea direttament.

5.    Għalhekk, l-iffirmar tat-Trattat ta’ Stabilità (Fiscal Compact) kien pass dovut, però wieħed li wasalna għalih b’diskussjoni u mhux b’impożizzjoni.  Dan il-patt ngħarfu li huwa bażi importanti u, f’ħafna sens, determinanti għall-futur tat-tkabbir Ewropew.  Li pajjiżi oħra jkunu b’saħħithom u qed jaraw tkabbir ekonomiku għandu relevanza għalina.  Jekk l-Unjoni timxi iktar fid-dħul tagħha, tiġbed lilna awtomatikament magħha f’diversi programmi, inizjattivi u ħidmiet.  Iċ-ċittadin Ewropew li preżentement qiegħed f’sitwazzjoni ekonomika u soċjali diffiċli, appena jdur ir-riħ, għandna nibbenefikaw aħna wkoll minnu.

6.    Dan hu li qiegħed jiġi prospettat għal tul din is-sena.  Mhux ser tkun faċli u għad irridu naraw diffikultajiet u kumplikazzjonijiet.  Għad irridu naraw iktar laqgħat, b’iktar parteċipazzjoni, partikolarment tal-Ministru Tonio Fenech.  Però jidher li almenu bdejna t-triq twila lura.  Triq lejn it-tħaddim u t-tfassil ta’ politika favur il-poplu tagħna u dak Ewropew.  M’għandix dubju li kull min qiegħed jaħdem f’din id-direzzjoni apprezza dak li għaddejna minnu.  Għoġobni però l-kumment tal-President rikonfermat Herman Van Rompuy: “Continuing this work for Europe in such decisive times is a privilege, and a great responsibility.”

21.6.09

Il-mandat il-ġdid

1. Din is-sena, fuq livell ta’ Unjoni Ewropea kellna u ser ikollna erba’ appuntamenti li jiddeterminaw dak li sejjer jiġri fiż-żona tagħna. Żewġ presidenzi interessanti meħuda wara xulxin ta’ żewġ pajjiżi li jġibu magħhom esperjenzi differenti: l-ewwel, dik Ċeka u t-tieni, dik Svediża. Waħda waslet biex tingħalaq u l-oħra trid tibda. Waħda ta’ Membru ġdid, l-oħra ta’ wieħed anzjan, biss it-tnejn determinati minn viżjoni ta’ pajjiżi “żgħar” u li jħarsu iktar lejn il-parti ta’ fuq tal-Ewropa.

2. It-tieni, mewġa ta’ fatturi li jibdlu u jsawwru l-kors futur huma marbuta ma’, l-ewwel, dik li kienet l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew il-ġdid, u t-tieni, l-għażla li lejn l-aħħar tas-sena tikkonkludi ruħha fil-Kummissjoni Ewropea ġdida. Dawn il-kurrenti politiċi ser ikunu determinanti f’kemm ser jirnexxilna naffrontaw b’kuraġġ il-problemi li l-popli tas-27 Membru qed jaraw ma’ wiċċhom. Dan naturalment jitlaq mill-prinċipju ta’ kemm l-istituzzjonijiet ser jiġu mċaqilqa mill-Kummissjoni u mill-mexxejja varji fl-Unjoni sabiex jitilqu minn dil-bażi lejn programm ta’ ħidma aħjar milli kellna.

3. Jekk l-affarijiet jibqgħu għaddejjin kif inhuma ser naslu f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fejn (forsi bl-eċċezzjoni ta’ pajjiżna) jkun hemm abbandun tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot. Meta tikkunsidra li 27% marru jivvutaw fil-Polonja, jew 19% fl-Islovakkja, jew 40% fi Franza, wieħed jifhem li għandha tkun prijorità għall-ħames snin li ġejjin li l-politika tal-Istituzzjonijiet tkun iktar parteċipattiva, diretta u trasparenti. Il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsilli tal-Ministri qegħdin hemm biex iwieġbu għar-realtà li l-ekonomija u l-ħajja soċjali waslet biex tagħti lill-komunitajiet Ewropej tagħna.

4. Il-fattur tal-persuni li, għalkemm għandhom id-dritt li jieħdu sehem jibqgħu ma jmorrux jivvutaw, trid tiġi ndirizzata bi programm mhux biss ta’ informazzjoni imma ta’ riċerka għal dak li jridu huma mill-Unjoni Ewropea. Ovvjament ir-riżultati elettorali wera li l-partiti li huma miġbura taħt il-Partit Popolari Ewropew baqgħu jżommu l-maġġoranza, mentri l-partiti Soċjalisti naqqsu għall-partiti oħra. Dan ifisser li l-267 membru fil-PPE fil-konfront tal-159 tal-PES għandhom fuq daharhom responsabbiltà iktar minn ta’ oħrajn sabiex wieħed iċaqlaq ‘il quddiem din l-aġenda, għax huwa minnu li din il-kollaborazzjoni trid tibqa’ u tiġi sostnuta.

5. L-għażla prospettata tal-President tal-Kummissjoni Josè Manuel Barroso fiha ħafna sens. Ma hemmx dubju li l-perjodu tiegħu kien mimli deċiżjonijiet xejn faċli u kellu, f’ħafna mumenti, jintervjeni direttament sabiex jiġu sblukkati problemi li deher li ma kienx hemm possibilità ta’ soluzzjoni. Ovvjament ser ikun irnexxielu jikkrea pass ġdid fl-Unjoni Ewropea proprju f’mument bħal dan, fejn l-ekonomija marret lura għal ħafna pajjiżi fl-Unjoni u fejn hemm diffikultajiet sabiex wieħed iżomm il-Kummissjoni fuq quddiem tal-“leadership” mondjali. Biss l-Ewropea tas-27 għandha bżonn perjodu ieħor ta’ stabilità fejn ma għandhiex il-kumplikazzjoni “naturali” ta’ min jilħaq ġdid. Iż-żmien jitlob deċiżjoni bħal din.

6. Dan għax huwa ġà magħruf li numru ta’ Kummissarji ser jinbidlu billi ħafna pajjiżi għażlu li jibdlu lil min ser jibgħatu. Għalhekk huwa għaqli iktar mis-soltu li Barroso jżomm it-tmun sabiex tinżamm il-linja ta’ stabilità li f’dan il-mument hija ferm iktar importanti minn oħrajn. Il-prijorità ta’ din id-deċiżjoni tikber iktar u iktar meta tikkunsidra li għandek il-probabilità li t-Trattat ta’ Lisbona jiġi finalment approvat u dak ser jerġa’ jibdel ix-xenarju. Ma hemmx dubju li dawn huma appuntamenti verament importanti għalina wkoll. Fuq l-għażliet tal-persuni li ser jokkupaw is-siġġu għall-ħames snin li ġejjin u fuq l-aġenda li huma ser iressqu ‘l quddiem aħna llum niddependu wkoll.

7. Hemm ħafna punti li jridu jiġu indirizzati tul il-Presidenza Svediża. Hemm bżonn riflessjoni interna ta’ x’qed iwassal għal parti sew mill-elettorat biex ma jivvutax u għala n-numru li vvutaw marru għall-partiti fuq il-lemin estrem. L-Ewropa hija dik li hi llum proprju għax inbniet fuq il-parteċipazzjoni qawwija tal-poplu u l-illegalità ta’ partiti Nażisti u Faxxisti. Hemm verament bżonn ta’ iktar ħidma hawn għax id-demokrazija tikber meta ma jkunx hemm aġir anti-demokratiku. Partiti fuq il-lemin estrem huma elementi ta’ anti-demokrazija li jridu jiġu konfrontati billi l-poplu jifhem li m’humiex is-soluzzjoni tal-problemi.

8. Għalhekk il-mandat il-ġdid tal-Unjoni Ewropea għandu jkun dan. Issudar tad-demokrazija billi wieħed jerġa’ jmur lura u jġib iktar parteċipazzjoni mill-poplu f’kemm jista’ jkun livelli. Il-ħidma tagħna fl-Unjoni Ewropea trid tkun diretta fuq dik il-linja. Hemm nistgħu naraw politika iktar ta’ ġid: waħda li tħares il-bilanċ bejn l-istabilità u l-enerġija li l-Kummissjoni trid tagħmel u fl-istess ħin tkun waħda li tassigura l-issudar tal-ġustizzja soċjali. Ħames snin oħra naraw jekk dan irnexxilniex nagħmluh. Naraw kemm aħna difensuri tal-poplu biex dawn l-istituzzjonijiet iwieġbu għas-sejħiet tagħhom.

Dan l-artiklu deher fil-ġurnal Illum tal-21 ta’ Ġunju 2009.

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...