28.5.24

META TITMAQDAR

1. Id-diskors politiku, aktar m’aħna naraw, aktar qiegħed isir faċli u rħis. Iktar kliem fl-arja, espress mingħajr attenzjoni f’dak li jingħad u fl-effetti tiegħu. Anzi, immirat dejjem sabiex jiġbidha. Nara wisq bnedmin li saru skjavi ta’ ossessjonijiet li ma jistgħux jilliberaw ruħhom minnhom. Kull kelma fil-kamp pubbliku għandha l-effetti tagħha. Hemm ħafna li la jifhmu s-sustanza ta’ dak li qegħdin jgħidu, u wisq inqas il-kuntest li fih jgħiduh. Ir-responsabbiltajiet ta’ dan kollu qed jiżdiedu fuq naħa u jaħkmuna fuq l-oħra. Għax iktar minn kliem fl-arja li jridu jiġbdu l-approvazzjoni ta’ min ma jafx il-fatti, hemm oħrajn li għandhom l-aġendi moħbija tagħhom. Tidher ħaġa, mentri fil-fatt, tkun oħra. Waqt li politiċi oħra jiġu attakkati, hemm wara l-paraventu dawn l-istrateġiji żbaljati li kontinwament jiġu ippreparati. Sfortunatament, uħud eżegwiti a skapitu ta’ ħajjiet ta’ oħrajn.

Fiż-żmien preċiż

2. F’dan, iktar, wieħed jinnota li fil-konkret, is-sistema demokratika qegħda ssib lilha nfisha f’iktar attakki. Għax hija tgħix u tissoda fil-fiduċja li tibni bejn il-bnedmin. Dawk li jmexxu u dawk li jiġu rappreżentati. Meta l-pajjiż jibda jisma’ kontra d-demokrazija direttament jew indirettament, il-perċezzjoni ta’ dawk li jgħożżuha tkun dik li jaraw li l-integrità tagħha qegħda fil-periklu. Ngħid f’dan ukoll indirettamen, għax meta persuni fil-politika jesprimu ruħhom ħażin bi kliemhom u f’ħidmiethom ikunu qegħdin effettivament jibgħatu dan il-messaġġ. Żbalji minn oħrajn ma jiġġustifikawx passi ta’ reazzjoni jew oppożizzjoni ugwali minn oħrajn. Aġixxi, iddefendi s-sistema, imma ħu ħsieb li ma tkunx inti stess li qiegħed tattakkaha.

Riskjużi

3. Kull sistema li fiha tibni l-istruttura tal-Istat hija vulnerabbli. Dik demokratika wkoll. Ċertament tiddependi fuq ħafna fatturi, imma jekk mhix protetta, tmur lura. Tnaqqas mill-valur demokratiku tagħha u timxi passi lejn forom dittatorjali. Pajjiżna jaf b’dan, u jrid jifhem kemm irid ikun attent biex jiddefendi. Iktar u iktar f’dan il-mument delikat meta diversi persuni, fin-nuqqas ta’ għaqal tagħhom, flok rabtu l-argumenti tagħhom esklussivament mal-fatti, ħallew l-immaġinazzjoni fertili tagħhom tiġri bihom. Forsi jaħsbu li jistgħu jimitaw lil xi oħrajn. Jimitaw dak li għaddej preżentement fl-Istati Uniti tal-Amerika f’din l-elezzjoni presidenzjali li ser, b’xi mod, tolqot lilna wkoll. Fejn hemm verament riskji kbar għalina.

Dmirijiet

4. Kif jingħad f’The Economist fil-ħarġa tal-ġimgħa li għaddiet, quddiem id-diskors u l-aġir żbaljat tal-kandidat Donald Trump, hemm il-biża’ u r-riskju ta’ iktar tiranniji u inqas demokrazija. Iktar u iktar meta nifhmu li dawk kollha li ħadu sehem u marru jaħbtu għall-istituzzjonijiet, huwa jrid joħorġilhom maħfra presidenzjali. F’dan il-ġurnal, jingħad hekk: “Preserving democracy depends to-day, as it always has, on the courage and convictions of countless people all across America – especially those charged with writing and upholding laws.” (Illum, il-protezzjoni tad-demokrazija tiddependi, kif kienet dejjem, fuq il-kuraġġ u l-konvinzjoni tad-diversi persuni fl-Amerika kollha – speċjalment dawk li jiktbu u jiddefendu l-liġijiet.) Huwa fl-għarfien u l-bżonn li l-poplu għandu jkollu biex jiddefendi sistema li hija tiegħu. Id-demokrazija mhix tal-klassi tal-borgeżija li trid tiddomina s-soċjetà bl-aġir erratiku tagħha. Hija s-sistema tagħna lkoll u hija l-iktar valur sod li l-bniedem għandu fis-soċjetà.

Imma x’difiża hemm?

5. Quddiem dittaturi li jilbsu l-ġilda demokratika, x’hemm x’jista’ jvinċi? Kif f’dak il-pajjiż ir-riskji huma għolja jekk jerġa’ jkun hemm Trump bħala President, daqshekk ieħor hawn. Dak li għaddej juri kemm min huwa fil-poter jista’ jimmanipula. Forsi hawn min, f’dan il-kuntest, li ma jħossx il-bżonn li jgħallem u jinforma kontinwament. Jimbarka dejjem fuq il-linja li jipprepara u jarma lill-poplu sabiex: l-ewwel, jifhem x’inhija d-demokrazija; u t-tieni, li għandu jikkumbatti għaliha. The Economist, f’dan l-editorjal preċiż isib konfort u jgħid: “The lesson is that what sustains the American project, as with any democracy, is not black-letter laws but the values of citizens, judges and public servants. And the good news is that even the most determined, inventive and organised of would-be despots would struggle to overcome them.” (Il-lezzjoni hija dik illi dak li jżomm għaddej il-proġett Amerikan, bħal f’kull demokrazija, mhijiex il-kitba tal-liġijiet bl-ittri suwed, imma l-valuri li għandhom iċ-ċittadini, l-imħallfin u l-uffiċjali pubbliċi. U l-aħbar it-tajba hija li anki dawk imxennqa li jkunu dittaturi, minkejja d-determinazzjoni, il-manuvri u l-organizzazzjoni tagħhom, iridu jikkumbattu biex lil dawn jegħlbuhom.)

Biden

6. Biss, il-liġijiet huma indikattivi tal-mod kif jiġu difiżi dawn il-valuri. Kif ġejt mgħallem fl-Università, kull kostituzzjoni, soda u miktuba kemm hi miktuba tajjeb, għandha riskju kbir. Meta r-rappreżentanti jibdlu dak li huwa demokratiku f’dak li mhuwiex. Meta huma stess jaġixxu b’dak il-mod dittatorjali, inkella jippermettu aġir bħal dan. Meta jneħħu dan kollu fil-kitba jew fil-prattika, is-sistema tispiċċa. Flok liġijiet demokratiċi jsiru dawk dittatorjali. F’dan, ċertament u b’konfort, ir-riskju li jiġi elett dittatur ma teżistix f’Joe Biden. Kif l-istess The Economist jgħid tajjeb: “But Mr Biden is an institutionalist, with reference for the old ways of politics.” (Imma s-Sur Biden huwa favur l-istituzzjonijiet, b’għarfien ta’ kif tħaddmet il-politika fl-imgħoddi.)

Il-prova

7. Dak li ġej huwa ċertament mument ta’ prova. Id-demokraziji mondjali, waqt li qegħdin jiġu mhedda, iridu jifhmu li hemm ġlieda għas-sewwa li trid issir. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, il-pożizzjoni qegħda ssir aktar kritika u tista’ tmur għall-agħar jekk kemm-il darba wieħed ma jaġixxix. L-iktar fil-bżonn li wieħed jagħraf il-vantaġġi li għandu: dawk demokratiċi, u ma jkasbarhomx huwa stess. L-agħar ħaġa li nistgħu naraw hija dawk li jaqtgħu qalbhom u ma jieħdux sehem bil-vot tagħhom. Jekk nibqgħu sejrin kif aħna ser inkerrħu li għandna u nmaqdru dak li huwa f’idejna. Pajjiżna dak ma jixraqlux, u proprju għalhekk li l-agħar ħaġa li tista’ sseħħ hija li, fl-aħħar tal-ġurnata, inkomplu nitmaqdru.

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...