1. Tul dawn l-aħħar xhur kelli xorti partikolari. Wara li ppubblikajt il-ktieb li jikkommemora l-25 sena tiegħi fil-Parlament, iltqajt ma’ diversi bnedmin. Proċess li beda mis-7 ta’ Frar 2024, fejn kelli l-pjaċir u l-privileġġ li nressqu għall-pubblika fil-Kamra tad-Deputati taħt il-patroċinju ġeneruż tal-Ispeaker, Dr Anġlu Farrugia. Mixja li għalija kienet u għadha esperjenza unika, mhux biss minħabba dak li seħħ hemmhekk, imma f’dak li segwa għalija. Ngħid dan għax wara dak il-jum, li fih numru sabiħ ta’ kelliema għaddew l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dak li kont ktibt, bdejt indur id-disa’ każini tal-Partit fuq it-Tielet u r-Raba’ Distretti elettorali. Fi ġranet separati u differenti ġew diversi persuni minn kull rokna ta’ pajjiżna biex jiġbru kopja tiegħu. Missejt ma’ diversi fix-xewqat kbar tagħhom.
Tkellimt
2. F’dawk il-każini, postijiet li kif nafu huma dejjem kapaċi jservu fis-sewwa, kelli diskussjonijiet varji. Kull waħda interessanti u f’kull darba li b’xi mod ħadt b’idejn xi ħadd stajt nifhem ħafna. Fhimt li hemm għatx f’diversi persuni, speċjalment, imma mhux biss, dawk li huma u jikkunsidraw ruħhom parti mill-Partit sabiex jaqraw u jsiru jafu. Anzi, aktar minn hekk, sabiex jidħlu f’dibattitu miegħi, li kont hemm, dwar suġġetti varji ta’ natura politika, naturalment. Dawk attwali l-iktar, imma rikonsiderazzjoni u forma ta’ awtokritika ta’ dak li għaddejna minnu. Kulħadd ġie bl-osservazzjonijiet diretti u partikolari tiegħu. Nammetti li lkoll kienu f’posthom. Mhux biss, imma aktar f’dan issudajt l-opinjoni tiegħi li l-elettorat josserva tajjeb dak li jkun għaddej. Kapaċi jwettaq ġudizzju san u moderat. Fl-għarfien li aħna lkoll bnedmin, fejn ir-rispett politiku huwa neċessarju, fejn atti u diskors ta’ mibgħeda ma jitwieled xejn minnhom. Dak il-poplu li ma jidħolx verament u neċessarjament f’kull tikka jew f’kull dettall, imma dak li huwa rilevanti għalih jafu sew.
Sibtu
3. F’dan, fil-fatt, ikkonfermajt dak li fi snin fil-kuntatt mal-poplu osservajt. Ikkonfermajt li ċertament mhux kull persuna, imma li l-maġġor parti, huma mimlija b’abbiltajiet. Kapaċi jiffurmaw opinjoni u kapaċi wkoll jagħrblu tajjeb kif jiddeċiedu, fejn u fuq min iqegħdu l-kalatura tagħhom. Min jaħseb li l-pajjiż huwa magħmul minn persuni li ma jafux dak li hu tajjeb u dak li huwa żbaljat ma jafx l-affarijiet. Hemm min irid jitmexxa u ma jaħsibxl. Min jintilef fil-għama tal-fiduċja f’deputati jew politiċi oħra, imma dan ma jgħoddx għall-maġġor parti tal-elettorat. Kelli din l-esperjenza konfermata tul dawn l-erba’ xhur li fihom, sas-7 ta’ Ġunju ħassejt li qiegħed nagħlaq kapitolu sabiħ f’din l-esperjenza politika li ma tiqafx bis-sorpriżi kontinwi u partikolari tagħha.
Tissudani
4. F’dan kollu għandi konferma tal-fiduċja fuq il-ġudizzju tal-bnedmin fid-demokrazija. Ninkwieta ruħi aktar meta nara li flok ikun hemm min jiggwida lill-oħrajn, jipprova ma jgħidx kollox jew jipprova jgħawweġ l-affarijiet. Għax il-ġudizzji umani jiddependu wkoll fuq dak li jgħidu l-oħrajn. Jiddependu fuq kemm jingħadu l-fatti, imma meta l-ġudizzji jitressqu qishom fatti, dawn iħawdu l-pożizzjoni. Mhux biss, imma meta ċerti mezzi tal-aħbarijiet flok iressqu l-istampa sħiħa jressqu parti minnha, jew terġa’, iħallu partijiet kbar minnha kompletament barra, il-ġlieda għad-demokrazija tibqa’ dik kontra kull nuqqas ta’ informazzjoni li minnha titwieled u tiġi ikkultivata l-injoranza. Meta nitkellmu u nisma’ dwar war il-valuri tat-trasparenza u tal-mertu f’soċjetà ugwali u miftuħa nifhem iktar kemm hemm min mhuwiex jgħinha timxi ’l quddiem.
Pożittivi
5. F’dan serva l-fatt li ddedikajt dan il-ktieb lill-memorja ta’ diversi deputati li servew qabli, u f’mument jiena magħhom, b’integrità. Għax l-iskop oriġinali għalih kien proprju dak li nafferma b’eżempji varji ta’ kemm id-deputat huwa rappreżentant fidil tal-elettorat tiegħu. Il-persuna li kapaċi jifhem u jinterpreta dak li l-bnedmin li għabbewh bir-responsabbiltà jitlobu minnu. Dak li fil-fatt, jekk irid iwettaq dan kollu sewwa, jaf li jrid jissagrifika ħafna minnu nnifsu għall-oħrajn. F’dan, fil-fatt għażilt numru ta’ artikoli li bihom diversi setgħu jifhmu aktar dan kollu. Aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li ninnota li hawn forma ta’ qtugħ fil-ġenerazzjonijiet. Dan għax, għal raġunijiet varji, dak li wettqu dawk li kkommemorajt m’għadux jiġi trasmess. Hemm qabża u anzi f’xi wħud l-affermazzjoni li d-dinja politika tibda minnhom. Kif ġew eletti huma bdiet tibgħat ir-raġġi tagħha x-xemx tal-ġustizzja. Qabel le.
Aktar u aktar
6. F’dan sibtni, meta fil-parti inizjali ktibt numru ta’ punti dwar dak li sa issa għaddejt minnu f’din l-esperjenza politika tiegħi. Għażilt ħafna mumenti li fihom, min qed jaqra, seta’ jifhem ukoll il-ħidma t-tajba li saret f’isimhom meta kien hemm fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista. Għax hemm ħidma tajba li saret u li għaliha l-pajjiż baqa’ jagħti fiduċja lil dan il-Partit. Fiduċja li trid tiġi kkultivata lura. Dik li tagħti viżjoni għall-futur. Waħda ibbażata fuq is-sewwa. Waħda ibbażata fuq il-valur demokristjani tagħna. Waħda li tibni f’daqqa fil-poplu kollu, mingħajr ma tiġġudika u taqta’ l-irjus ta’ oħrajn fix-xejn. Nittama li minn għada nibdew nifhmu dawn il-lezzjonijiet u nifhmu li rridu nibnu l-futur tagħna fuqhom. Għax proprju minn din l-esperjenza unika u sabiħa li kelli fhimt ferm aktar kemm dan kollu jista’ jseħħ, għandu jseħħ, u li l-pajjiż irid li jseħħ.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment