12.6.24

IL-BIDU TAT-TMIEM?

1. Fir-riżultati friski friski tal-Ħadd li għadda nfetaħ dibattitu u kapitolu ġdid fil-politika ta’ pajjiżna. Hemm element, fost id-diversi, li huwa ċertament l-iktar qawwi. Dak li joħroġ mill-fatt li l-Partit fil-poter ingħata vot ta’ sfiduċja kbir. Fuq kull skala, il-figuri juru li l-favur li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu issa beda proċess inevitabbli ta’ deklin li qiegħed joħroġ għad-dawl. Meta tikkunsidra li l-Partit Laburista naqqas kważi għaxra fil-mija (10%) sħiħa fil-kunsens elettorali. Meta tara li minn 55.11% tal-voti li ġieb fl-2022 issa, f’sentejn skorruti, qiegħed b’45.26%, kif ukoll meta tara li mill-162,7000 li kellu bħala voti fl-2022 illum niżel għall-ammont ta’ 117,805 tifhem li hemm tnaqqis ta’ madwar ħamsa u erbgħin elf vot (45,000).

Il-poplu tkellem u bagħat messaġġ ċar

2. Huwa evidenti ħafna li dak li għaddej, u li ilu jinġabar f’dawn is-snin, issa qiegħed idejjaq lil dawk li qabel kienu komdi jivvutawlu. Ittri diretti sabiex jiġbdu l-attenzjoni, u fl-istess ħin jinsistu li d-direzzjoni politika tal-Gvern għandha tinbidel. Saru wisq żbalji b’ripetizzjoni u b’mod kostanti, li fl-aħħar jidher li hemm min qiegħed jixba. F’dan hemm dawk kollha li ħassew, u anzi emmnu, li l-Partit Laburista kien ser iwettaq tibdiliet fil-pajjiż fil-wegħdi sbieħ tiegħu li bdew mill-2013, li issa qed itiru mar-riħ. Dan il-Partit sar iktar dak identifikat mal-poter, fejn il-prinċipji mhumiex fl-ogħla skala għalih u anzi, bil-kontra, wettaq wisq dnubiet mortali. Hemm ferm inqas nies li għadhom jaħsbu li huwa dak li kapaċi jibdel, li għandu programm veru ta’ riforma.

Skandli

3. F’dan kiber iktar l-għarfien li kien hemm min irnexxilu jiġbed is-saqajn ta’ diversi. Dak li kien irnexxilu jikkonvinċi lil diversi li dak kollu li sar mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien, jew ħażin, jew inadegwat, inkella li baqa’ ma sarx. Ħafna emmnu, jew riedu li jidħlu għal dak li kien qiegħed jingħadilhom. Ħafna llum fehmu li dak li vvutaw għalih fl-2013 u fl-2017 ma seħħx. Anzi, li fil-ħajja, ġie l-kontra. F’dawn l-aħħar ġimgħat pajjiżna ra reazzjonijiet politiċi varji għal proċessi kriminali li nbdew. F’mument il-Gvern deher li kien qiegħed jikkonvinċi, u li terġa’, kien hemm konsolidazzjoni tal-poter intern. Fir-realtà dan mhuwiex minnu u nfetaħ proċess ta’ attakki interni trażversali fejn ħafna, 45,000, iddeċidew li ma jkomplux jagħtu l-appoġġ. Il-pożizzjoni hija ikkumplikata ħafna, u f’dan, il-Prim Ministru, li qabel kien igawdi minn appoġġ kostanti, issa qiegħed jara bidliet ġejjin għalih u għall-Gvern immexxi minnu.

Bidliet

4. Il-mossa politika tiegħu tal-Ħadd kienet dik mistennija. Jipprova jirkeb fuq din il-mewġa ta’ protesta billi huwa stess jiddikjara li ser imexxiha ’l quddiem. Iktar u iktar fid-diffikultà li trid titkellem waqt li l-appoġġ politiku tiegħek kien qiegħed, siegħa wara siegħa, jitnaqqar lura. Dan kollu ma kienx faċli, imma kif nafu, il-verità u r-realtà jiġru warajk, u llum jew għada, jilħquk. Jekk trid timxi ’l quddiem trid tifhem li trid tgħix fil-fatti u mhux fir-retorika. Iktar u iktar meta għalkemm qabel kien hemm min jiddefendi billi jgħid li ma kienx parti mill-iżbalji li saru minn dawk li kienu fil-poter, dan issa waqaf. Forsi f’dan, il-pożizzjoni politika hija kompromessa. Jista’ jkun li le, imma l-kapitolu tal-bidliet li jridu jsiru issa nfetaħ.

Liema passi

5. Ser ikun hemm min jitlob ras min qiegħed imexxi. Iktar u iktar jekk ser ikun diffiċli biex jieħu lura l-kmand tal-Partit u l-awtorità fil-Gvern. Il-vot ta’ protesta ma jistax jiġi magħluq billi jingħad biss li huwa ser jagħmel bidliet. Għax diġà, ftit ilu, quddiem dan l-appuntament saret tibdila sew fil-Kabinett. Inbidlu l-bnedmin u anki l-linji interni tagħhom. Imma b’dan ir-riżultat huwa ċar li issa qed jidher li din il-bidla ma kinitx adegwata. Ma sarrfitx f’dak li ried. Għalhekk wieħed jistaqsi: issa lejn fejn ser iħares? Diversi jaħsbu li ser jibqa’ jmexxi hu, imma smajt li hemm min jista’ jitħajjar jargumenta li għall-appuntament elettorali li ġej hemm bżonn mexxej ġdid jew mexxejja ġdida. Iktar u iktar f’dak li ġej fid-daqqiet ta’ ġimgħa oħra.

Kunsilli Lokali

6. Dan għax bħallum ġimgħa ser ikun hemm ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, li mill-figuri li rajna huwa ċar li ser ikun hemm tibdiliet. Dan ser ikompli jnaqqas mis-saħħa li kellu l-Gvern. Iktar kunsilliera eletti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u iktar Kunsilli li jiċċaqilqu favur tmexxija tiegħu. Forsi hawn ukoll ser naraw sorpriżi li qabel il-Gvern ma kienx qiegħed jipprevedi. Passi sabiex ikomplu jnaqqsulu l-appoġġ elettorali u li jagħtu l-opportunità lill-Partit Nazzjonalista jimxi ’l quddiem. Il-klima politika għall-Partit Laburista mhijiex ser tkun faċli, li sejjer iktar lura fl-effetti tal-proċessi legali, l-inkompetenzi varji u n-nuqqasijiet amministrattivi li l-poplu qiegħed iħoss. F’kull lokalità ser jinsabu raġunijiet varji, imma l-verità hija wkoll li l-porporina minn fuq il-kurrazza marret sew u hemm bżonn armatura ġdida.

Inħarsu ’l quddiem

7. F’dan kollu wieħed irid iħares lejn il-futur. Wieħed irid, l-ewwel, jagħmel analiżi politika sħiħa li tqis ħafna fatturi. Dik li tara r-raġunijiet tan-nuqqasijiet fl-appoġġ, imma li tara kif tibni programm elettorali. Programm li jħares lejn dak li jridu l-bnedmin li ġejjin mill-irkejjen kollha tal-pajjiż tagħna. Proċess li fih, u minnu, nistgħu nieħdu direzzjoni aqwa. Dik li ssarraf sabiex ikun hemm tibdil fil-Gvern tal-pajjiż: bidla li issa qegħda ssir iktar u iktar ta’ neċessità nazzjonali. F’dan, għalhekk, huwa iktar leġittimu li nistaqsu jekk dan huwiex effettivament il-bidu tat-tmiem tal-Partit Laburista fil-Gvern.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...