1. Huwa minnu li parti sew mill-elettorat li għandu bżonn jinstemgħa u jingħata widen tkellem u bagħat il-messaġġ sħiħ tiegħu. Indirizzat l-iktar lill-Partit Laburista fil-Gvern. Imma mhux biss. Kien hemm ċar li l-kunsens politiku fih naqas u xxellef. L-ewwel, sija f’dawk li ma vvutawx; u t-tieni, sija f’dawk li marru għal partiti u kandidati indipendenti. Hemm vot ta’ protesta mill-iktar qawwi irreġistrat fl-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Wieħed li għalkemm kien hemm indikazzjonijiet tiegħu qabel, ħadd ma stennihom kif irreġistraw ruħhom. Imma li dan kollu fil-fatt juri iktar kemm il-votant jaf juża sewwa d-dritt tiegħu. Wieħed li għandu jiftaħ l-għajnejn ta’ dawk li sa issa ma jridux jaraw. Dak li seħħ jista’ għalhekk, iżda mhux neċessarjament, jirrepeti ruħu fil-futur, jekk verament il-folji ma jinbidlux u ma jinfetħux kapitoli ġodda.
Iktar f’dak il-Ħadd
2. Diġà għaddew diversi jiem mingħajr ċaqliq veru bi tweġiba għal dak li l-elettorat qiegħed jitlob. Però, fil-verità, għad fadal tlett snin oħra. Ħamsa u erbgħin elf vot reġgħu ma nxeħtux favur il-Partit fil-Gvern, u issa naqas fil-pożizzjoni li għandu 45% tal-vot tal-elezzjonijiet Ewropej. Issa li nfetħu u ġew magħduda anki l-voti tal-Kunsilli Lokali, il-pożizzjoni nbidlet ukoll. Inqas Kunsilli Lokali mmexxija mill-Partit Laburista u komplessivament inqas kunsilliera għalih. Proċess iġib ieħor, u huwa żball li wieħed jilludi ruħu l-kontra. F’dan, għalkemm il-Gvern jista’ jiddikjara li baqa’ minn fuq fl-Ewropej b’maġġoranza relattiva u f’dawk Lokali b’waħda mnaqqsa, xorta l-pożizzjoni mhijiex faċli, u anzi, kompromessa. Biex tinbidel din il-mewġa li ma kellniex qabel iridu jsiru diversi sforzi. Ħafna huma diffiċli, u anke jekk isiru, ma jfissirx li x-xorti politika ser tinbidel.
Kif nafu
3. Kif nafu, hemm elezzjonijiet li jintrebħu, li mhumiex ħafna, u hemm ferm iktar minn dawk li jintilfu. Il-Ħadd l-għada tal-elezzjonijiet kien hemm telfiet reġistrati għall-Partit Laburista, u fuq dan ma hemmx dubju. Sa issa tista’, fit-teorija, tiġi rkuprata ċertament mhux billi kollox jibqa’ l-istess, imma bil-bidliet veri, dejjem jekk jistgħu jitwettqu. Bidliet li kull min huwa fil-politika jagħraf li għal partit li issa ilu sew fil-poter, u li jinsab fit-tielet leġislatura tiegħu, mhumiex faċli li jsiru. Anzi, li fiċ-ċirkostanzi huwa ferm diffiċli biex isiru meta diġà saru forom ta’ sforzi varji qabel dan l-appuntament elettorali li baqgħu ma rnexxewx. F’dan hemm evidenti kriżi politika li issa għandha bħala xhud riżultati elettorali. Kriżi fit-tmexxija fis-sens li s-saħħa ‘morali’ u ta’ leġittimità fil-pajjiż u l-partit issa nxeħtet pass lura. F’dan iktar għalhekk hemm id-dubji f’kemm ser tkun kapaċi tmexxi ’l quddiem l-ewwel, u wara sabiex jirnexxilha tirreġistra suċċess elettorali fil-futur.
Saħħa politika
4. Huwa f’dan evidenti li s-saħħa politika tal-Gvern ġiet ridotta. F’dan wieħed, fuq naħa jittama li sservi ta’ lezzjoni fl-umiltà sabiex ċerti esaġerazzjonijiet fis-suppervji u l-arroganzi li ilna naraw, jispiċċaw. Fuq l-oħra, però, ser tkun ferm iktar diffiċli biex tmexxi: l-ewwel, lil dawk li ċekkint; it-tieni, għax il-ħeġġa ta’ qabel, kif nafu, tieqaf; u t-tielet, għax tidħol l-istennija permanenti ta’ x’jista’ jiġri jekk jinqaleb il-Gvern. Ġejjin quddiemna snin ta’ stennija, li minnhom diversi ser joqogħdu pass lura. F’dan, għalhekk, il-linja fil-ħidma li konna qed naraw ser timxi fil-ġenb u l-ftaħir esaġerat u superlattiv li kellna ser nittamaw li jonqos. Raġunijiet oħra li komplessivament jafu jservu sabiex f’appuntament elettorali ieħor ikun hemm iktar bidliet tajba milli diġà rajna.
Ma niġrux
5. F’dan, però, wieħed irid ikun attent iktar minn qabel. Għadna ma wasalniex fil-venda ta’ Kastilja, għalkemm ħadna ftit nifs sod. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed f’pożizzjoni aħjar milli kien, imma r-realtà hija li għad fadallu xi jterraq. Għadu jrid jifhem, janalizza huwa stess ir-riżultat elettorali tiegħu u ma jitlaqx jiġri jaħseb li huwa kollox sewwa, imma li għad hemm xi jsir. Irid iqabbel dawn ir-riżultati ma’ diversi qabel, inkluż dawk tal-2014 u 2022 biex ikollu quddiemu l-istampa vera. F’dan, ovvjament, il-vapur għadu barra l-port imma jista’ jkun kapaċi jidħol. Għax għalkemm hemm dawn is-sinjali li wieħed irid jieħu ħsieb jimmarka filwaqt li m’għandux jaqta’ qalbu, anzi, wieħed imma jrid iħares aktar lejn dak li ġej. L-iktar fil-fatt li għalkemm il-voti tnaqqsu bil-kbir fil-partit l-ieħor, dawn ma ssarrfux f’dawk favur tiegħu. Elettoralment ma kienx hemm riżultat li bih nistgħu nimmarkaw li l-bnedmin biddlu l-partit. Għalhekk, f’dan trid l-għarfien ċar u oġġettiv li trid ferm iktar biex twassal li jkollok maġġoranza politika parlamentari stabbli. Trid ferm iktar biex tikseb il-fiduċja elettorali. Trid ferm iktar biex mal-poplu tibni manifest elettorali li fuqu tista’ taħdem meta jkollok ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-poter.
Il-Futur
6. Fil-ġimgħat li ġejjin ser naraw jekk humiex sejrin jittieħdu passi mill-Gvern biex jipprova jbiddel il-kunsens u l-burdata politika. Forsi jistenna wkoll l-appuntamenti sportivi li ġejjin jgħaddu. Jista’ jkun li jseħħu passi veri; jista’ biss dawk li jidhru li huma hekk u jista’ jkun li ma jseħħ xejn minn dan. L-impatt ta’ dawn id-deċiżjonijiet ser jimmarkaw il-futur ta’ pajjiżna. Iktar u iktar fl-għarfien li jekk il-Gvern huwa diġà maqtugħ mill-poplu mhux ser jirnexxilu jasal daqshekk malajr f’dawn it-tlett snin li għad fadallu. Hija x’inhija t-triq, minnha nfisha hija waħda twila u kkumplikata. Għalhekk, min qiegħed jiġi b’soluzzjonijiet u dikjarazzjonijiet varji u sempliċi li bdejna nisimgħu l-għada tal-elezzjonijiet, naħseb li jkun qiegħed jidħak bih innifsu u jiżbalja. Ikun ferm aħjar li flok daqq ta’ trijonfi jkun hemm iktar umiltà, kawtela u attenzjoni għad-dettalji, li fl-aħħar mill-aħħar huma dawk li jagħmlu d-differenza.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment