27.6.24

MINN QIEGĦ IL-BAĦAR

1. Eventi passati, fil-maġġorparti tagħhom, għaddew minn fuq l-umanità. Uħud ikollhom u jibqagħlhom rilevanza għall-ħajja ta’ kull ġurnata, però l-oħrajn jibqagħlhom dak li huma esperjenzi. Dak li jgħaddu minnu bnedmin oħra jibqgħu eżempji li wieħed jista’ jieħu jew jirrifjuta. Aktar ma’ f’dan ikollok l-opportunità li taqra, tant ikun aħjar biex tagħraf dawn il-lezzjonijiet. Imma hemm sitwazzjonijiet li għalkemm għandhom it-tagħlimiet tagħhom, xorta jaħkmu u jsiru frott ta’ diżgwid fil-preżent. Stati jispiċċaw involuti wkoll b’kawżi fejn id-diplomazija titqiegħed għall-prova u mhux faċli ssib soluzzjoni għalihom.

Mill-istorja

2. Fil-ħajja u fl-istorja, diversi bnedmin sabu ruħhom fil-pożizzjoni li jridu jaqsmu l-ibħra. Ħafna bastimenti varji li nbnew waslu fil-port tagħhom. Biss, fl-ibħra tad-dinja, b’mod partikolari dak Mediterranju u oħrajn, hemm midfuna u miġbura numru minnhom li, għal xi raġuni jew oħra, ma waslux fid-destinazzjoni tagħhom. Uħud, fil-maġġorparti, sabru ruħhom fil-qiegħ wara li kienu nqabdu f’maltempati li nafu sew li l-baħar kien u għadu kapaċi jtellgħa. Hemm ukoll dawk li niżlu fil-fond frott ta’ battalji navali li l-istorja tgħidilna bihom. Biss, f’dan, mhux kull vapur li jinsab fil-fond huwa sa issa magħruf jew identifikat. Li huwa iktar interessanti hu li, ċerti drabi, maltempati preżenti jikxfu dawk l-effetti passati. Id-dinja għandha u għadha tiffaċċja dawn il-pożizzjonijiet.

Spanja

3. Wieħed mill-pajjiżi li jiffaċċja spiss dawn il-kumplikazzjonijiet li jqumu huwa dan il-pajjiż. L-Imperu Spanjol kien jifrex l-oċeani, speċjalment dawk fl-Amerika Latina bil-kolonji tiegħu. Artijiet li kienu jfornuh b’deheb, fidda u diversi oġġetti prezzjużi. Dawk li l-bastimenti tiegħu kienu jġorru lejn u minn Spanja stess. Fl-eventi sħaħ tad-dinja, diversi huma dawk li niżlu fil-qiegħ sew bil-forza tan-natura, kif ukoll bil-forza distruttiva tal-bniedem. F’kawżi kkumplikati u mill-aspett legali verament interessanti jqumu kwistjonijiet bejn l-Istat proprjetarju oriġinali, l-Istat ta’ f’liema ibħra jkun jinsab midfun il-bastiment u l-kumpanniji varji li jew waħdedhom, jew għax imqabbda jfittxu, dawn ilkoll jippretendu l-ħlas. Jippretendu li dak li huwa midfun fis-sekli jsir tagħhom.

San José

4. Fost dawn, hemm għaddejja kwistjoni dwar bastiment Spanjol b’dan l-isem. Wieħed li sab it-tmiem tiegħu fit-8 ta’ Ġunju 1708, f’battalja navali li l-Ingliżi għelbu. Abbord kien hemm sitt mitt ruħ, li minnhom jingħad li salvaw biss ħdax-il persuna. Il-bastiment, li kien ukoll mgħobbi sew b’oġġetti prezzjużi, instab mill-forzi navali Kolumbjani li fl-2015, bl-għajnuna ta’ kumpannija privata, sabuh lura. Kif iddeskriva tajjeb The Economist riċentement: “The discovery prompted a bitter row over the wreck’s ownership. Columbia says the ship is protected as an ‘inalienable item of cultural interest’ because it lies in its territorial waters. Spain argues that it owns the vessel because international law recognises a wreck like the San José as the property of the state whose flag it flew. The Qhara Qhara, an indigenous Bolivian group, says the precious metals on board came from their land, a claim that Colombia’s president, Gustavo Petro, acknowledged.” Indikazzjoni mill-iktar ċara ta’ dak li jqum f’dawn is-sitwazzjonijiet.

Valuri

5. F’dan, joħorġu iktar ċari l-valuri varji li kull parti tagħti għal dan kollu. Fuq naħa, ċertament, hemm dak marbut mal-valur materjali tal-merkanzija li l-bastiment iġorr. Dak li jista’ llum jinbiegħ mill-ġdid u li jġib vantaġġ għal parti jew l-oħra. Hemm ukoll dawk li qegħdin jinsistu li hemm iktar valur jekk dak li hemm midfun f’qiegħ il-baħar jinġabar lura u jitqiegħed f’mużew li minnu nnifsu jiġġenera dħul minn dawk li jagħżlu li jmorru jaraw dawn l-oġġetti. Imma li jolqtok l-iktar f’dan huwa l-fatt li l-aħħar kunsiderazzjoni tmur lejn id-diversi bnedmin li sabu d-difna tagħhom ma’ dawn l-oġġetti. Meta ċċaqlaq dak li ssib qiegħed ukoll tmiss art li għandu jkollha l-protezzjoni. Hemm evidenti ħafna “valuri” varji, imma l-Istati jagħżlu l-prijoritajiet tagħhom. Lezzjonijiet li aħna wkoll, għal kull sfida futura, nistgħu nsibu ruħna fiha.

Fix-Xlendi


6. F’dan wieħed għandu jgħid li f’pajjiżna ttieħdet deċiżjoni tajba dwar pożizzjoni forsi inqas ikkumplikata, fis-sens li m’hemmx elementi internazzjonali. Forsi dan mhux magħruf biżżejjed, imma ftit ’il bgħid mix-Xlendi hemm xini minn żmien il-Feniċi, mis-seba’ seklu Qabel Sidna Ġesù Kristu, li jinsab midfun. Wieħed li nstab maż-żmien u li huwa mimli b’oġġetti minn dak li l-bnedmin ta’ dak iż-żmien f’dawn il-gżejjer kellhom bżonn. Evidenza li pajjiżna kien jagħmel ħafna parti mill-kummerċ Mediterranju u li maltempati bħal ma naqraw fl-Atti tal-Appostli kien hemm u jibqa’ jkun hemm. F’dan sar pass tajjeb li flok l-oġġetti jitilgħu lura fl-art minn fejn telqu, jibqgħu hemm għad-dispożizzjoni ta’ dawk li bl-użu tal-apparat modern jistgħu jinżlu jarawhom.

Pass ’il quddiem

7. Ċertament mhux f’kull parti tal-ibħra tad-dinja jew tagħna jista’ jsir dan. Imma f’dan li sar minna nġiebet il-ġabra ta’ dak li huwa ta’ valur għalina. Il-post tad-difna ta’ dawk il-baħrin sfortunati għadha hemm. L-oġġetti ma ttiħdux u tkissru, imma baqgħu f’posthom. Ma’ dan ukoll, l-aspett turistiku ġie wkoll protett, u anzi mkabbar. Pajjiżna huwa mimli b’wirt li ma tantx jagħtih importanza. Nonfqu dejjem inqas fih, meta għandu jkollna kull interess li nonfqu ferm iktar. Għandna ħafna fuq l-art, imma għandna daqshekk ieħor f’qiegħ il-baħar, li rridu nipproteġu b’għaqal u b’intelliġenza.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...