24.6.24

TAMIET IT-TAMBARA

1. Għaddejjin minn perjodu mimli bi sfidi ġodda. Uħud konna ħsibna li ser jintrikbu fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, imma llum fhimna li morna f’oħrajn. Kien hemm diversi li emmnu f’dak li seta’ jsir, b’fidi, fiduċja u speranza. Oħrajn le. Kien hemm politiċi varji fl-Ewropa li tkellmu u użaw il-ħsieb li l-votant għandu jittama f’futur aqwa milli għandu. Kemm dawn seħħilhom hija ħaġa oħra. Sija dawk li xeħtu u esprimew l-opinjoni tagħhom, kif ukoll dawk li jmexxu. Mhux kulħadd irreaġixxa l-istess. Uħud aċċettawhom; oħrajn le.

Franza


2. Dan ħareġ iktar fiċ-ċar f’dan il-pajjiż viċin tagħna, bħalissa mmexxi mill-President tar-Repubblika Emmanuel Macron. Ir-riżultat m’għoġbux tant li ddeċieda kif jista’ jxolji l-Parlament u jsejjaħ elezzjoni ġenerali. Fit-30 ta’ Ġunju, bħallum ġimgħa, jinxeħtu l-ewwel voti. Sejħa elettorali li hija skabruża minnha nfisha. L-iktar għax ħadet lil diversi b’sorpriża. Iż-żieda tal-vot fuq il-Partit tal-lemin estrem, Rassemblement National, u t-tnaqqis qawwi f’dak ta’ Macron wassal għal dan. Wassal iktar sabiex ix-xenarju politiku nqaleb. Fuq naħa sabiex il-partit moderat u attent ta’ Les Republicains isib ruħu maqsum, bil-kap Eric Ciotti (1965) jiddikjara fil-11 ta’ Ġunju li lest li jidħol f’alleanza mal-lemin estrem tar-Rassemblement National u diversi ma jaqblux u jesiġu li jitkeċċa mill-partit. Fuq l-oħra, ix-xellug li ddeċieda fl-istess jum li jingħaqad fi Front Popolari, b’ġabra ta’ persuni fl-estrem u l-moderati bħal Oliver Faure (1968) tal-Partit Soċjalista. X’ser jiġri ma nafux, imma dak li jseħħ ser ikollu effett qawwi fl-Unjoni Ewropea.

Rebbieħa

3. Fil-fatt, kif jikteb tajjeb The Economist ta’ din il-ġimgħa, hemm din it-tendenza li ssejjaħ elezzjoni meta titlef fl-elezzjonijiet Ewropej jew amministrattivi. Mill-istess, l-ewwel jingħad hekk: “Politicians defiantly demanding voters either back them or sack them is one of those gory European specialities.” (Li politiċi jisfidaw u jesiġu mill-votanti li jew ikunu warajhom inkella jneħħuhom hija speċjalità Ewropea kerha.” U wkoll: “The early-election gambit is called upon because it does sometimes work.” (Is-sogru li tmur għal elezzjoni bikrija ċertu drabi jaħdem.) Jiġu ċitati diversi eżempji li marru naħa jew oħra. Imma l-fatt jibqa’, fih innifsu, mimli sogru. L-ewwel, għax id-deċiżjonijiet għall-futur iridu jittieħdu malajr. It-tieni, għax jista’ jkun li flok wieħed jimxi ’l quddiem jispiċċa verament barra mill-poter.

Ir-Renju Unit

4. Dan huwa aktar u aktar ikkumplikat għax ftit wara, fl-4 ta’ Lulju, ser ikun hemm vot, ukoll imsejjaħ “malajr”, mill-Prim Ministru tal-Partit Konservattiv Rishi Sunak (1980) proprju wara telfiet elettorali amministrattivi qawwija. Deċiżjoni forsi wkoll mistennija minn uħud, imma li ċertament ser tiftaħ il-bieb għal bidliet fil-Gvern. Waħda li minnha, Keir Starmer (1962), mexxej tal-Partit Laburista Ingliż ser isib ruħu fir-responsabbiltà li jmexxi lil pajjiżu ’l quddiem. Il-pożizzjoni li sejra tiżviluppa biċċa biċċa hija dik marbuta ma’ kemm ser tkunlu l-maġġoranza fil-Parlament. Diversi huma l-ispekulazzjonijiet, imma ċertament ser ikun hemm bidla. F’dan ukoll hemm vuċi popolari li xebgħet mill-ħmerijiet li rat f’dawn l-aħħar snin.

Fl-Ewropa

5. Dan kollu huwa iktar determinanti f’dak li ġej fl-għażliet fix-xenarju tal-Unjoni Ewropea. Fuq naħa d-deċiżjonijiet marbuta mal-kompożizzjoni tal-maġġoranza politika li ser tingħaqad mal-Partit Popolari Ewropew biex tmexxi, u fuq l-oħra l-għażliet tal-uffiċjali. Il-kompromessi li ssoltu jakkumpanjaw dawn il-mumenti ser ikunu iktar interessanti u diretti għalina. L-iktar għax fuqhom jiddependi jekk tiġix konfermata jew le Roberta Metsola, li ġiet diġà konfermata mill-Partit Popolari Ewropew bħala l-kandidata tiegħu. Imma mhux biss. Il-karigi l-oħra, fosthom determinanti, ser ikun min jidħol fis-siġġu ta’ Josep Borrell (1947) bħala dak li huwa kkunsidrat bħala l-Ministru tal-Affarijiet Barranin. Dak li ser isir f’dawn l-elezzjonijiet, direttament dawk Franċiżi, huwa ta’ piż. Nittamaw li l-Unjoni Ewropea tibqa’ forza li tieħu deċiżjonijiet politiċi tajba.

Hemm ħafna


6. F’dan kienu u jibqgħu jkunu ħafna dawk li jtambru favur futur aħjar. Dawk li jitkellmu u jimbuttaw lejn iktar forom varji ta’ tamiet. Kemm minnhom iżommu l-kelma, jew ikunu fil-pożizzjoni li jibqgħu magħha, jiddependi mill-elettorat. F’dan, kemm votanti li jemmnu u jagħtu l-kunsens tagħhom. Fix-xhur li ġejjin ser naraw kemm dak kollu li ngħad jiġix materjalizzat. Iktar u iktar meta kull politiku jagħraf li mingħajr it-tamiet ta’ futur aħjar ma jkollux u la viżjoni u wisq inqas programm lejn il-futur. Ninsabu verament fi żminijiet diffiċli u ikkumplikati iktar mis-soltu, imma dan ma jneħħilniex il-bżonn li nħarsu ’l quddiem b’tama. Nibqgħu, f’dan, fost dawk li jtambru sabiex l-affarijiet isiru sewwa u f’pajjiżna jkun hawn verament it-tama għal ħajja aħjar milli għandna.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...