Showing posts with label ġustizzja soċjali. Show all posts
Showing posts with label ġustizzja soċjali. Show all posts

23.10.25

DINJIET DIFFERENTI

1. Nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa li għaddiet, waqt li kont qiegħed preżenti għal attività mill-iktar interessanti, fhimt ftit aktar. Fhimt li f’dan il-pajjiż qed ngħixu realtà politika differenti minn dik soċjali. Fhimt aktar kemm hemm sitwazzjonijiet ikkumplikati li hemm bżonn min jagħti każ tagħhom. Fhimt li hemm parti sew mill-poplu li huwa maqtugħ, u f’ħafna sens, volontarjament jew involontarjament, maqtugħ għal rasu. Partijiet li jimmeritaw mhux biss attenzjoni imma rappreżentanza. Kemm aħna ppreparati għal dan hija kwistjoni oħra u għaldaqstant, meta nitkellmu dwar il-ġustizzja soċjali li ftit qishom iridu jsemmu nifhmu li llum din hija aktar neċessarja u li biha tikber aktar id-demokrazija f’dawn il-gżejjer.

Ivan Bartolo


2. Ħaqqu aktar minn mertu, jew kif kienu jgħidu qabel, kukkarda għal dak li rnexxielu jorganizza. Bnedmin minn kull parti tad-dinja Maltija u Għawdxija kienu miġbura biex jisimgħu dak li kien qiegħed jiġi ppreżentat. Il-ktieb Il Quddiem b’Dinjità huwa fil-fatt ġabra ta’ opinjonijiet, ideat u proposti ta’ persuni varji li jafu x’inhuma jagħmlu. F’kull artiklu li taqra tara perspettiva differenti. Tara fonti ta’ informazzjoni sabiex jekk trid tibni komunità aktar attenta, libera u ġusta, tużaha. Id-dokument huwa f’dan speċjali għax jirnexxilu jġib stampa aktar sħiħa billi ġieb ħafna biċċiet f’daqqa. Irnexxielu jagħtina vista ta’ dak li hemm, dak li jista’ jinbidel u dak li għandu fil-fatt jinbidel.

Direzzjoni

3. Fil-fatt dan huwa dokument politiku f’kull sens, u nistieden lil dawk li jistgħu sabiex jixtruh u jaqrawh. Dawk il-ħafna li ġew, kien kważi mass meeting, ċertament ħadu lura magħhom esperjenza unika. F’dan ikun aktar tajjeb jekk jiġi mxandar fuq il-mezzi tal-Partit sabiex jasal għand ferm iktar bnedmin. Għax hemm il-bżonn li niddiskutu dak li ħaddieħor ma jridx jiddiskuti. Nidħlu għal pożizzjonijiet skomdi imma dovuti sabiex min jgħix hawn u jaħseb li kollox miexi fuq l-aqwa toroq jifhem li dan mhuwiex proprju l-każ. Iktar u iktar meta hemm il-mentalità tal-proċess ta’ pajjiż li jimxi fuq id-diviżjoni. Parti tafferma ruħha billi timxi fuq l-oħra. Flok nużaw lil kulħadd naraw biss kif nistgħu neliminaw lil dawk li jew ma jaqblux magħna jew li m’għandniex grazzja magħhom.

Kunċett żbaljat

4. Il-ktieb imexxina kontra dan il-kunċett xejn tajjeb. Ma nafx minn fejn writna din il-mentalità li flok nifhmu li qegħdin ilkoll f’daqqa naħsbu biss li nistgħu nimxu waħedna. Nimxu aħna u l-oħrajn jiġu traskurati, imwarrba fil-ġenb u abbandunati. Qisu għandhom xi ħaġa ħażina, xi dell ikrah fuqhom jew għandhom xi inkapaċità partikolari. Hija kultura politika żbaljata li qiegħed nara fix-xenarju politiku tagħna. Waħda li nikkumbatti fl-affermazzjoni kostanti li kull persuna hija rilevanti. Jekk iktar nemmnu fid-dinjità umana, kif ukoll li l-politika tħares lejn il-bniedem bħala ċ-ċentru tal-ideat u l-bżonnijiet, allura dan m’għandniex nippermettuh.

Diviżjoni

5. Dan wisq nibża’ li ser narawh lura b’xi mod affermat fil-jum meta jiġi mxandar il-Budget. F’dan ġiet iffurmata forma ta’ maġġoranza ta’ dawk li jistgħu u li huma komdi, li l-Gvern qiegħed jara kif jinċensa u jżomm miegħu kemm jista’ jkun. Fil-fatt dan il-jum huwa l-iktar wieħed finanzjarju. Uħud jippruvaw jaraw warajh ideat jew viżjoni fit-tul, imma f’dawn is-snin rajna iktar kif ir-rota tibqa’ ddur. Meta tiġi f’dan tifhem iktar lil dawk li jitkellmu dwar l-“istatus quo”. Dawk li jibdew bħala riformisti, progressisti, soċjalisti, u jispiċċaw konservattivissimi. Dawk li ferħanin bil-poter fil-poter u li mhumiex lesti jissugraw ideat ġodda sabiex il-klassijiet l-iktar ’l isfel jitilgħu ’l fuq.

Il-Klassi Medja

6. Kien hemm żmien meta konna nisimgħu b’din il-klassi. Anzi, kienu jgħidulna kemm il-“middle class” hija mportanti u li jridu jżiduha. Kunċett politiku li dwaru numru ta’ awturi, fosthom Emanuel Todd (1951) jinsistu li huma s-sigriet veru sabiex titkattar id-demokrazija. Għalihom, u f’dan hemm valur, dik hija ċ-ċavetta li ġġib il-bidliet. Għax dawk li jitilgħu ’l fuq ikunu jridu soċjetà aqwa, differenti u li tgħin lil min huwa minn taħt. Oħrajn huma fil-fatt komdi li l-affarijiet jibqgħu kif inhuma għax iħossuhom affluwenti u li anzi, kif jinsabu, jistgħu jżidu aktar il-ġid tagħhom. F’ħafna, dan huwa proprju dak li qiegħed iħabbat il-bieb għalina. Din hija l-isfida ta’ partit interklassista. Partit li mhuwiex konservattiv u li huwa fil-fatt fis-sejħa vera tiegħu progressiv. Wieħed li jħares sabiex jgħolli lil min huwa minn taħt.

Rilevanza

7. F’dan, dak li sar nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Ottubru 2025 huwa iktar utli għax minnu wieħed jista’ verament jislet proċess ta’ bidla. Bir-rispett lejn kulħadd, naħseb li jkun aktar siewi li dawn il-persuni li kitbu jinġiebu jitkellmu fil-Partit. L-enerġija hija tajba ħafna politikament, imma l-ħsieb u l-linja tagħha huma aktar. Biex nibnu linji politiċi lejn soċjetà aktar ġusta u demokratika rridu nifhmu l-faċċati sħaħ tal-ġustizzja soċjali. Il-pajjiż jafdana jekk naqbżu għal dawk li għandhom bżonn, għax għandna ideat tajba li fuqhom nistgħu naħdmu. Nittama li fix-xhur li ġejjin ikollna dibattiti u diskussjonijiet interni ma’ dawn il-bnedmin. Għalija proċess neċessarju li jibni s-serjetà u l-missjoni politika vera tagħna. Forsi f’dan kollu nifhmu aktar id-dinjiet differenti u varji li għandna madwarna.

22.9.25

JEKK JINQABDU

1. Din il-ġimgħa għaddiet fid-dell tar-rapport ippreżentat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni ulterjuri tal-Fortina. Dell, għax f’dan il-pajjiż qisna ma nistgħux infiequ minn każijiet koroh bħal dawn. Rapport dettaljat li jġib għad-dawl tagħna dak li seħħ u li ma missu qatt li seħħ. F’ħafna dan huwa tort tal-Gvern li ma ried jisma’ xejn mill-kritika li saret lilu mill-Oppożizzjoni snin ilu. Bħas-soltu, flok fittxew li jaraw il-valur tal-pożizzjoni tagħna skartawha, irredikolawna u ppruvaw iġibuna fil-vesti ta’ dawk li huma kontra l-interessi nazzjonali jew tat-turiżmu. Huwa ta’ nkwiet kif f’dan il-pajjiż ma nistgħux nieħdu r-ruħ sabiex l-affarijiet isiru kif għandhom isiru.

Almenu

2. Fuq in-naħa l-oħra hemm almenu d-dawl li għandna sija l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, kif ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati li huma gwardjani tas-sewwa. Ix-xogħol metikoluż u kkumplikat li l-Awditur Ġenerali wettaq huwa ta’ konfort. Għad hawn min kapaċi jaħdem b’indipendenza u b’imparzjalità. Moħħna mistrieħ li ma hemmx idejn twal li jilħquh. Dmiru wettqu fil-libertà u wasal għall-konklużjonijiet li lkoll nafu bihom. Rapport ieħor determinanti li jimmarka d-dnubiet mortali li dan il-Gvern, f’dawn it-tlett leġislaturi, ra jseħħu taħtu. U għalkemm bħala argument jista’ jingħad li ma kienx hemm politiċi nvoluti, xorta jqum dak li dan kollu ma setax jagħmel sens mill-bidu, u li bi ftit attenzjoni u żelu setgħu waqqfu dak li kien ser iseħħ. Billi kienu min kienu però jidher li, anzi, kien hemm aċċettazzjoni li kollox kellu jgħaddi riħ.

Pajjiżna

3. F’dan jista’ jkun hemm min jgħidilna li dawn ix-xalati jsiru f’kull pajjiż. Biss, bir-rispett kollu, aħna m’aħniex interessati f’dawn it-tip ta’ argumenti. Pajjiżna jixraqlu ferm aħjar milli għandu llum il-ġurnata. Jixraqlu li ma jkollux aktar minn dawn l-iskandli u li l-proċeduri legali jsiru kif għandhom isiru. Ċertament għandna ħafna iktar x’nisimgħu, għax kif idderieġa tajjeb l-Ispeaker tal-Kamra, l-investigazzjonijiet għandhom jibdew minnufih sabiex wieħed jara min kien responsabbli għal dan l-aġir illegali. Hemm aġir żbaljat li wieħed irid jagħti kont tiegħu għaliex is-soċjetà u l-komunità kummerċjali għandhom kull dritt jaraw li l-liġijiet ikunu applikati b’mod ugwali ma’ kulħadd.

Mhux biżżejjed

4. F’dan naħseb li għall-opinjoni pubblika, u għal dawk li jridu s-sewwa mhuwiex biżżejjed li wieħed jgħid: “Tuni lura d-differenza”. Huwa tajjeb li jsir eżami oġġettiv tal-affarijiet, jiġifieri li wieħed jara dak li kellu jitħallas u li ma tħallasx. Imma anki jekk tasal għal dan, tkun qiegħed finalment tippremja lil min abbuża mis-sistema. Tkun biss qed tkompli tiftaħ iktar beraħ il-bieb għal dawk li huma deċiżi li jabbużaw u wara, jekk dejjem jinqabdu, iħallsu. Mhuwiex b’xi mod leġittimu u aċċettabbli li dan l-aġir jiġi ppremjat. Wieħed irid ifittex u jibni kummissjoni indipendenti li mhux biss tara, imma li tirrakkomanda r-rimedji. Dan sija fid-Dipartiment innifsu li ra wisq tibdil fil-Ministri li jmexxuh, kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet in ġenerali. Mhuwiex sabiħ li nikkonkludu, minkejja l-mekkaniżmi legali li għandna, li kien hemm min daħaq bil-Kamra tad-Deputati u mmanipulaha. Il-poplu jrid jara d-differenza.

F’dan il-Jum

5. Pajjiżna jixraqlu li jiċċelebra l-Jum tal-Indipendenza tagħna fl-għarfien li għandu lil min imexxih sewwa. Fil-libertà u l-ugwaljanza li naħdmu għalih. Fl-importanza li nagħtu liċ-ċertezza tad-dritt naħseb li hemm bżonn bnedmin differenti li jmexxu aħjar lil pajjiżna. Waqt li niċċelebraw fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann għandna niftakru li fil-politika u fil-ħajja hemm min iħares l-interessi personali tiegħu, imma hemm ukoll dawk li jħarsu l-interessi tal-ġid komuni. Dawn il-gżejjer jimxu, u jibqgħu jimxu fil-progress meta l-għeruq veri tagħhom jiġu rispettati. Il-Ġustizzja Soċjali fid-demokrazija titlob li l-ġid nazzjonali jitqassam u ma jispiċċax fil-but ta’ dawk li huma ppreferuti.

Nittama

6. F’dan aktar nittama li l-kuntest sħiħ ta’ dak li seħħ ma jitteħidx f’dak li tipprova tgħid li kull partit iwettaq affarijiet bħal dawn. Mhuwiex minnu. F’dawn it-tnax-il sena ta’ Gvern Laburista, l-istorja turi li dawn il-każijiet ma waqfux. Dawk il-każijiet veri li lkoll nafu bihom. F’dan hemm, infakkar, għażla varja ta’ rapporti li saru mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li jinsabu hemm, quddiemna. Dawk li ħarġu għad-dawl tax-xemx. Dawk li juru l-abbuż li sar, u fl-istess ħin, il-mentalità li daħlet. Dik li wieħed għandu l-libertà li jaġixxi illegalment u kif irid, dejjem sakemm forsi xi darba jinqabad.

24.4.24

IS-SABIĦ U L-IKRAH TAL-POLITIKA

1. Forsi l-iktar minħabba l-imġieba, mhux dejjem fl-aqwa ġieħ, li f’dawn il-gżejjer rajna xi wħud jesprimu l-opinjoni li l-politika hija ħażina. Sfortunatament inbniet din il-linja ta’ ħsieb li jixraq li tiġi ikkunsidrata. Għax għalkemm dawk li jaġixxu fil-kamp pubbliku xi mindaqqiet mhumiex proprju dak li l-poplu jrid mingħandhom, xorta waħda l-politika, fiha nfisha, m’hijiex ħażina. Il-politika hija strument ta’ bidla. Strument li bih wieħed jista’ jwettaq il-ġid. Strument għas-sewwa, jekk użat kif kien maħluq biex ikun. Dak li bih persuna jaħdem għal bnedmin oħra biex inaqqsilhom mid-diffikultajiet li għandhom, u fl-istess ħin jibni soċjetà aħjar.

Ordni u Ġustizzja

2. Kull pajjiż għandu l-istrutturi tiegħu biex jitmexxa u jamministra dak li għandu fih. Fortunatament għalina, aħna ngħixu fi Stat demokratiku. Biss, dan minnu nnifsu jitlob li wieħed ma jiqafx jinsisti u jaħdem sabiex is-sistema tkun aħjar. Iktar u iktar meta fil-kuntrast kontinwu bejn id-demokrazija u d-dittatura hemm dawk li jsibu ruħhom fit-triq demokratika li jmorru lejn it-tirannija. Imma anki jekk hemm dawn it-tentazzjonijiet, l-iktar f’dawk li jsiru familjari mal-poter, xorta hemm il-vantaġġ li permezz tad-demokrazija tista’ verament tibni soċjetà aqwa. Soċjetà li bil-liġijiet u l-politika tagħha tħares li jkollha ordni soċjali aqwa u li tiġi affermata l-ġustizzja f’kull settur.

Ugwaljanza

3. Iktar u iktar meta nitilqu mill-punt li kull bniedem, ġej minn fejn hu ġej huwa, l-ewwel, imbierek bi drittijiet fundamentali li ma jistgħux jinbiegħu; u t-tieni li huma, minkejja kull żvantaġġ ekonomiku jew soċjali, ugwali. Kull persuna għandha dan fid-dinjità umana li ħaqqha. Biss, kif nafu, kull soċjetà, minnha nfisha tipproduċi sitwazzjonijiet fejn dawn mhumiex rispettati. Il-votanti fid-demokrazija jħarsu lejn dan. Jagħrfu li m’għandux ikun, u jridu li jittieħdu l-passi sabiex dak li huwa kontrihom jinbidel. Ma nistgħux, u m’għandniex naċċettaw li dak li huwa żbaljat isir in-normalità. Naċċettaw li, għall-kuntrarju, nidħlu fin-normalità li nikkumbattu l-inugwaljanza.

Ġustizzja soċjali

4. F’dan, iktar minn qabel, is-sabiħ tal-politika huwa li wieħed jaħdem f’din it-triq. Jaħdem prinċipalment biex jidentifika dawk li huma l-inġustizzji u d-diżugwaljanzi soċjali li għandna u li joħorġu minn żmien għal żmien. Dan jista’ jsir jekk ikun hemm bnedmin impenjati direttament fil-politika u fis-soċjetà. Determinati li jibdlu dak li jaraw ta’ taħt fuq għax jgħixu, mhux f’torrijiet ’il bgħid, imma fit-toroq, man-nies. Kif tista’ tifhem dak li hu għaddej jekk ma jkollokx it-twieqi ta’ widnejk, għajnejk u mnieħrek miftuħa beraħ għal dak li qed tisma’ u tiltaqa’ miegħu kuljum? Il-politika fiha dan il-mertu uniku: li wieħed jirnexxilu jkun parti minn proċess lejn il-bidla. Proċess li jġib progress veru, u mhux wieħed apparenti, tal-bniedem fid-dinjità sħiħa tiegħu. Kull inġustizzja soċjali rettifikata tagħmel minna soċjetà aħjar, bnedmin aqwa, u dan jista’ jsir bl-impenn pubbliku li jista’ jtih il-ħajja.

Passi normali

5. F’dan, hemm iktar il-bżonn ta’ għarfien li l-politika t-tajba trid tibda minn dak li huwa fiċ-ċokon u fis-sempliċità. Dawk il-passi li jolqtu direttament lill-bnedmin, ’il bgħid minn proġetti kbar li fl-aħħar mill-aħħar jafu jkunu huma stess kumplikazzjoni. Dawk li jixorbu ħafna mir-riżorsi tal-pajjiż u jċaħħdu milli jsiru miżuri soċjali veri. Il-politika żbaljata tinbena proprju fuq l-idea li għandek taljena biex tibni dak li mhux neċessarjament ċert li huwa ta’ ġid. Dan jgħodd iktar jekk inħarsu lejn il-fondi kollha li ntefqu tul dawn l-aħħar leġislaturi fi proġetti li ma solvewx, iżda li anzi, iggravaw. L-ekonomija t-tajba timxi fuq proġetti li minnhom joħroġ il-ġid u mhux ikunu eżerċiżżji biex nonfqu u niġġeneraw ekonomija fraġli li tibqa’ waħda dipendenti. Bis-saħħa politika li kellu dan il-Gvern seta’ wettaq ferm iktar milli attwalment għamel.

Il-fraġilità tal-Istat

6. Il-politika t-tajba tinbena proprju fuq l-għarfien tar-riżorsi li għandna għad-dispożizzjoni tagħna, u kif dawn jiġu mħajra jaħdmu. M’hemmx lok għal impożizzjoni, dixxiplina awtoritarja li ma twassal għal imkien, salv għal dwejjaq li tgħix f’soċjetà fejn m’għandekx leħen jew sehem. Hemm, minflok, dik li tħajjar billi tifhem lil min tirrappreżenta u taħdem għall-bidliet. F’dan kollox huwa uman u l-bnedmin huma, minnhom infushom, fraġli. Biss, proprju f’dan huwa iktar importanti li jkun hemm il-preparazzjoni fl-impenn sabiex ikollna politiċi li qegħdin hemm għall-oħrajn. Iservu, mhux jisservew. Jgħinu sabiex jibnu strutturi li jaħdmu, mhux temporanjament, għal ftit żmien, imma fit-tul. Tqiegħed pedamenti li jservu f’kull żmien u li, fl-istess ħin, iħajru oħrajn biex jidħlu jaħdmu magħhom. Għax l-istat tal-bnedmin jibqa’ fraġli, imma bl-impenn, jibqa’ rilevanti.

Liġijiet u Bnedmin

7. F’dan iktar tagħraf li l-politiċi għandhom il-vantaġġ li jqegħdu liġijiet tajba. Ħafna drabi, dawk barra mill-politika jippreferu li jiżdiedu l-liġijiet u għandhom iktar fiduċja li dawn jaħdmu milli l-bnedmin infushom. Biss, il-liġijiet ma jistgħux ikunu perfetti, u ħafna drabi jiddependu minn min ikun fassalhom, li għandhom iktar il-kumplikazzjonijiet tagħhom. Mhux biss, imma għandek ukoll id-diffikultà ta’ dawk li wara li jkunu approvaw, jgħaddu biex jimplimentawhom. Il-politika t-tajba titlob iktar li jsir investiment fil-bnedmin. Titlob li jkun hemm formazzjoni aħjar. Titlob li l-partiti politiċi jkollhom bnedmin li huma iddedikati u ippreparati fis-sustanza ideoloġika, mhux sempliċement fl-apparenza esterna. Il-liġijiet għandhom ikunu tajba minnhom infushom, anzi dejjem, biex ngħidu iktar, itjeb. Imma s-soluzzjoni għall-politika t-tajba jibqgħu l-bnedmin iffurmati tajjeb.

Il-futur tagħna

8. Iktar f’dan, wieħed irid jibni biex ikollna futur aħjar milli għandna. Iktar bnedmin responsabbli u aktar dawk li biex jiġu eletti jkunu l-vuċijiet veri tal-poplu. Pajjiżna għandu l-qies tiegħu, u proprju f’dan għandu l-vantaġġ li l-irkejjen m’għandhomx ikunu ’l bogħod. Il-politika t-tajba għandha tagħraf li min qiegħed jirrappreżenta huwa parti sħiħa ma’ min irid ikun rappreżentat. Fid-demokrazija indiretta tagħna rridu nassiguraw li nimxu f’din id-direzzjoni. Pajjiżna qiegħed jitlob iktar li dan il-proċess jiġu lura fis-seħħ. Dawk li ma jridux jivvutaw mhumiex ser iduru fl-opinjoni għax nagħmlulhom appelli pubbliċi, imma għax fina jaraw bidliet. Jekk irridu aktar bnedmin jipparteċipaw fil-ħajja pubblika rridu nġibu l-politika iktar rilevanti. Irridu nfehmu u nibnu l-fiduċja li dak li aħna ser niddikjaraw li ser inkunu nistgħu nwettqu.

Serjetà politika

9. F’dan iktar, l-għarfien li l-politika t-tajba hija dik ibbażata fuq il-verità. Dik sħiħa, mhux dik li tidher apparentement konvenjenti għalina. Soċjetà demokratika soda tinbena fuq iktar fatti u iktar onestà. Meta l-politika ma tibqax awtentika ssir biss iktar kerha. Meta minflok tiddikjara dak li mhuwiex minnu bħala dak li huwa. Bħalissa, iktar minn qatt qabel, l-isfida tagħna hija dik li ngħidu iktar il-verità. Din tista’ tkun skomda, u diversi jaħsbu li politikament tagħmel biss sens jekk tingħad lill-partit kuntrarju fil-proċess tat-tibna jew it-travu li għandu. Biss, tagħmel iktar ġid ukoll jekk tiġi ndirizzata lilna nfusna, li għandna l-missjoni li nagħmlu soċjetà aħjar milli għandna. Hemm lezzjonijiet varji f’dan, li xi wħud jifhmu u oħrajn le. Imma f’dan: fl-għażliet li jridu jsiru kontinwament bejn is-sabiħ u l-ikrah tal-politika.

21.2.24

SOĊJETÀ MĦALLTA

1. Fil-ħidma li l-politiku jmiss magħha jsib ruħu jifhem il-bnedmin li jgħix magħhom u li huwa mitlub jirrappreżenta. Jekk jinqata’, jew naqtugħ, mill-persuni li jridu l-għajnuna nkunu qed niżbaljaw. Kull deputat għandu jsir jaf il-bnedmin li jivvutawlu u għala jagħmlu dan. Għall-kuntrarju ta’ dak li jingħad, il-maġġor parti jivvutaw mhux għax ser jieħdu “xi ħaġa” lura, imma għax jidentifikaw ruħhom miegħu. Mal-ideat tiegħu, mal-valuri li jħaddan u mal-azzjonijiet politiċi li jwettaq. Hemm min jitlob l-għajnuna. Hemm min ikun ġenwin u li jifhem il-pożizzjoni. Hemm ukoll min, kif jgħidu, ikun wiċċu tost. Imma l-esperjenza politika turik li l-bnedmin, fil-maġġoranza tagħhom, huma ġenwini. Nies b’qalbhom tajba, li jfittxu li jwettqu l-ġid lill-proxxmu aktar milli lilhom infushom.

Tul il-ġimgħa

2. Ħsibt iktar dwar dan tul dawn l-aħħar sebat’ijiem. Iltqajt ma’ diversi ta’ ideat differenti, imma li lkoll iridu, fil-fond ta’ qalbhom u bl-intelliġenza, li jagħmlu l-ġid. Iridu li l-affarijiet isiru aħjar għax jixtiequ dinja aqwa fejn jgħixu. Ħafna minnhom huma kommessi jwettqu ħidmiet varji għall-oħrajn fis-soċjetà. Ibda minn għaqdiet differenti u kompli direttament f’dak li huwa personali. Bnedmin li jgħinu bnedmin oħra kontinwament. Jitilqu minn dak li għandhom, mill-ftit ħin ta’ mistrieħ tagħhom sabiex jiddedikaw ruħhom għall-oħrajn. F’varjetajiet kbar. Ma ninsiex dak il-funeral li kont mort għalih tant snin ilu u nsib li l-ġirien kienu ġabru bejniethom biex jieħdu ħsieb jidfnu persuna bħalhom li kienu jafu li ma kellha lil ħadd jiġi minnha u li anqas kellha mezzi. Il-knisja kienet mimlija bi bnedmin, imma l-iktar kienet mimlija b’rispett u mħabba lejn dik l-opra ta’ karità tant nobbli li kienu qegħdin iwettqu f’daqqa.

Kienet tagħlima

3. Ċertament tgħallimt li hemm parti sew mill-komunità tagħna li tipprattika dak li temmen fih. Erġajt missejt ma’ dan tul din il-ġimgħa waqt żewġ funerali. Iż-żewġ predikaturi fakkruna fil-ħajja u fil-mument meta niġu msejħa. Biss, it-tnejn iddeskrivew mill-qrib l-atti ta’ ġenerożità li kienu twettqu. Ħafna azzjonijiet tajba ma’ bnedmin oħra li kienu qegħdin f’mumenti diffiċli. Fil-mard, fis-sofferenzi varji, fin-nuqqasijiet, l-iktar direttament fis-solitudni li l-bnedmin isibu ruħhom fiha għal raġunijiet varji. Atti altruwisti mhux sabiex ikun hemm ħlas lura għalihom iżda li anzi jsiru proprju biex ma jitħallsux lura. Indipendentement minn dak li naqraw fil-ġurnali hemm dawk li huma tajba, u mhumiex ftit. Tajba fil-kelma u fl-azzjoni. F’dawn is-snin li ilni nimxi fl-esperjenza politika ma nqastx li niltaqa’ ma’ dawn il-karattri.

Mhux ċiniku

4. Ħafna bnedmin huma mmirati għat-tajjeb. Hemm min, però, fil-ħajja jsib, imiss u jduq il-qrusa. Iebsa ħafna. Diversi jsibu ruħhom suġġetti tal-azzjonijiet żbaljati ta’ oħrajn. Daqqa frott l-għira, daqqa l-mibegħda u daqqa tal-frott tal-ġenn uman. Ħafna, fil-morr iebes jinbidlu u jibdew iħarsu lejn id-dinja u lejn dawk ta’ madwarhom b’mod mill-iktar ċiniku. Ħasra kif, f’dan, il-ħażen jipprova u jirnexxilu jaħkem lil dawk li huma l-iktar twajba. Jibbiesu u ma jkunux iridu jafdaw lilhom infushom għax jaħsbu li jekk ser iċedu, ser ilaqqtu aktar. F’dan hemm proċess twil lura mill-velenu li ħaddieħor jisqik. Hemm żmien twil biex tiġi lura bħala bniedem li trid tagħmel il-ġid lill-oħrajn. Il-bniedem jgħaddi minn prova li f’parti tbasktu, inkella f’oħra li tipprova tkissru. Huma f’dawn it-toroq li l-bnedmin twajba, b’missjoni ċara, iwettqu d-differenza.

Napprezzawhom

5. Din is-soċjetà hija mħallta fil-karattri, talenti u abbiltajiet tal-bnedmin. Imma, fil-verità, timxi ’l quddiem mertu ta’ dawk li jwettqu opri tajba. Dawk li jiddedikaw ħafna mill-ħin tagħhom biex jagħmlu l-ġid. U l-ġid joħroġ biss mit-tajjeb u mhux mill-ħażin. Hija lezzjoni tal-ħajja li tiġi fuq kull persuna li minnha jagħraf li meta jsiru atti fit-triq tal-banalità tal-ħażen ma jitwieled xejn sew. Proprju f’dan, l-isforz kollettiv tagħna għandu jkun dak li naġixxu fuq din il-linja t-tajba. Naqbdu d-direzzjoni tas-sewwa, mhux biss f’dak li rridu nwettqu, imma aktar fil-metodu li bih dan għandu jsir. Għad għandna wisq bnedmin li jaħsbu li ser ‘javvanzaw’ jekk jaqbdu l-ħsieb li l-għan jiġġustifika l-aġir żbaljat tagħhom. Proprju aktar f’dan li għandna napprezzaw aktar lil dawk li jagħżlu li ma jwettqux aġir simili.

Ġustizzja Soċjali

6. F’dan, ċertament, wieħed ma jidnibx jekk japprezza l-ħidma li hi għaddejja mill-kollegi parlamentari l-Onor. Ivan Bartolo u l-Onor. Katya Degiovanni. Dak li qed jagħmlu hija inizjattiva li ħaqqha attenzjoni. Mhux biss, jew aħjar, sempliċement għall-fatt li żewġ deputati ta’ partiti differenti qegħdin jaqbdu dan, imma l-iktar fis-suġġett li għażlu. Wieħed li fid-dinja politika attwali ma tarahx daqshekk fl-aġenda tagħha li taqbad. Mentri fil-fatt hija. Għax għandna soċjetà mħallta fil-ġid materjali għad għandna bnedmin li jsibu ruħhom fid-diffikultajiet finanzjarji u dawk li jsibu ruħhom ’l bgħid mis-soċjetà, fqar fil-kumpanija. Il-ġustizzja hija għodda kontinwa għad-dispożizzjoni tagħna. Hija dik li biha tgħin lill-bnedmin jieħdu lura d-dinjità tagħhom.

Mhux kwistjoni ta’ flus

7. F’dan, iktar u iktar hemm il-punt li m’aħniex f’soċjetà li bil-flus issolvi l-inġustizzji soċjali. Dawk huma rilevanti sakemm huma parti minn proċess sabiex tirrispetta lill-bniedem innifsu. Tirrispettah f’dak kollu li huwa. Fil-bżonn li jħossu validu u rilevanti ma’ bnedmin oħrajn. Ma nemmnux fil-liġi tal-eliminazzjoni ta’ dawk li huma inqas b’saħħithom. Ma nemmnux f’soċjetà li tippermetti li l-bniedem jiġi degradat, li jitqiegħed fil-pożizzjoni ta’ oġġett li tista’ tiskartah jew tarmih. Proprju l-kontra, l-umanità tagħna, iċ-ċiviltà li nħaddnu, dik Nisranija titlob li ma nħallux bnedmin fl-irkejjen tas-soċjetà, abbandunati. Aħna mħallta verament. Fuq naħa għandna lil dawk li jaħsbu li huma affluwenti u li ma tantx iridu jitħalltu mal-oħrajn. Fuq l-oħra dawk li qegħdin iġarrbu fis-silenzju l-umiljazzjoni u l-velenu tal-istkerrija fis-soċjetà. Trid iktar biex tinbidel.

Għarfien

8. L-inizjattiva hija tajba minnha nfisha. L-ewwel għax qed iġġib is-suġġett għad-dibattitu. Hemm għarfien soċjali, politiku u kulturali li f’dan qiegħed jinbena. Hemm bżonn li jsiru jafuh, speċjalment dawk li jridu jwettqu l-ġid imma li ma jafux biżżejjed kif u quddiem liema sfidi soċjali jridu jimpenjaw ruħhom. It-tieni, għax billi tiddiskuti dan tista’ tasal biex tibni stat soċjali aktar modern u aktar rilevanti għall-bżonnijiet ta’ dawk li jeħtieġu l-għajnuna. L-iktar li tibni stat soċjali mil-lenti ta’ dawk li mhumiex segwaċi tas-suq li jsuq. L-iktar minn dawk li huma viċin id-duttrina soċjali tal-Knisja, li tant hija mimlija b’għerf. Nittama, f’dan, li ħadd ma jipprova jwaqqaf dan il-proċess. Inħares ’il quddiem sabiex f’din is-soċjetà mħallta nibnu pedamenti u proposti li jġibu l-bidla, sabiex il-Ġustizzja Soċjali ma tonqosx.
 

25.9.23

LEJN IS-SITTIN SENA

1. Bħal dan iż-żmien sena, ser nittama li nkunu qed nieqfu biex nirriflettu fuq appuntament storiku. Pajjiżna jagħlaq sittin sena Indipendenti. Nistgħu nisimgħu ħafna kliem u diskorsi varji. Forsi wkoll, uħud ikunu biss duħħan fl-għajnejn, fejn niċċelebraw ’il bgħid mis-sustanza, kif għandna. Ngħid li għandna dmir inħarsu lejn dak li aħna u dak li għandna iktar inkunu. L-iżbalji li saru u kif ser nieħdu lezzjonijiet tajba minnhom biex nimxu ’l quddiem. Mingħajr ma neskludu lil ħadd u nifhmu li hemm proċess neċessarju li, bl-użu tar-raġuni, għandna nidħlu għalih biex nifhmu x’tip ta’ sistema demokratika qed inħaddnu u l-perikli tagħha.

Mhux trijonfaliżmu

2. Jekk aħniex inħarsu lejn is-sistema tagħna fid-dawl limitat u ristrett ta’ kostituzzjonaliżmu liberali jew hemmx il-kurrent soċjali mħaddan. Għandna demokrazija formali, legali, jew iktar mimlija parteċipazzjoni tal-klassijiet kollha tas-soċjetà, b’relevanza partikolari għal dawk l-iktar ’l isfel? B’mod iktar dirett f’dak li seħħ f’dawn is-snin. Jekk hemmx issa l-idea li huma kapaċi biss li jmexxu lill-Istat l-għorrief demokratiċi, dawk li jikkunsidraw ruħhom fl-elite. Dawk li minħabba l-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetà, jew aħjar, is-separazzjoni kostanti tagħhom mir-realtà jaħsbu li l-klassijiet l-oħra la huma kapaċi, u anqas intitolati li jmexxu. Fil-fatt, tingħata wisq attenzjoni lil dawk li huma fuq milli lil dawk li huma minn taħt.

Min għandu l-poter demokratiku f’idejh?

3. Il-kwistjoni ddur ma’ min għandu f’idejh dan il-poter. Huma dawk li bl-iżbalji tat-tmexxija tal-ewwel leġislatura Laburista ta’ mill-2013 sal-2017 jaħsbu li ġew deleġittimati dawk li mhumiex fost il-‘borgeżija’. Fejn ir-reazzjoni għal dak li seħħ hija iktar, speċjalment fit-tieni tmexxija Laburista, li tagħti każ x’iridu dawk fin-negozju milli tagħti każ xi jridu l-oħrajn. F’demokrazija fejn l-ispazju fir-rappreżentanza għall-klassi tal-ħaddiem u l-bżonnijiet tagħha qed jiġi njorat. Dan huwa ċar mhux biss minn dak li qiegħed jiġi kkunsidrat mill-klassi politika bħala prijorità fil-ħidma parlamentari tiegħu, imma wkoll fil-lingwaġġ politiku li qiegħed jiġi użat. Wieħed li huwa ’l bgħid mill-verità u li jingħad f’termini li jrid jinċensa ta’ x’jaħseb li ser isodd ’l isfel. Wieħed li qiegħed kontinwament jiftaħ il-bieb għal dawk li jemmnu f’populiżmu neo-Nażista.

X’ideat hemm?

4. Il-Kostituzzjoni tagħna m’għaddietx mill-proċess li għaddew minnu dik Franċiża u dik Taljana. Ċertament hija iktar formali u inqas soċjali. Il-bniedem, fid-dinjità sħiħa tiegħu, mhux meħud f’ħafna aspetti. Ibda minn dak tax-xogħol u għaddi għal dawk soċjo-kulturali. Morna lura fl-ideat u l-interessi ta’ klassi waħda. Qed jiġu protetti bħal dik li, fl-idea żbaljata li hija, hi biss kapaċi tiġġenera l-ġid ekonomiku. Fejn, terġa’, il-ħaddiem Malti li tgħallem drittijietu f’dawn is-snin qed jiġi sostitwit b’ħaddiem li m’għandux dan l-għarfien. Qed isiru ħafna sagrifiċċji fil-prinċipji fundamentali li nħaddnu li qed jeħduna lejn aktar sistemi awtoritarji. Aktar fuq il-lemin mil-lemin, li aħna qed narawh imħaddan pprattikat. F’dan, l-ispirtu demokratiku veru qiegħed jonqos u l-fjamma li tfakkarna fil-libertà, fil-ġustizzja u fl-ugwaljanza qegħda tnemnem. Sejra lura mingħajr difensur veru tagħha.

Demokrazija

5. Il-pajjiż irid joqgħod attent li jifhem li d-demokrazija trid tiġi kkultivata fi proċess kulturali. Jekk ma jkollniex aktar persuni li jagħrfu li l-futur tagħhom jiddependi fuq kemm titħaddem tajjeb, mhux fil-formaliżmi legali imma fl-ispirtu tagħha, ser inkomplu sejrin lura. Iktar u iktar meta qed ngħixu kriżi demokratika fis-sens li m’hemmx min qiegħed jispira u jaġixxi verament lejn din id-direzzjoni. Jaħseb biss li huwa mportanti li jibqa’ jżomm il-poter f’idejh, indipendentement jekk hemm appoġġ popolari għalih, jew le. Flok moħħna biex inġibu lura lil dawk li qed jiddikjaraw, fil-miftuħ, li ma jridux jieħdu sehem, qed nassiguraw li ninjorawhom. Vuċijiet fis-soċjetà li mhumiex sterili, u anzi, li jistgħu jduru lejn dawk li b’xi mod jirrappreżentaw bidliet radikali.

Dak li ġej

6. F’ħafna, naqbel li l-mexxejja politiċi kapaċi forsi jiċċaqilqu jekk, u skont, ir-riżultati elettorali. Ngħid diġà kellu jkun hemm ċaqliq wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, f’partiti fejn it-tmexxija qed tidher inqas awtorevoli u aktar awtoritarja. Fejn f’dan kollu, għal uħud qed jakkumula r-riħ għal dawk li ser jiġu bil-vot għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. Ħafna ser jippruvaw jinvokaw il-voti u s-siġġijiet bħala raġuni sabiex ma jiċċaqlaq xejn. Dan diġà rajnih. Imma kif iktar żviluppaw l-affarijiet u qegħdin iktar, illum hemm bżonn ta’ ċaqliq li huwa verament favur id-demokrazija soċjali u li tirrispetta lil dawk li jaħdmu. Iktar u iktar meta fl-2013 kien hemm min abdika l-poter demokratiku għall-forzi tas-suq li llum saru iktar dominanti.

Ġustizzja Soċjali

7. Abbandunajna l-kunċett tal-ġustizzja soċjali li jitlob dejjem preżenza attiva tal-Istat fis-soċjetà. Għax il-kunċett huwa issa li l-ekonomija kapitalista, anki f’pajjiżna, hija dik li tqassam il-ġid nazzjonali skont l-esiġenzi tagħha, u mhux tal-komunità. Bil-produzzjoni biss u fil-metodi tiegħu li huma l-istrumenti uniċi biex wieħed ikejjel l-iżvilupp u l-ġid nazzjonali. Fejn il-ġid u r-riżorsi qed jinqasmu bejn dawk li l-iktar għandhom saħħa ekonomika biex jixtru u jiddominaw fuq l-oħrajn. Fejn ir-regoli jimxu fuq l-iżbalji kbar ta’ Margaret Thatcher, l-ewwel meta qalet li s-soċjetà ma teżistix imma teżisti biss l-ekonomija; u t-tieni ta’ Ronald Reagan li kien qal li l-Istat mhuwiex dak li kapaċi jsolvi l-problemi, imma li l-Istat huwa l-problema.

X’poter demokratiku?

8. F’dan, għalhekk, għandna iktar id-dmir li nistaqsu: x’rappreżentanza demokratika għandna llum? Fejn min imexxi qisu l-ħin kollu jippreferi jkun mhux wisq ’il bgħid mill-forzi ekonomiċi sabiex iżomm il-poter f’idejh mingħajr ma jmiss mal-esiġenzi veri tal-pajjiż. F’soċjetà fejn qegħdin ma’ linja li ma tafx fejn sejra, imma li inevitabilment ser twassal x’imkien. Fejn din tmiss iktar li tinqata’ mill-għeruq u l-paternità ta’ dak li ħallew warajhom ta’ qabilna, l-iktar fit-tisħiħ tal-istat soċjali, li hawn qiegħed jiġi mnaqqas u sfiduċjat. In-nuqqasijiet fit-tmexxija tal-ewwel Prim Ministru Laburista ġiebu l-konsegwenza li min huwa l-vuċi ta’ dawk l-iktar minn taħt mhumiex kapaċi jmexxu lil pajjiżna. It-tieni, li s-soċjetà timxi ’l quddiem jekk tafda ruħha biss fil-forzi ekonomiċi u ta’ dawk li jiddominawhom.

Il-mira

9. F’dan naħseb li fl-għarfien ċar li l-liberaliżmu tas-suq falla u li ser ikompli jipproduċi toroq li jfallu, irridu nġibu sistema demokratika aktar vera u awtentika. Waħda li tħares il-ġustizzja soċjali mhux skont l-esiġenzi jew l-ideat tal-klassi tal-flus, imma tal-poplu. Waħda li tibni aktar lura fid-diffikultajiet u l-problemi li għandna kultura demokratika. Waħda li tagħraf li d-demokrazija mhix strument elitista, imma popolari tal-parteċipazzjoni tal-poplu kollu. Li tagħraf li nikbru fil-ġid sħiħ tagħna mhux sempliċement fil-flus li ma jagħtuniex il-ferħ u l-paċi, imma f’dak kollu li jgħoddli l-ispirtu tal-bniedem. Ċertament, dan mhuwiex faċli, imma jimmerita li jsir, aħna u sejrin lejn is-sittin sena mill-kisba tal-Indipendenza tagħna.

18.4.12

Il-Ġustizzja Soċjali f’Ħidmitna


1.    Tul il-ġimgħa, il-Prim Ministru għamel sew li ressaq għal għajnejn il-poplu l-erba’ snin ta’ ħidma li twettqet minn dan it-tieni Gvern immexxi minnu.  Il-figuri, iċ-ċifri, ir-riżultati hemm qegħdin.  Jidhru quddiem kull min huwa interessat li jsir jafhom.  Tant hemm punti validi, li hemm bżonn li jaslu għand in-nies, ġewwa djarhom, fil-kċejjen tagħhom.  Hemm min ser jaqrahom, hemm min le, però dawk li jgħarfuhom ser jagħtu kredtu għax-xogħol li sar. Il-Gvern ħadem iktar minn qabel proprju għax fehem li jekk dan ma jsirx, il-pajjiż tagħna jmur lura. Għalhekk hemm kuntrasti li jsiru bejnna li ħdima, u l-Oppożizzjoni li ma għamlet xejn, salv li tikkritika inġustament. Titkellem qisu kull jum fuq il-bank ta’ quddiem il-każini tagħhom, mingħajr proposti veri. Proposti li jistgħu b’xi mod jitħaddmu.  Dan deher iktar evidenti għax waqt li l-Prim Ministru kien qiegħed jispega x’sar, fl-istess jum il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ imaqdar jikkundanna u jcċekken.

2.    Kull gvern ikollu s-sodisfazzjonijiet u d-diżappunti tiegħu.  Ma jistax iħares lejn tal-ewwel mingħajr ma jikkunsidra t-tieni.  Hemm punti li twettqu, u huma ħafna, però hemm oħrajn inqas fin-numru li ma sarux.  Il-Prim Ministru huwa konxju minn dan il-bilanċ.  Fil-kalatura ta’ dak li sar, hemm ħafna ndikazzjoni mill-iktar evidenti ta’ impenn u bżulija.  Ħadd ma jista’, b’xi mod, jgħid li ma għamilniex kemm flaħna.  Kienu u jibqgħu erba’ snin li permezz tagħhom inbidlu u ġew riformati numru ta’ setturi li minnhom il-pajjiż qiegħed jieħu benefiċċju immedjat u ser jieħu aktar iktar ‘il quddiem. Biss jibqa dejjem dak li ghad jrid jsir. Dak li għadna naħdmu għalih.

3.    Dak li sar għamilnieh għall-ġid tal-bnedmin, tas-soċjetà li ngħixu fiha u mhux biex sempliċement ngħidu li saru.  Fil-konsiderazzjonijiet żammejna kontinwament li dak li qed nagħmlu qed isir għalina lkoll, għas-socjetà.  Kien hawn min pinġiena bħala persuni li jamministraw u jiddeċiedu mingħajr qalb.  Dan ma huwa minnu xejn.  Il-konsiderazzjoni prinċipali u kontinwa kienet u għadha dik li naraw li l-pajjiż jibqa’ jimxi ‘l quddiem u li nassiguraw li kull parti mis-soċjetà tiġi kkurata u effettwata negattivament fl-inqas mod possibbli.  Ma kienx, u mhux dejjem possibbli, speċjalment f’dak li hu marbut mal-ispejjeż marbuta mas-servizzi li qabel konna mdorrijin inħallsu f’ammonti iżgħar.

4.    Il-Gvern żamm lilu nnifsu viċin il-poplu.  Ma qagħadx ‘il bogħod, imma baqa’ jisma’ u jara.  Huwa magħruf li, minkejja kull xewqa ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet, xorta jkollok effetti negattivi.  Tagħmel għal dak li taħseb li huwa l-aħjar, iżda ma jfissirx li dak li taħseb jkun effettivament hekk.  L-esperjenza politika tkabbarlek dejjem iktar il-kawtela u l-attenzjoni.  Kull soċjetà, nagħmlu x’nagħmlu, tgħaddi minn fażijiet differenti.  Jinbidlu dawk li jbatu.  Il-kategoriji ta’ dawk li huma l-inqas fis-soċjetà, ta’ dawk li jinqabdu f’sitwazzjonijiet partikolari, jduru.  Għalhekk tajjeb li naraw il-ħin kollu kif dak li hu għaddej nindirizzawh.  Jekk hemm min m’għadux ikampa minħabba żidiet, tibdiliet fiċ-ċirkostanzi, l-iskemi rridu narawhom u nindirizzawhom.

5.    Jekk xi ħadd jimmaġina li dan il-Gvern inqata’ mir-realtà, qiegħed jiżbalja.  It-tmexxija tal-lum tħares, b’mod partikolari, għal min huwa ‘l isfel.  Trid tassigura li tagħtih l-assistenza neċessarja.  Kull min jersaq b’ideat, direzzjonijiet, bħal ma għamlet reċentement il-Caritas, aħna nibqgħu narawhom sabiex nagħmlu dak li hu sewwa.  Nieħdu u neżaminaw sewwa dak li qed jingħad sabiex nindirizzaw dejjem aħjar dak li ċittadini varji jsibu jew jistgħu jsibu ruħhom fih.  Ir-riżultati li wieħed jilħaq jibqgħu tajba sakemm ikollhom il-viżjoni tagħna tal-ġustizzja soċjali.  M’aħniex segwaċi ta’ dawk li jħarsu lejn is-soċjetà mil-lenti tal-liberaliżmu ekonomiku selvaġġ li jikkundanna lil min huwa minn taħt b’awto-responsabbiltà. 

6.    Il-problema prinċipali ta’ kif issir l-politika fis-soċjetà tal-lum hija marbuta mal-fatt li din qegħda tħares lejn l-immaġini u l-perċezzjoni iktar mis-sustanza tal-affarijiet.  Is-sustanza, il-formazzjoni u l-preparazzjoni tal-politiku niżlu ‘l isfel sew.  Il-vuċijiet ta’ dawk li jħarsu biss lejn kif jidhru meta jgħidu xi ħaġa qed jiżdiedu u qed jaqtgħu ruħhom kompletament minn jekk kemm-il darba dak li qalu huwiex tajjeb jew le.  Proprosta tista’ tidher sabiħa u aċċettabbli, però għall-ġid tal-poplu huwa iktar importanti li dak li twettaq ikun ibbażat fuq valuri tajba u li, minnhom infushom, jagħmlu l-ġid.  Il-ħidma politika hija fit-triq it-tajba meta tassigura li dak li qed isir minnha qed iġib fis-seħħ pedamenti sodi.  Tassigura l-Ġustizzja Soċjali li hija neċessarja mhux biss fil-ħidma li ma tiqafx, imma fit-tiftix kostanti li wieħed jagħmel verament is-sewwa u mhux sempliċement jidher li qed jagħmel dan.

8.2.12

Għall-istabilità u l-ġustizzja soċjali

1.    Din il-ġimgħa għaddiet fid-dell tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit.  Kunsill barra mis-soltu.  Wieħed li ġie msejjaħ apposta biex jiġi ndirizzat x’qiegħed jiġri fix-xenarju politiku.  Il-poplu waqaf jisma’.  Waqaf jara dak li kien għaddej ġewwa ħdanna.  Għal dawk li ħasbu li konna ser nitilfu l-kurrent, il-kalma u r-raġuni, il-jum tal-Ħadd wera preċiż il-kontra.  Tul dawn l-aħħar snin urejna bil-provi li l-problemi tal-pajjiż iridu jiġu ikkonfrontati bil-għaqal, anke jekk jidhru jew ikunu viċin li ma jistgħux jiġu solvuti.  Fl-aħħar mill-aħħar, il-politika hija parti mill-ħajja.

2.    Il-ħajja hija mimlija tibdiliet.  Mimlija b’sitwazzjonijiet li jinbidlu l-ħin kollu.  Kull siegħa tal-ġurnata ġġib magħha differenzi.  Illum ferm u ferm iktar minn qatt qabel b’dinja li qegħda bl-iktar mod ċar tiċkien.  Tonqos fid-dimensjoni għax l-informazzjoni ddur malajr.  Iddur b’dak li jkun qiegħed iseħħ u li ser inevitabbilment jolqtok.  Jekk pajjiż ‘il bgħid minna għaddej minn mumenti iebsa fl-ekonomija tiegħu dan inevitabbilment ser, b’xi mod, jolqotna hawn ukoll.  Il-kumplessità tal-problemi u intoppi li għandna x’naffrontaw bħala bnedmin u bħala politiċi hija kompletament differenti minn dik li kellna fil-passat.

3.    Anzi, hemm lezzjoni li ħarġet ċara u tonda f’dawn l-aħħar erba’ snin ta’ kriżi ekonomika: dik li tgħid li kull jum huwa għal rasu.  Jum mexjin tajjeb, l-għada l-istorja tinbidel.  L-Ewropa, il-pajjiżi l-oħra tad-dinja għarfu kemm is-sitwazzjoni saret fluwida u l-permanenza li kien hemm qabel illum tnaqqset sew.  Dak li konna norbtu fuqu, dak li kien meħud bħala pedestal indistruttibli, illum m’għadux.  Qisu l-istorja trid tinkiteb mill-ġdid.  Il-kotba tal-ekonomija jinħasbu mill-qiegħ u t-teoriji kollha, l-akkademja li kellna, taru kollha mar-riħ.  Min qiegħed jaħdem fil-politika, fil-preżent jaf li dan qiegħed iseħħ u jrid jinkwadra ruħu għalih.  Jaf li jrid ikun ippreparat għal bidla kontinwa.

4.    Dan hu li ilu jmexxina f’dawn ix-xhur.  L-abbiltà li nifhmu dak li għaddej sabiex nimmodifikaw dak li qed nibnu biex inkunu kontinwament ippreparati.  Meta wieħed iqis dak li għadda u għadu għaddej minnu pajjiżna jifhem iktar u iktar li mhux faċli xejn.  Il-poplu, fid-dar tiegħu, mhux dejjem jifhem dan.  Iktar u iktar meta hemm għaddej messaġġ żbaljat li dak li għaddejja minnu l-ekonomija, l-ewwel hija kaġun ta’ xi deċiżjonijiet żbaljati tagħna, u t-tieni li tista’ tissolva b’nies differenti.  Il-verità hija dijametikament il-kontra.  Il-pajjiż għaddej jaffronta problemi li ma twieldux hawn, iżda barra minn xtutna.  Però hemm bżonn ferm u ferm iktar spjegazzjoni ċara u diretta mal-pajjiż, biex kulħadd jifhem x’verament qiegħed jiġri u x’qiegħed isir biex l-impatt jiġi kuntrastat.

5.    Għalhekk il-Kunsill Ġenerali tal-Partit ħa importanza ferm ikbar mis-soltu.  Fih deher il-kuntrast bejn dak li għaddej fuq dawn il-gżejjer u dak li għaddej f’pajjiżi oħra.  Kull poplu jrid jaffronta tiegħu, però kif jagħmel dan, ikollu effett fuq il-ġirien tiegħu.  Il-Prim Ministru affronta l-kumplessità tal-pożizzjoni, b’għaqal u b’intelliġenza.  Ma ħarabx mill-konsegwenzi u anqas ma pprova jaħbihom.  Jaf li min m’għandux grazzja magħna ser jipprova jdawwar ħaġa f’oħra, però dan ma jfissirx li ma jridx jagħmel dak li huwa doveruż li jsir.  Ma kienx hemm ħafna xi tgħid fuq dan.  Ladarba t-tmexxija tiegħu ġiet kontestata, kellu bilfors jesiġi mill-Partit li jerġa’ jqiegħed lilu nnifsu għall-vot u l-approvazzjoni tal-kunsilliera li ħatruh.

6.    Hemm min ipprova jċekken dan, biss il-pajjiż qiegħed jifhem li huwa neċessarju.  Kemm dan qed jasal għand il-poplu hija ħaġ’oħra.  Dak dmirna lkoll, biex nibqgħu nfehmu.  Neċessarju għal partit li ġieb id-demokrazija taħdem u li jemmen li hija valur.  Valur li fiha metodu ċar, mhux żbaljat, li bih irridu naħdmu biex toħroġ fil-beraħ il-verità.  M’hemmx dubju li din hija kumplikazzjoni oħra ma’ dak li qed naffrontaw.  Biss, ħadd ma jista’ jipprevedi dak li ġej għalina.  Jista’ biss jersaq lejn il-problema u jikkonfrontaha bir-raġuni.  Dan hu li ilu jwettaq dan il-bniedem, Lawrence Gonzi.  Dan hu li, għal min jafu, ser jibqa’ jagħmel.  Qiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-pajjiż u hekk ser ikompli jagħmel.  Jikkonfronta l-kumplikazzjonijiet u, fl-istess ħin, ikompli jassigura l-istabilità.

15.11.11

Budget 2012: Ġustizzja Soċjali

Minkejja d-diffikultajiet finanzjarji, dan il-Gvern baqa jżomm għoli l-valuri li jħaddan. Filwaqt li ħaddieħor wasal fil-punt li jnaqqas servizzi soċjali, jibda jżarma l-pilastri tal-“welfare state” aħna ħadna ħsieb li nkomplu nissudawhom. Għalkemm ġejna akkużati li aħna bla qalb, insensittivi u ma nħarsux id-dimensjoni soċjali, l-budget tal-bieraħ juri l-kontra. Il-prinċipji demokristjani tagħna żammejnihom sabiex inkomplu nagħmlu l-ġid. U hekk ser nibqgħu nagħmlu. Il-kriżi finanzjarja internazzjonali hemm kienet u għal issa ser tibqa magħna, però f’dan il-pajjiż l-prijoritajiet u r-ruħ soċjali hemm ser jibqgħu.

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...