Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
18.4.12
Il-Ġustizzja Soċjali f’Ħidmitna
1. Tul il-ġimgħa, il-Prim Ministru għamel sew li ressaq għal għajnejn il-poplu l-erba’ snin ta’ ħidma li twettqet minn dan it-tieni Gvern immexxi minnu. Il-figuri, iċ-ċifri, ir-riżultati hemm qegħdin. Jidhru quddiem kull min huwa interessat li jsir jafhom. Tant hemm punti validi, li hemm bżonn li jaslu għand in-nies, ġewwa djarhom, fil-kċejjen tagħhom. Hemm min ser jaqrahom, hemm min le, però dawk li jgħarfuhom ser jagħtu kredtu għax-xogħol li sar. Il-Gvern ħadem iktar minn qabel proprju għax fehem li jekk dan ma jsirx, il-pajjiż tagħna jmur lura. Għalhekk hemm kuntrasti li jsiru bejnna li ħdima, u l-Oppożizzjoni li ma għamlet xejn, salv li tikkritika inġustament. Titkellem qisu kull jum fuq il-bank ta’ quddiem il-każini tagħhom, mingħajr proposti veri. Proposti li jistgħu b’xi mod jitħaddmu. Dan deher iktar evidenti għax waqt li l-Prim Ministru kien qiegħed jispega x’sar, fl-istess jum il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ imaqdar jikkundanna u jcċekken.
2. Kull gvern ikollu s-sodisfazzjonijiet u d-diżappunti tiegħu. Ma jistax iħares lejn tal-ewwel mingħajr ma jikkunsidra t-tieni. Hemm punti li twettqu, u huma ħafna, però hemm oħrajn inqas fin-numru li ma sarux. Il-Prim Ministru huwa konxju minn dan il-bilanċ. Fil-kalatura ta’ dak li sar, hemm ħafna ndikazzjoni mill-iktar evidenti ta’ impenn u bżulija. Ħadd ma jista’, b’xi mod, jgħid li ma għamilniex kemm flaħna. Kienu u jibqgħu erba’ snin li permezz tagħhom inbidlu u ġew riformati numru ta’ setturi li minnhom il-pajjiż qiegħed jieħu benefiċċju immedjat u ser jieħu aktar iktar ‘il quddiem. Biss jibqa dejjem dak li ghad jrid jsir. Dak li għadna naħdmu għalih.
3. Dak li sar għamilnieh għall-ġid tal-bnedmin, tas-soċjetà li ngħixu fiha u mhux biex sempliċement ngħidu li saru. Fil-konsiderazzjonijiet żammejna kontinwament li dak li qed nagħmlu qed isir għalina lkoll, għas-socjetà. Kien hawn min pinġiena bħala persuni li jamministraw u jiddeċiedu mingħajr qalb. Dan ma huwa minnu xejn. Il-konsiderazzjoni prinċipali u kontinwa kienet u għadha dik li naraw li l-pajjiż jibqa’ jimxi ‘l quddiem u li nassiguraw li kull parti mis-soċjetà tiġi kkurata u effettwata negattivament fl-inqas mod possibbli. Ma kienx, u mhux dejjem possibbli, speċjalment f’dak li hu marbut mal-ispejjeż marbuta mas-servizzi li qabel konna mdorrijin inħallsu f’ammonti iżgħar.
4. Il-Gvern żamm lilu nnifsu viċin il-poplu. Ma qagħadx ‘il bogħod, imma baqa’ jisma’ u jara. Huwa magħruf li, minkejja kull xewqa ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet, xorta jkollok effetti negattivi. Tagħmel għal dak li taħseb li huwa l-aħjar, iżda ma jfissirx li dak li taħseb jkun effettivament hekk. L-esperjenza politika tkabbarlek dejjem iktar il-kawtela u l-attenzjoni. Kull soċjetà, nagħmlu x’nagħmlu, tgħaddi minn fażijiet differenti. Jinbidlu dawk li jbatu. Il-kategoriji ta’ dawk li huma l-inqas fis-soċjetà, ta’ dawk li jinqabdu f’sitwazzjonijiet partikolari, jduru. Għalhekk tajjeb li naraw il-ħin kollu kif dak li hu għaddej nindirizzawh. Jekk hemm min m’għadux ikampa minħabba żidiet, tibdiliet fiċ-ċirkostanzi, l-iskemi rridu narawhom u nindirizzawhom.
5. Jekk xi ħadd jimmaġina li dan il-Gvern inqata’ mir-realtà, qiegħed jiżbalja. It-tmexxija tal-lum tħares, b’mod partikolari, għal min huwa ‘l isfel. Trid tassigura li tagħtih l-assistenza neċessarja. Kull min jersaq b’ideat, direzzjonijiet, bħal ma għamlet reċentement il-Caritas, aħna nibqgħu narawhom sabiex nagħmlu dak li hu sewwa. Nieħdu u neżaminaw sewwa dak li qed jingħad sabiex nindirizzaw dejjem aħjar dak li ċittadini varji jsibu jew jistgħu jsibu ruħhom fih. Ir-riżultati li wieħed jilħaq jibqgħu tajba sakemm ikollhom il-viżjoni tagħna tal-ġustizzja soċjali. M’aħniex segwaċi ta’ dawk li jħarsu lejn is-soċjetà mil-lenti tal-liberaliżmu ekonomiku selvaġġ li jikkundanna lil min huwa minn taħt b’awto-responsabbiltà.
6. Il-problema prinċipali ta’ kif issir l-politika fis-soċjetà tal-lum hija marbuta mal-fatt li din qegħda tħares lejn l-immaġini u l-perċezzjoni iktar mis-sustanza tal-affarijiet. Is-sustanza, il-formazzjoni u l-preparazzjoni tal-politiku niżlu ‘l isfel sew. Il-vuċijiet ta’ dawk li jħarsu biss lejn kif jidhru meta jgħidu xi ħaġa qed jiżdiedu u qed jaqtgħu ruħhom kompletament minn jekk kemm-il darba dak li qalu huwiex tajjeb jew le. Proprosta tista’ tidher sabiħa u aċċettabbli, però għall-ġid tal-poplu huwa iktar importanti li dak li twettaq ikun ibbażat fuq valuri tajba u li, minnhom infushom, jagħmlu l-ġid. Il-ħidma politika hija fit-triq it-tajba meta tassigura li dak li qed isir minnha qed iġib fis-seħħ pedamenti sodi. Tassigura l-Ġustizzja Soċjali li hija neċessarja mhux biss fil-ħidma li ma tiqafx, imma fit-tiftix kostanti li wieħed jagħmel verament is-sewwa u mhux sempliċement jidher li qed jagħmel dan.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment