1. Is-settur tal-immigrazzjoni irregolari kien, għadu u ser jibqa’ wieħed mill-iktar impenjattivi għal dan il-Gvern u għal kull wieħed ieħor li jiġi warajh. F’dawn l-erba’ snin li sibtni rrid naffronta l-kumplessitajiet li jitwieldu minn dan il-fenomenu tgħallimt u nibqa’ kuljum nitgħallem. Tul din il-leġislatura kellna, għall-ewwel darba, Ministeru wieħed responsabbli mill-immigrazzjoni u ma baqax aktar maqsum. Deċiżjoni tajba għax ippermettiet li jsir xogħol b’ferm iktar attenzjoni u kollaborazzjoni. Illum, jekk inħares lura, żgur mhux forsi nara numru ta’ punti li avvanzajna fihom għall-ġid ta’ dawn il-persuni umani u tal-poplu tagħna.
2. Mill-bidu tal-leġislatura fhimt li kellna l-vantaġġ tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, li stajna nressquha għal deċiżjonijiet aktar effettivi. Deċiżjonijiet inċiżivi għal dawn il-gżejjer u għall-Ewropa kollha kemm hi. Fit-tieni sitt xhur tal-2008 daħlet il-Presidenza Franċiża, pajjiż kbir Mediterranju u fl-istess ħin b’saħħa kbira fl-Unjoni Ewropea, li din mexxiet ‘il quddiem proċess li wassal lejn id-dokument finali tal-Patt tal-Immigrazzjoni u l-Ażil. Fid-diversi punti pożittivi li kien hemm, u li wħud minnhom daħlu proprju fuq l-insistenza tagħna, kien hemm partikolarment tlieta. L-ewwel: id-dħul ta’ klawsola ta’ solidarjetà; it-tieni: it-twaqqif ta’ uffiċċju magħruf bħala l-Uffiċċju Ewropew għas-Sostenn fil-Qasam tal-Ażil (EASO); u t-tielet li niffukaw fuq ir-ripatriju ta’ min ġie hawn illegalment u li għalhekk ma kienx ħaqqu protezzjoni.
3. Minn dak id-dokument imxejna ‘l quddiem. B’ħidmitna żammejna dan is-suġġett għoli fuq l-aġenda ta’ kull Presidenza Ewropea li ġiet wara. Saru numru ta’ dokumenti importanti, fosthom dak ta’ Stokkolma u issa reċentement dak taħt din il-Presidenza Daniża fejn dħalna ferm iktar fil-fond fis-suġġett, inkluż b’mod iktar dirett kif tista’ sseħħ is-solidarjetà mal-Membri, huma min huma, u huwa x’inhuwa s-settur fl-immigrazzjoni. Mhux biss, imma l-Uffiċċju Ewropew għas-Sostenn fil-Qasam tal-Ażil ġie mwaqqaf u diġà qiegħed jiffunzjona f’pajjiżna. Ma’ dan irnexxielna nħaddmu mekkaniżmu ta’ solidarjetà li permezz tiegħu numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea addottaw persuni li waslu għandna u li ngħatatilhom protezzjoni.
4. Iċ-Ċentri tagħna li kienu kkiritikati daqqa ġustament u daqqa inġustament għaddejna minn proċessi varji sabiex inkunu nistgħu nżommuhom fi stat tajjeb u nippruvaw nissudawhom. Dan ma kien faċli xejn. Biss ħadna d-deċiżjoni li dawn ikunu miftuħa għall-iskrutinju tal-opinjoni pubblika. Kien u jibqa’ diffiċli li wieħed iżomm tajjeb dawn il-postijiet meta fihom għandek diversi persuni li qed jokkupawhom. Biss irnexxielna nibdlu u issa ser jirnexxilna anke nneħħu t-tined li għad fadal wara li diġà konna neħħejna diversi minnhom. Nittama li fil-ġimgħat li ġejjin il-post jerġa’ jittrasofrma ruħu. Li hu żgur hu li hemm ferm iktar servizzi li jingħataw minn qatt qabel.
5. Sar xogħol ieħor marbut mal-iskrutinju tal-varji talbiet għall-ażil li jsiru minn persuni li jaslu hawn. Pajjiżna jibqa’ l-iktar wieħed li rċieva talbiet għall-ażil fid-dinja. Mhux biss, imma 98% ta’ dawk li jaslu hawn, jagħmlu tali talba. Għalhekk, f’dawn l-erba’ snin żdiedu konsiderevolment il-pressjonijiet sabiex l-applikazzjonijiet jiġu magħluqa malajr kemm jista’ jkun. Dan effettivament sar u baqa’ jsir. L-uffiċċju mmexxi mill-Kummissarju għar-Rifuġjati għamel xogħol impressjonanti hawn, b’tibdiliet u b’abbiltajiet li ftit pajjiżi Ewropej laħqu. L-applikazzjonijiet qegħdin jingħalqu dejjem f’perjodu iktar qasir.
6. Din il-ħidma hija parti minn dak li jsir minn dan il-pajjiż f’dan is-settur importanti. Però jsir kontinwament mhux sporadikament. Din il-ġimgħa kellna wkoll żewġ passi oħra: l-ewwel, numru ta’ persuni li ma kienx ħaqqhom protezzjoni li ġew ripatrijati lura lejn pajjiżhom il-Ghana; u t-tieni, numru ieħor ta’ persuni li ġew integrati fl-Istati Uniti. F’dan il-mument partikolari, fiċ-Ċentri Miftuħa u Magħluqa hemm inqas minn tlett elef ruħ. Bil-ħidma li għamilna, u li għadna qed nagħmlu, ser inkomplu nippruvaw nassiguraw li min ħaqqu protezzjoni nassistuh biex jiġi rilokat f’pajjiż ieħor u dawk li le, li jiġu ripatrijati lura f’pajjiżhom. Dan hu parti mix-xogħol li sar u li għadu jsir f’dan is-settur.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment