1. Wasalna f’mument fl-istorja ta’ pajjiżna li bħalu, fil-passat, ma kellniex. Il-gżejjer baqgħu l-istess, bl-istess qies, bl-istess pajsaġġ imma l-poplu kiber sew fin-numru. Qbiżna sew l-erba’ mitt elf ruħ li huma reġistrati li jgħixu f’xi parti jew oħra. Qbiżna sew ukoll in-numru ta’ persuni li jiġu jżuruna. It-turiżmu hawn qiegħed il-ħin kollu jikber u jiżdied tant li kważi ma nistgħux inlaħħqu miegħu. Għandna wkoll taħlit ikbar u differenti ta’ kulturi u ideat. M’għadniex esposti għal ftit mezzi ta’ komunikazzjoni bħal ma konna. M’għadniex daqshekk viċin ta’ xulxin li kulħadd jaf b’ta’ ħaddieħor.
2. Definittivament, ix-xenarju soċjo-kulturali nbidel ta’ taħt fuq. Il-ħid għad-dispożizzjoni tagħna nbidel kompletament. Qabel, ħafna aktar persuni kellhom sfog li setgħu jqattgħu iktar ħin jitkellmu. It-tradizzjonijiet Maltin u Għawdxin bdew idubu u jieqfu milli jibqgħu jitħaddnu. Bil-ħinijiet tax-xogħol, bil-pressjonijiet moderni varji naqsu dawk li fil-jum jieklu lkoll bħala familja mdawra flimkien madwar il-mejda. Qed jispiċċaw mumenti meta l-familja estiża bin-nanniet, zijiet, neputijiet, qraba u ħbieb jiltaqgħu fuq bażi regolari. Kull bniedem qisu għaddej mill-proċess li minn persuna jsir individwu.
3. Isalvaw ċerti tradizzjonijiet, imġieba tajba li tirrispetta d-dinjità tal-bniedem il-festi reliġjużi. Ngħidu x’ngħidu, għad hemm saħħa, ġibda, kalamita għal ċelebrazzjonijiet esterni u interni ta’ dawn l-attivitajiet. Diversi huma dawk li jimpenjaw ruħhom fis-setturi varji bħall-każini tal-baned, kmamar tan-nar, kumitati tal-armar, kunsilli parrokkjali. Huma ftit mill-elementi prinċipali li jippreparaw, iħeġġu u jieħdu ħsieb li jorganizzaw. Ħafna huma volontarji, għalkemm mhux kollha, imma hemm passjoni, determinazzjoni u perseveranza li ftit ser issib. Dan kollu ilu magħna u għadu għaddej minkejja t-trapass taż-żmien.
4. Il-Ħdud żgur, imma anke tul il-ġimgħa, l-każini tal-baned ikunu mimlija bin-nies. Bnedmin ta’ kull età li huma hemm, miġbura jaraw x’qed jiġri u jieħdu ħsieb li jsostnu materjalment u finanzjarjament is-soċjetà tagħhom. Hemm ħeġġa, li rari ssib bħalha u li għandha l-kwalità li hija kostanti. Diversi inizjattivi jitwieldu għandhom minn dawn il-laqgħat.
5. Meta ddur issib li dawn il-persuni huma dawk li jieħdu sehem fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Hawn ukoll tara l-ħeġġa għall-parteċipazzjoni attiva fl-irfiegħ, fl-akkumpanjar, fil-kostumi, f’dak kollu li organizzazzjoni bħal din tinvolvi. Kull sena hemm sforz kbir, enerġija barra mis-soltu li tiġi dedikata f’dan. Tibqa’ wkoll taħseb kemm persuni jsegwu l-purċissjonijiet b’attenzjoni. Iċ-ċaqliq minn post għall-ieħor huwa interessanti, b’diversi jieħdu ħsieb li jmorru post differenti kull sena proprju, proprju biex jaraw, iqabblu u jidħlu fl-atmosfera.
6. Hekk għadha parti tajba mis-soċjetà Maltija. Għalkemm kbirna fil-popolazzjoni, xorta ma tlifniex din l-influwenza. Hemm ġabra kbira u ċelebrazzjoni esterna manifesta ta’ dak li aħna u li rridu nkomplu nkunu. Ninnota li, għalkemm hemm nuqqas ta’ interess f’involviment politiku, f’dawn l-okkażjonijiet hemm anzi proprju l-kontra. Dan huwa tajjeb u jkun żball jekk xi ħadd jipprova jċekknu jew imaqdru. Id-demokrazija hija miftuħa għall-kurrenti varji ta’ ideat u hekk għandu jkun, biss ħadd ma jista’ jgħid li għax m’aħniex ninbidlu f’dawn il-valuri, allura li aħna xi soċjetà żbaljata jew lura. It-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna ġieħ jagħmlulna u għalhekk għandna nkomplu nassigurawhom.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment