Showing posts with label Lawrence Gonzi. Show all posts
Showing posts with label Lawrence Gonzi. Show all posts

8.1.13

Nitilgħu fil-politika




1.             Minn għada jibda l-proċess politiku u legali li ser iwassalna lejn appuntament ta’ kull ħames snin.  Għada, il-President tar-Repubblika jxolji l-Parlament u tiġi mħabbra d-data tal-elezzjoni ġenerali li ġejja, dik tad-9 ta’ Marzu.  Jista’ jkun li ser tkun kampanja twila iktar minn dawk ta’ qabilha.  Biss, għandha sservi sabiex il-pajjiż ikollu l-ħin u l-opportunità li jqis verament liema tmexxija jrid fil-ħames snin li ġejjin, fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom f’dak li ġej.  Minħabba diversi raġunijiet għandna parti sew mill-elettorat li ma jsegwix dak li huwa għaddej.  Il-politika mhix mogħtija daqshekk importanza u l-bnedmin f’dawn il-gżejjer jikkonċentraw l-isforzi tagħhom iktar fuq il-ħajja personali tagħhom, bil-familja, ix-xogħol u s-saħħa jibqgħu prijoritajiet.

2.             F’ħafna sens, huwa proprju r-riżultat pożittiv ta’ diversi gvernijiet Nazzjonalisti li assiguraw il-paċi u l-istabilità soċjo-ekonomika li wasslu għal dan.  Ħafna huma dawk li jgħixu l-ħajja fid-dimensjonijiet tagħha.  Il-poplu Malti u Għawdxi m’għadux li kien imma żviluppa iktar.  Sar moħħu iktar miftuħ, preparat għal ideat ġodda u fl-istess ħin jagħraf dak li huwa sewwa minn dak li m’huwiex, dak li huwa ġust minn dak li huwa inġust.  Kbirna fin-numru, biss is-sustanza tagħna, hemm baqgħet.  Il-poplu jrid il-verità u jrid jimxi biha u mhux bi ħwejjeġ oħra.  Il-politika tal-perċezzjonijiet hija ħaġa li dan il-pajjiż jikkumbatti.  In-nies huma, fil-maġġoranza, dixxendenti tal-Appostlu li daħħal idejh fil-ferita.  Iridu jifhmu sewwa u jidħlu fid-dettalji.

3.             Ngħid dan għax il-poplu jrid ikun jaf x’ser ikollna quddiemna fil-ħames snin li ġejjin.  Sfortunatament hawn min qiegħed jipprova jissepara r-realtà ekonomika u soċjali li ser immissu mill-kuntest elettorali.  Ser nivvutaw sabiex ikollna l-aħjar Gvern li jiggarantixxi l-ħajja u l-istabilità tal-poplu.  M’aħniex fil-pożizzjoni li nieħdu riskji bil-ħajja tagħna u ta’ uliedna.  Anzi, trid tkun ċara daqs il-kristall li dan il-pajjiż m’huwiex f’baħar kalm, anzi qiegħed f’wieħed aġitat u mill-iktar imqalleb.  Kif stqarret il-Kanċilliera Ġermaniża Angela Merkel ftit jiem ilu, il-kriżi ekonomika fl-Ewropa trid tibqa’ tiġi konfrontata għax għadha hemm, attiva.  Altru dak li hemm barra u altru dak li twettaq hawn.  Għax hija biss it-tmexxija tajba ta’ dan il-Gvern li żammet l-affarijiet għaddejja bl-inqas ċaqliq possibbli.  Dan ir-riżultat hemm min irid jifirdu mill-mertu ta’ min ħadem għalih u jqegħdu bħala xi ħaġa normali.  Mentri m’huwiex.

4.             Wasalna fl-aħħar tal-leġislatura.  Ser ikunu għaddew ħames snin sħaħ mill-aħħar waħda.  Kienu sittin xahar ta’ kuntrasti kbar.  Fuq naħa waħda l-Gvern li jikkumbatti l-problemi ekonomiċi li nħolqu minn responsabbiltajiet ta’ swieq barranin u fl-istess ħin ikompli jassigura t-tibdil neċessarju fis-soċjetà biex nibqgħu nikbru u ninbidlu.  Mhux biss, imma kellna numru ta’ problemi interni li sabu udjenzi nazzjonali.  Persuni eletti fuq il-lista tal-partit li ġiebu ruħu b’mod differenti mis-soltu.  Bnedmin li bagħtu barra l-impressjoni li hemm nuqqas ta’ għaqda u stabilità meta dan bil-kontra.  Persuni normali, dawk li m’għandhomx esperjenza, dawk li għadhom ġodda fil-ħajja politika quddiem dan kollu kienu jċedu.  Jikkrollaw u jibdew jieħdu deċiżjonijiet żbaljati.

5.             Lawrence Gonzi sab ħafna ma’ wiċċu.  Sitwazzjonijiet xejn faċli li għalihom kellu jieħu deċiżjonijiet penużi, kumplikati, mhux dejjem spjegati tajjeb lill-poplu minn ta’ madwaru, biss bihom irnexxielu jżomm lill-pajjiż għaddej jikber.  Altru tkun fis-siġġu komdu ta’ dawk li m’għandhom xejn iktar x’jagħmlu salv li jikkritikaw u altru jkollok ir-responsabbiltà tal-poter.  Meta trid taffronta l-problemi tad-dinja ekonomika li minnhom trid tkompli tassigura li s-servizzi tas-saħħa jingħataw, li l-fruntieri fl-edukazzjoni jkomplu jikbru u li x-xogħol jibqa’ jitkattar, is-sitwazzjoni tkun differenti.  Il-Kap tal-Oppożizzjoni jista’ jidher li huwa kapaċi, biss il-pajjiż kollu diġà jaf li l-Prim Ministru, fiċ-ċert għandu din il-kapaċità.  Altru l-kavallier li sejjer għall-parata li jkollu l-kurazza tleqq u sabiħa biex iħarsu lejh u jċapċpulu u altru min ikun fil-kamp tal-kumbattiment.

6.             Il-ħajja politika m’hi faċli xejn, anzi, hija waħda mill-iktar ikkumplikata.  Illum iktar u iktar li pajjiżna huwa membru fl-Unjoni Ewropea u wieħed mill-iktar attivi fl-iskala internazzjonali.  Id-dinja għaddejja minn taqlib kbir u quddiem dak li ġej, irridu lkoll nifhmu kemm huwa importanti li l-għażla fid-9 ta’ Marzu ssir b’attenzjoni.  Il-Prim Ministru li għandna Lawrence Gonzi, ileqq jew le, għalik irnexxielu jibqa’ jmexxi pajjiż lejn fruntieri ġodda minkejja d-diffikultajiet kollha.  Jekk jibqa’ hemm hu, nafu diġà li dak li ġej ser ikun hemm min huwa kapaċi jaffrontah.  Mhux biss, imma nżid li jekk irnexxielu jżomm ‘il-pajjiż għaddej f’dawn iċ-ċirkostanzi, x’inhuwa kapaċi jwettaq iktar meta dawn jonqsu jew ma jibqgħux?  Nitilqgħu ‘l fuq għalhekk fil-politika u ngħarfu d-dettalji kollha ta’ dak li għaddejna minnu u dak li ġej sabiex l-għażla tkun verament waħda tajba.

9.11.12

Moħħ tajjeb

1.    Id-dibattitu li kellna l-Ġimgħa filgħaxija bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni kien verament interessanti.  Kull min daħal lura sabiex jagħti attenzjoni lill-politika f’dawn il-jiem seta’ jara, seta’ jqabbel.  Jara dak li huwa kapaċi jwettaq wieħed u dak li qiegħed jgħid li ser ikun kapaċi jwettaq l-ieħor.  L-elettorat preżenti mhux dejjem jifhem biżżejjed dak li ser niffaċċjaw fl-elezzjoni ġenerali li, għada pitgħada, trid tiġi.  Hawn wisq vuċijiet f’daqqa u hemm ukoll messaġġi li qegħdin jitilqu minn postijiet differenti fl-istess partit.  Dan inissel nuqqas ta’ għarfien ta’ x’qiegħed isir u x’qed jiġi offrut miż-żewġ partiti għal-leġislatura li ġejja.

2.    Għalhekk id-dibattitu tal-bieraħ serva.  Serva biex diversi jaraw li l-Prim Ministru huwa l-uniku persuna li huwa verament kapaċi jmexxi ‘l quddiem lill-poplu u lill-pajjiż tagħna.  Il-bniedem, tul id-dibattitu kollu baqa’ attent u ffukat f’dak li qiegħed jgħid.  Preparat ħafna, u kien kapaċi jfiehem tajjeb ħafna dak li aħna, ir-riżultati li ksibna u fejn qed nimmiraw li mmorru.  Kien ċar mill-bidunett li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma riedx jidħol fid-dibattitu.  Jibqa’ jsegwi dik il-linja politika li biha toqgħod barra milli tipprova tagħti kontribut, tistenna biss il-jiem tal-elezzjoni biex minn hemm tipprova tagħti perċezzjoni li kapaċi.  Hemm forom differenti ta’ għażż mentali u, sfortunatament, din waħda minnhom.  Fir-realtà hija għal kollox żbaljata għax proprju kull politiku għandu dmir li jkun pożittiv u jaħdem għas-sewwa.

3.    F’dan id-dibattitu, il-Kap tal-Oppożizzjoni tilef opportunità oħra li jibda jiddikjara dak li beħsiebu jimplimenta jekk l-elettorat jivvutalu.  Kien il-ħin kollu f’pożizzjoni li mhux biss jikkritika, imma li jkun ukoll kostruttiv f’dak li ser ikun qed jipproponi.  Minflok mar direttament għall-punt baqa’ jdur, jitkellem fl-arja u jipprova jagħti x’jifhem li dak li jaħseb,  min qed jisimgħu, qed jifhmu.  Da parti tiegħu kien fiċ-ċar eżerċizzju f’dak li hija l-politika żbaljata.  F’dak li m’għandniex nistennew u dak li, fir-realtà, jixħet lura l-kamp politiku kollu kemm huwa.  Meta politiku jieħu dan l-atteġġjament, flok ikun qiegħed iwassal għall-ideat li jagħmlu l-ġid, ikun qiegħed jostakolahom.  Ngħid li b’dak li sar il-Ġimgħa l-pajjiż qiegħed, biċċa biċċa jinduna li l-linja tiegħu hija waħda li la għamlet terrimoti u wisq u wisq inqas kapaċi tibdel xi ħaġa.

4.    Il-kuntrast kien ikbar għalhekk waqt id-dibattitu.  L-uċuh taż-żewġ mexxejja kienu jindikaw, fuq naħa l-indifferenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni, u l-oħra l-għarfien tal-piż tar-responsabbiltà ta’ min irid imexxi ‘l quddiem.  Kull domanda li saret lil Lawrence Gonzi weġibha.  Ma ħarabx b’risposti sempliċi jew li jevadu l-punt.  Kien kull darba preċiż, korrett u trasparenti.  Ta spjegazzjonijiet li juru li wara d-deċiżjonijiet u l-linji politiċi li ħa kien hemm raġunijiet li huwa wera.  Kien f’dan ukoll kapaċi jmur fil-livell ta’ kull wieħed u waħda minna.  Ma ppruvax jitkellem għall-udjenza intellettwali jew li hi biss tifhem fis-suġġett, imma mar biex iwassal biċ-ċar il-kif u l-għala.  Dan, il-persuni li segwew il-programm, apprezzawh.  Bħal ma apprezzaw ħafna li f’ebda mument ma kien hemm xi kumment żejjed u bla sens da parti tiegħu.  Żgur mhux forsi, min jaħseb għaraf li, anke jekk ma jaqbilx miegħu xorta huwa bniedem mimli b’esperjenza u intelliġenza.

5.    Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma qagħadx attent f’dan.  Il-politika mhix xi logħba madwar il-mejda tal-ikel li tista’ tqum minnha u tittraskura.  Kull min qiegħed fiha jrid jagħti sehmu.  Il-Ġimgħa deher li jrid jagħmel dan, u dan minkejja li issa ż-żmien qiegħed isir.  Għalhekk, il-partit fl-Oppożizzjoni, għalkemm għandu d-dmir jieħu sehem veru, qiegħed jiżbalja li jkompli jaħrab minnu.  Għandu d-dmir li jibda jindika x’ser jipproponi li jagħmel għal-leġislatura li ġejja.  Ma jistax, dejjem jekk l-ewwel irid ikun kredibbli u t-tieni jipparteċipa fil-politika t-tajba, jibqa’ jkun gallarija jħares ‘l isfel lejn dak li huwa għaddej.  Il-politika ekonomika tiegħu hemm bżonn tkun trasparenti, bħal ma hemm bżonn jiċċara kif ser inaqqas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma jew kif ser jibni s-sistema ta’ tassazzjoni tagħna lkoll.  Li taħrab minnhom kull darba, li taħrab li twieġeb, turi li minflok ma għandek ebda politika ta’ xejn ippreparata.  Allura l-linja tiegħek tiegħek hija biss li tidher li ser twettaq xi ħaġa li fil-fatt illum diġà taf li  m’intix kapaċi twettaq.

6.    Fl-aħħar tad-dibattitu, deher ferm iktar evidenti li l-Prim Ministru kien serju u onest f’dak li qal u wettaq.  Kien ferm iktar leali lejn il-poplu Malti.  Ma ppruvax juri dak li m’huwiex, iżda wera x’inhija l-pożizzjoni preżenti tal-pajjiż.  Wera iktar li, fix-xenarju sħiħ tagħna, kien mhux biss kapaċi jaffronta dak li għaddejna u għadna għaddejjin minnu, imma wkoll li jħares ‘il quddiem.  Kliemu ma’ kienux marbuta ma’ viżjoni limitata għall-preżent, imma waħda li qegħda tħares lejn il-futur.  Tul il-programm ħarġet il-verità li l-bniedem għandu ċar f’moħħu dak li jrid iwettaq għada pitgħada.  Ta’ dak li jara x’għandu jsir sabiex il-poplu javvanza mhux bi proposti li ma jistgħux iseħħu, imma proprju sforz l-esperjenza li ġabar ta’ dak li verament kapaċi jitħaddem biex minnu joħroġ il-ġid.  Żgur mhux forsi, fl-aħħar tal-programm dawk li huma liberi fl-opinjonijiet tagħhom fehmu li ma hemm ħadd li huwa kapaċi jissuperah, li għandu l-moħħ sabiex imexxi tajjeb lil dan il-poplu u lil dawn il-gżejjer.

31.10.12

Nibqgħu pożittivi f’ħidmietna

1.    Il-pajjiż tagħna għaddej minn perjodu ta’ bidla importanti.  Il-pożizzjoni strateġika tiegħu fil-Mediterran u fi ħdan l-Unjoni Ewropea jagħtuh l-opportunità li jikkontribwixxi lejn trasformazzjonijiet ġodda.  Kien, f’ħafna sens, provvidenzjali li kien hawn din il-leġislatura.  Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien il-persuna t-tajba fil-mument opportun.  Il-kriżi fil-pajjiżi li jmissu mal-baħar ta’ madwarna sabitna sodi u ppreparati għaliha.  Il-passi li ġew meħuda minnha servewna f’żewġ direzzjonijiet.  Ġew tajjeb għalina għax żammejna l-paċi u l-istabilità soċjo-ekonomika interna; u t-tieni, b’ħidmietna assistejna lill-oħrajn fl-għawġ tagħhom.  F’dawn il-ħames snin ta’ din il-leġislatura, pajjiżna sab ruħu fil-mument li għandu quddiemu opportunità unika.

2.    Opportunità li jikber iktar mid-daqs ġeografiku tiegħu u jagħti sehem determinanti li ser isservih għas-snin li ġejjin, għal-leġislatura li għandna issa quddiemna.  Investejna fid-demokrazija ma’ kull min għandna ġirien u ħbieb.  Dan billi konna kolonna ta’ servizzi u pariri f’dak kollu li dawn l-aħħar snin, diversi għaddew minnu.  Ir-rivoluzzjonijiet fil-popli ta’ taħtna u l-pożizzjoni determinanti, perseveranti tagħna magħhom favur il-libertà u l-ġustizzja huma investimenti sodi.  Pajjiżna ssogra huwa wkoll magħhom u dan jafuh proprju għax jafu min kien imexxihom x’kien kapaċi jagħmel.  Liema ħsara u aġir anti-demokratiku kien kapaċi jwettaq.  Għalina għalhekk, l-aħbarijiet ta’ demokrazija ħajja u li qed tikber fl-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija huma iktar milli tajbin.  Napprezzaw id-diffikultajiet tagħhom, speċjalment fil-bidu.  Biss huwa importanti li nkomplu nissudawhom.

3.    Il-problemi u d-diffikultajiet li kellna qabel, speċjalment dawk marbuta ma’ kwistjonijiet dwar it-tfittxija taż-żejt, illum qegħdin f’pożizzjoni ferm aqwa li nsolvuhom.  Jitolbu attenzjoni, trattattivi delikati u dettaljati immexxija minn moħħ politiku ta’ esperjenza u abbiltà.  L-istess fil-mod ta’ kif isir il-kummerċ, li jikbru l-garanziji neċessarji lejn ħlasijiet assigurati f’settur bankarju u ta’ swieq aqwa milli kienu qabel.  Tkabbir tas-settur tas-servizzi finanzjarji, issudar aħjar partikolarment tal-kuntratti tal-assigurazzjoni.  Tneħħija ta’ diversi pratiċi fejn il-korruzzjoni kienet tiddetta qabel.  Il-kunfidenza ekonomika trid tiżdied magħhom għax hemm biha opportunitajiet iktar sabiex inkabbru u minnha nassiguraw tkabbir u affluwenza ikbar għalina u għalihom.  Din hija d-direzzjoni, il-viżjoni politika tagħna għas-snin li ġejjin, għal-leġislatura li ġejja li aħna f’dan il-partit ngħarfu xi tfisser biex isseħħ u x’tista’ ssarraf għal dan il-poplu li qiegħed il-ħin kollu jikber u jitkattar.

4.    Il-viżjoni tagħna m’hijiex limitata.  Mingħajr il-Mediterran kollu ma nistgħux nimxu ‘l quddiem.  Aħna nemmnu b’saħħa fil-ħidma Ewro-Mediterranja, speċjalment wara li l-Kunsill tal-Unjoni, fl-2008 approva l-prinċipju tal-Unjoni tal-Mediterran fi ħdan il-Proċess ta’ Barċellona.  Il-verità hija li taħt dik il-Presidenza Franċiża bdejna passi fejn l-Ewropa kienet qed tħares ‘l isfel biex tara bidla u tkabbir, mentri llum ix-xenarju nbidel sew.  Aħna għandna l-vantaġġ li nħarsu ‘l fuq u ‘l isfel.  Fuqna għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.  Ħidma verament differenti fil-kapaċità u fl-impatt tagħna.  Biss jibqa’ xorta waħda determinanti.  Il-fatt biss, fih innifsu li bqajna nagħtu dawl ekonomiku, li bqajna pajjiż li avolja fil-parti ta’ isfel xorta waħda m’għandux kriżijiet finanzjarji diżastrużi, huwa diġà ħafna.  Biss, għalina mhux biżżejjed.

5.    Il-viżjoni tagħna għandha tkompli tħares sabiex tara li r-rabtiet kummerċjali u ekonomiċi li gawdejna minnhom qabel naraw li nressquhom għall-aħjar.  M’aħniex lesti li noqogħdu lura u naċċettaw l-istess binarji u linji li kellna qabel, iżda rridu li jkollna progress hawn ukoll.  Hemm tant iktar li jista’ jsir u dan ma jiddependix minna, iżda minn dawk li huma ġirien tagħna.  Il-laqgħat bejn il-pajjiżi tal-Mediterran huma żgur ta’ min ifaħħarhom meta jikkonċentraw fuq problemi komuni bħall-immigrazzjon irregolari, però hawn issa toroq ġodda miftuħa għal iktar kummerċ intelliġenti u, sa ċertu punt, strateġiku.  Il-livelli li fuqhom ħadmet l-Unjoni Ewropea fl-iskambju tal-kummerċ irridu nwassluhom f’passi ogħla għalina lkoll.  Dan jista’ jsir, però jitlob id u moħħ b’esperjenza politika.  Persuna li, frott dak li għaddiet minnu, tista’ tagħraf dak li kellna u fejn aħna għandna mmorru.

6.    Fdin id-direzzjoni ċara, ħadt pjaċir nara lill-Prim Ministru tagħna jindirizza din il-ġimgħa l-London School of Economics and Political Science.  Id-diskors tiegħu kien tajjeb ħafna, pożittiv u kien ħaqqu ferm iktar attenzjoni milli ngħata.  Hu diġà rikonoxximent fih innifsu li tiġi mistieden tindirizza minn dan il-post tant prestiġjuż li diversi persuni ta’ intelliġenza minn dawn il-gżejjer kienu studenti tiegħu.  Iktar u iktar is-suġġett magħżul.  Għandu raġun li għażel li jindirizza l-viżjoni tagħna u jissioda l-fatt indiskuss li aħna ferm aktar konxji minn pajjiżi oħra fil-potenzjal futur ta’ dak li l-Mediterran sħiħ jista’ jagħti.  Dan jista’ jagħmlu huwa biss.  Jista’ jwettqu għax illum għandu esperjenza unika li ebda politiku ieħor ma għandu.  Waħda li hija determinanti għalina lkoll, iktar u iktar meta magħha hemm magħquda viżjoni li hija kontinwament pożittiva.  Proprju għax aħna nibqgħu pożittivi f’ħidmietna li nibqgħu partit rilevanti, għas-servizz tal-poplu.

26.9.12

Direttament mill-arkivji staġnati

1.    Forsi stennejt ħafna minn dak li għamel il-Partit Laburista fl-aħħar jiem, li ġie minnhom imsejjaħ “Kungress”.  Stennejt ferm iktar sustanza, iktar ideat ġodda, iktar promoturi ġodda, imma dan ma stajtx insibu.  Jista’ jkun li qegħdin hemm, midfuna f’xi rokna mingħajr ħafna nifs, imma minkejja l-isforzi ta’ riklami politiċi tipiċi, dawn baqgħu ma ħarġux.  Minflok, għal darb’oħra, ħadt l-impressjoni qawwija li qiegħed nerġa’ nassisti għall-eżerċizzju orkestrat ta’ propaganda.  Kungress, minn ismu stess, jitlob diskussjoni vera, spontanja u ħajja.  Jitlob dibattitu, djalogu, qsim u nuqqas ta’ qbil fl-ideat u l-proposti.  Minflok, smajna u rajna diversi monologi.  Kull parti tgħid tagħha.  La taf jekk hijiex opinjoni ġenwina lanqas jekk hix kitba diġà preparata.  Żgur mhux forsi, il-passi jibgħu preżenti iħarsu lura lejn kemm, fl-opinjoni żbaljata tagħhom, kienu tajba taħt is-soċjaliżmu meta kollox kien f’idhom.

2.    Ma hemmx dubju li, għażlu l-istess ġimgħa li fiha l-Partit Nazzjonalista għal dawn l-aħħar snin ilu jiċċelebra fiha l-festi tal-Indipendenza, biex jippruvaw jimitawna.  Biss, ilkoll nafu li imitazzjoni qatt ma hija oriġinali.  Tista’ tersaq viċin mill-bogħod, imma meta tkun wiċċ’imb wiċċ magħha, tara d-differenza.  Il-ħsieb tal-kbar strateġi tal-Partit Laburista, fir-realtà ma kienx dak ta’ preparazzjoni ta’ dokument politiku, imma sempliċi diviżjoni tal-attenzjoni pubblika.  Anzi, prinċipalment li l-elettorat Laburista jkollu x’jagħmel u ma jiġix “ittantat” jaqa’ li jisma’ u jsegwi dak li jkun għaddej fid-diskussjonijiet li jsiru mill-Partit Nazzjonalista.  Ippruvaw jagħmlu xi ħaġa bħal tagħna, li jimitawna, iżda minn dak li rajt, ma rnexxilhomx.

3.    Il-mużika politika m’hi monopolju ta’ ħadd.  Biss, fil-Partit Laburista, persuni li diversi ħasbu li qegħdin f’posthom fl-arkivji, reġgħu ħarġu f’dawn il-jiem idoqqu l-partiti.  Reġgħu dehru fil-pubbliku f’dan il-famuż “Kungress” persuni li kienu attivi ħafna fiż-żmien tad-deheb tal-gvernijiet soċjalisti.  Diversi ħasbuhom spiċċaw issa li hemm dikjarata tmexxija tant ġdida, imma dan m’huwiex minnu.  Mhux għax ġew lura, imma għax fir-realtà ta’ kull ġurnata, hemm baqgħu.  Il-bidla fil-partit li qiegħed fl-Oppożizzjoni, li jrid jersaq biex iġib il-fiduċja tal-poplu, jibda biex jiksibha jekk ikollu almenu bidla ta’ taħt fuq bejn dawk li kellu fil-passat u dawk li jkollu fil-preżent.  Hekk kien mill-iktar evidenti fil-Partit Nazzjonalista.  Kienet ġustament u normalment saret bidla fil-bnedmin u fl-ideat bejn it-tmexxija ta’ Ġorġ Borg Olivier u Eddie Fenech Adami.

4.    Din il-qabża, il-Partit Laburista jidher mill-iktar ċar li m’huwiex jirnexxilu jwettaqha.  L-eżerċizzji fil-propaganda jistgħu jiġbdu lil dak li jkun fil-bidu, imma fit-tul u fid-dettall jisfumaw.  Il-Kungress kellu, għal darb’oħra, jkun appuntament ieħor li fih il-poplu jara trasformazzjoni tal-uċuh u tal-ideat.  Sfortunatament, dan ma seħħx.  Urewna, ippreparawna, imlewlna rasna.  Biss, minflok, ma sibna assolutament xejn ġdid.  Għax hemm differenza fil-ħajja.  Żerriegħa tajba tieħu, tikber u tagħti frott bnin, ta’ sustanza.  Żrieragħ oħrajn, tagħmel x’tagħmel, jew jibqgħu lura jew ma jagħtu xejn ħlief imrar.  F’dawn is-snin, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jibdel il-pajjiż u s-soċjetà Maltija mxiet ‘il quddiem.  Għadu kuljum iwettaq u jressaq proposti ġodda.  Fuq in-naħa l-oħra, il-Partit Laburista għadu anqas fil-pożizzjoni li jiddikjara li bidel lilu nnifsu.

5.    Minflok, lura mill-arkivji, jridu l-ħin kollu jħarsu lejn il-passat.  Iridu jsaqqu u jkabbru dak li kien żbaljat fiż-żmien tas-soċjaliżmu.  Jerġgħu lura għall-metodi ekonomiċi ta’ dak iż-żmien.  Imorru lura lejn dak li għalihom “ħadem”, dak li, minflok il-pajjiż kollu llum jagħraf li kien falla.  Il-mentalità tagħhom baqgħet, sfortunatament, l-istess.  Ekonomija li tagħlaq il-bibien, li tikkontrolla.  Edukazzjoni li tiġi ristretta għall-ftit.  Xogħol li jingħata biss lil dawk li kienu ta’ ġewwa.  Saħħa msakkara mingħajr nifs.  Għax jidher, minkejja l-Kungress, li l-kultura politika baqgħet waħda ċentralista.  Dik li tassigura li l-poter jiġi konċentrat f’idejn il-ftit.  Id-dipendenza fuq il-politiċi tikber.  Toroq li jwasslu għal inqas trasparenza, iktar korruzzjoni, tgerfix u arbitrarjetà.  Uħud jistgħu ma jkunux jafu b’dan għax ma kienux twieldu, però oħrajn jiftakru tajjeb.  Jiftakru sew x’inhuma l-arkivji tal-Partit Laburista.

6.    Illum, erba’ snin wara t-tibdila fit-tmexxija tal-Partit Laburista, nistgħu ngħidu b’ċertezza li fih xejn għadu ma verament ittrasforma ruħu.  It-terrimoti ma seħħewx, il-moderati ma dehrux u libset il-progressivi ħaduha l-passati.  Il-qabża bejnhom u bejnna tidher issa dejjem iktar.  Aħna, li suppost passati, il-ħin kollu naħsbu f’dak li għandna nibdlu.  Dan billi nkomplu nimmiraw ‘il quddiem biex nassiguraw li l-futur għas-soċjetà tagħna jkun dejjem aħjar mill-preżent li jkollha.  Il-viżjoni tagħna m’hijiex bażata fuq il-bżonn tal-kontroll tal-bnedmin, imma fuq il-valuri tal-ġustizzja u l-libertà.  Il-valuri demokratiċi nsara tagħna jmexxuna biex nassiguraw li nwettqu l-ġid u nagħtu l-frott lill-Maltin u lill-Għawdxin.  Is-siġra tagħna ma tbiddlitx.  Meta kellna bżonn żbarniha u għalhekk baqgħet titgħabba bit-tajjeb.  Ħaddieħor ma kkurahiex u, minflok, baqa’ jsaqqiha bl-ilma li staġna.

13.9.12

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Sostenn fil-Qasam tal-Ażil (EASO)

1.    Waqt li nhar il-Ġimgħa filgħodu kont qiegħed ix-Xatt tal-Belt nattendi għal ċerimonja verament importanti, reġgħu ġew quddiemi xeni varji.  Xeni mill-ħidma li saret u li fiha kont parteċipi sabiex ġewwa dawn il-gżejjer għandna uffiċċju Ewropew ta’ importanza kbira - waħda li aħna stess ma napprezzawx biżżejjed kemm hija rilevanti, li però qegħda hemm.  Pajjiżna għandu l-unur jgħid li huwa minn fost il-pajjiżi membri ġodda tal-Unjoni Ewropea li għandu ġewwa fih dan l-uffiċċju importanti għall-ħidma Ewropea f’settur daqshekk delikat u li jitlob attenzjoni kontinwa.  Ftakart f’dan proprju għax din il-linja politika ċara bdiet fl-2008 taħt il-Presidenza Franċiża tat-tieni nofs tas-sena.  Il-memorja ħaditni lura għal dak kollu li kelli ngħaddi minnu (fit-tajjeb u fil-ħażin) sija fl-istituzzjonijiet, fid-diversi kapitali Ewropej oħra li fihom kelli nattendi għal-laqgħat, kif ukoll ġewwa pajjiżi.

2.    Ma kienx faċli, fix-xenarju politiku li kien qiegħed jiżviluppa fid-dell tal-kriżi finanzjarja, li tasal ma’ sitta u għoxrin Stat Membru ieħor fuq dokument politiku ta’ piż.  Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil stabbilixxa, għall-ewwel darba, triq li fuqha l-Istati kollha qablu li għandhom jimxu.  Direzzjoni diretta u ċara li qabel ma kienx hemm.  Fil-Patt kien hemm, u għad hemm, diversi punti ta’ interess għalina lkoll, speċjalment għal dawk li huma fuq il-fruntiera tal-Unjoni.  Għal dawk il-pajjiżi li, bħalna, jridu jwieġbu huma fil-bidu, b’dak kollu li tali tweġiba tista’ tinvolvi, għall-mewġ ta’ bnedmin li l-immigrazzjoni irregolari tagħti.  Sfortunatament u b’mod inġust il-Patt ġie kkritikat ħafna, bl-iktar mod iebes u bla forma ta’ sens fix-xenarju politiku tiegħu.  Biss, fortunatament għalina, illum għandna r-riżultati pożittivi ta’ dak li rnexxielna nwettqu fl-Unjoni permezz tiegħu.  Ħadna varji benefiċċji minnu, għalkemm żgur mhux forsi, għadna f’pożizzjoni li nieħdu ferm iktar fis-snin li ġejjin, dejjem jekk inkomplu nesiġu li jitħaddem kollu.

3.    Iż-żewġ punti prinċipali li kont ikkonċentrajt fuqhom kienu: l-ewwel id-dħul ta’ klawsola ta’ solidarjetà fil-Patt; u t-tieni, li l-uffiċċju magħruf bħala European Asylum Support Office jiġi allokat f’pajjiżna.  Reġgħu ġew quddiemi d-diversi diskussjonijiet, fit-tul u fil-qosor, li kelli ma’ numru ta’ ministri u uffiċċjali mimlija b’esperjenza u informazzjoni sabiex nifhem x’kien hemm kontra u favur li tidħol din il-klawsola li permezz tagħha, stati bħal tagħna setgħu jingħataw assistenza diretta fl-immigrazzjoni irregolari.  F’dak il-Patt daħal, għall-ewwel darba, il-kunċett politiku li qatt qabel ma kienx jeżisti u li anzi, diversi Stati Membri oħra ikbar minna kienu esiġew li jkun hemm, iżda ma kienx irnexxielhom.  Ftakart f’kemm qaluli sabiex naqta’ qalbi, li ma kienx ser jirnexxili nibdel dak li kien hemm.  Biss, bid-diversi ħidmiet li twettqu, u b’mod determinanti dik li għamel ir-Rappreżentant Permanenti tagħna Richard Cachia Caruana, din il-klawsola daħlet u tħaddmet.  Għall-ewwel darbha qegħda hemm, mhux mejta u tħaddmet tajjeb.

3.    Ħadt pjaċir nerġa’ naqra ftit jiem ilu li numru ta’ persuni oħra telqu minn pajjiżna sabiex jibdew ħajja ġdida fi stat ieħor.  Sa issa diġà qabżu l-1700 ruħ li ħarbu minn pajjiżhom jew għax għaddejja gwerra ċivili, inkella għax qed jiġu direttament ippersegwitati, li issa ġew rilokati f’pajjiżi oħra.  Jiġifieri ġew meħuda minn pajjiżna u integrati f’oħrajn, bi programm ta’ assistenza soċjali, edukattivi, ta’ saħħa, ta’ residenza u xogħol.  Hawn ikkonċentrajna ħafna mill-ħin tal-ħidma fil-Ministeru, l-ewwel sabiex il-programm li kien għadu fil-bidu tiegħu mal-Istati Uniti jiġi ssudat, kif fil-fatt ġie; u t-tieni, sabiex il-klawsola ta’ solidarjetà titħaddem mal-membri l-oħra tal-Unjoni.  Illum għandi s-sodisfazzjon nara li dawn il-programmi, bid-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet kollha tagħhom, baqgħu jaħdmu.  Nistgħu ngħidu li bejn wieħed u ieħor, 1000 ruħ marru l-Istati Uniti u 700 ruħ oħra fl-Unjoni.  Dawn il-persuni u pajjiżna bbenefikaw mill-ġenerożità u mis-solidarjetà tal-oħrajn.

4.    It-tieni ħidma li saret fl-istess perjodu kienet marbuta mad-deċiżjoni ta’ fejn kellu jiġi stabbilit l-Uffiċċju.  Pajjiżna ressaq id-disponibilità tiegħu u miegħu kellu żewġ pajjiżi oħra jikkompetu: Ċipru u l-Bulgarija.  Sar ħafna xogħol li diffiċli telenka f’dan l-artikolu, iżda fl-aħħar, ikkonvinċejna.  F’laqgħa waħda, il-membri kollha qablu li dan l-Uffiċċju jiġi stabbilit hawn, f’pajjiżna.  Pass kbir għalina u għall-Ewropa proprju għax, għall-kuntrarju ta’ deċiżjonijiet oħra, ġie stabbilit mill-ewwel b’maġġoranza ċara favur tagħna.  Għad għandi quddiemi x-xena ta’ dik il-ġurnata meta ttieħed il-vot.  L-istess id-diversi ministri li tawna appoġġ u li kienu vuċijiet magħna fil-kapitolu.

5.    L-Uffiċċju huwa verament importanti fl-istrateġija tal-immigrazzjoni u l-ażil għall-Ewropa kollha.  Dan l-Uffiċċju għandu diversi miri, però dawk primarji huma: l-ewwel, li jiżviluppa koperazzjoni prattika fost l-Istati Membri dwar l-ażil billi jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-pajjiżi ta’ oriġini, jipprovdi lill-Istati Membri b’appoġġ għat-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u taħriġ għall-uffiċjali tal-ażil u billi jgħin fir-rilokazzjoni ta’ rifuġjati rikonoxxuti.  It-tieni, li jagħti appoġġ lil dawk l-Istati Membri taħt “pressjoni partikolari”, speċjalment permezz tat-twaqqif ta’ sistema ta’ twissija bikrija, il-kordinazzjoni ta’ timijiet ta’ esperti biex jassistu lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fil-ġestjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil u l-ħolqien ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza xierqa.  It-tielet, li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-SEKA (Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil) permezz tal-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aħħar prassi, ifassal rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-ażil fl-Unjoni Ewropea u billi jaddotta dokumenti tekniċi, bħal linji gwida u manwali operattivi, dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-ażil tal-Unjoni.

7.    Dan l-Uffiċċju beda jaħdem diġà.  Hawn numru sew ta’ persuni jaħdmu miegħu, kif ukoll qed isiru laqgħat regolari hawn.  Il-benefiċċji għalina huma tnejn: l-ewwel, assistenza fil-problemi marbuta mal-immigrazzjoni irregolari; u t-tieni, mill-effett ekonomiku li qiegħed joħloq għal pajjiżna.  Bir-raġun ħadt pjaċir niġi mistieden għal din l-okkażjoni.  Għandi s-sodisfazzjon nirreġistra mal-poplu li nirrappreżenta u li ħdimt għalih u għalija nnifsi li, fis-settur tal-immigrazzjoni, ħdimna tajjeb ħafna.  Forsi din il-ħidma ma rreġistratx fil-materja ġriġja ta’ ċerti bnedmin, imma hemm qegħda.  Ħidma tajba li qegħda tagħti l-frott u mhux twettaq il-ħsara.

4.9.12

Il-partit tal-għira

1.    F’dan il-pajjiż hemm diversi forom u tipi ta’ partiti.  Hemm dawk tal-baned, hemm dawk tal-ballun, hemm dawk tal-festi, hemm dawk politiċi u hemm oħrajn ferm iktar b’saħħithom, trasversali.  Hemm fosthom dak li ma jidhirx.  Wieħed li tħossu jaħdem quddiemek mingħajr ma tista’ taqbdu, jew tipprova tirraġuna miegħu.  Triq sempliċement issofrih, speċjalment meta jiġi dritt dritt għal fuqek.  Huwa proprju dak il-partit li m’huwiex reġistrat, li jifforma ruħu mingħajr ma l-partijiet neċessarjament ikunu jafu li saru parti minnu.  Jaġixxu qishom għal rashom, imma fil-verità b’għan u direzzjoni waħda – id-direzzjoni passjonali li l-għira tagħti.

2.    Il-mibki u magħruf Erin Serracino Inglott, f’ “Il-Miklem Malti” tiegħu jikteb li l-għira hija “stat, qagħda ta’ min jgħir; xewqa li wieħed ikun aħjar minn ħaddieħor; emulazzjoni; rieda jew sensazzjoni qawwija li wieħed iħoss; fil-qasam ta’ xogħolu; li jiżboq lill-oħrajn kollha, l-iktar lil min jarah meqjus aktar minnu, minn ta’ fuqhom”.  L-għira hija perikoluża, tipprova tagħrax lil kull persuna.  Tkerrah is-sentimenti t-tajba u tkabbar dawk ħżiena.  Jekk ma tiġix kontrollata mill-bidu taf taħkem lil dak li jkun.  Tagħmel minnu dak li ma jridx, dak li anqas huwa stess ma jkun jaf li qiegħed iwettaq.  Sfortunatament, diversi jaqgħu f’din in-nassa, speċjalment dawk li jaraw is-suċċess ta’ ħaddieħor u jgħarfu li ma jistgħux jilħquh.  Dawn jispiċċaw maħkuma, mitlufa u strument ta’ aġir żbaljat.  Aġir li minnu ma jitwieled xejn.

3.    In-nies ta’ dawn il-gżejjer ilhom jafu bl-għira minn żmien żemżem.  Tant li, missirijietna kienu jgħidu (u naħseb tajjeb ħafna), l-ewwel li “L-għira titrod wara l-għaref qisu dellu miexi warajh”, kif ukoll “L-għira tan-nies iġġib mibgħeda bla qies”.  Dan huwa kollu minnu, kif diversi persuni li sfortunatament iħallsu prezz għal dan l-istat f’qalb ħaddieħor, jistgħu jixhdu għalih.  Hemm dawk li jħarsu lejk bl-ikrah u dawk li wiċċhom qiegħed fi stat perenni hekk.  Numru ta’ persuni, flok jammettu n-nuqqas tagħhom, jikkonvinċu ruħhom li huma oħrajn li għamlulhom u naqsuhom.  Il-verità trid f’dan tibqa’ ma tingħadx, u dan għax l-għira tgħix u tikber meta l-verità toħroġ barra mit-tieqa.

4.    Nikteb dan għax f’dawn l-aħħar xhur, speċjalment f’dawn l-aħħar jiem, l-għira rajtha tikber wisq.  Ħakmet lil diversi sabiex ġiebet magħha l-mibgħeda.  Wisq sentimenti ta’ għira, vendikazzjoni u mibgħeda ħarġu fil-miftuħ.  Wisq bnedmin intilfu jgħajru u jippruvaw iċekknu l-ġieħ tal-oħrajn għar-raġunijiet varji tagħhom u ġew użati mezzi, metodi varji.  Uħud marru direttament lejn il-persuna, il-kwalitajiet tagħha.  Oħrajn denigrazzjoni totali u sistematika.  Daqqa kliem iebes, daqqa żebliħ.  Il-ħsara ssir, it-tajn jinxeħet u xi ftit jeħel.  Huwa verament tal-mistħija li nisimgħu u naqraw dawn l-affarijiet.  Atti li jagħmlu wisq ħsara lit-tessut soċjali tagħna lkoll.

5.    Sfortunatament, għandna mezzi ta’ komunikazzjoni li minn filgħodu sa filgħaxija jridu l-ħin kollu, mhux b’mod leġittimu, jikkritikaw u jsaħħnu lin-nies u lill-poplu.  Isaħħnu billi l-ħin kollu jilgħabu bis-sentimenti tal-għira.  Dak li qiegħed isir mill-Gvern tal-ġurnata jrid jitpinġa mhix biss bħala ħażin, li ma jkunx, imma li ħaddieħor qiegħed jieħu dak li inti m’intix.  Il-ġlied bejn il-klassijiet jikber minn dan.  Mhux xi proċess ta’ kompetizzjoni salutari jew kollaborazzjoni, imma risentimenti.  F’dan kollu, kull partit għandu fuqu r-responsabbiltà tiegħu.  Jista’ jaħrabha.  Jista' jaħseb, kif qiegħed manifestament jagħmel il-Partit Laburista, li dak li qed isaħħan illum għada mhux se jsibu.  Min jiżra l-għira s-sikrana jsib u minnha ma jista’ jieħu xejn ħlief li jaħraqha.

6.    Dan il-Gvern, bid-diffikultajiet straordinarji kollha tiegħu, baqa’ jaħdem sabiex iwettaq is-sewwa.  Baqa’ jirreġistra suċċess wara ieħor fl-ekonomija, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u sar il-mira tal-għira.  Ir-realtà hija li din it-tmexxija ġiebet l-għira f’qalb min ma jridx iħalliha tikber għax irnexxielha turi bil-fatti li kienet, u għadha, kapaċi tbiddel u tmexxi ‘l quddiem lil dan il-poplu.  Dan huwa ċar u evidenti quddiem għajnejn dawk li jgħarblu sewwa.  Il-Partit Nazzjonalista għandu l-iżvantaġġ preżenti ta’ membri fi ħdanu li m’għadhomx fi triqtu u tilfu l-boxxla, però għandu vantaġġi ferm ikbar.  L-ewwel, l-abbiltà u l-esperjenza indiskussa tat-tmexxija tal-Kap, Lawrence Gonzi.  M’hemmx ħaddieħor li kapaċi jmexxi f’dan il-mument diffiċli.  It-tieni, il-perseveranza u d-determinazzjoni tal-persuni madwaru li jservu lill-pajjiż u lill-poplu kull ġurnata, b’attenzjoni.  Ma hemmx dubju li din il-ħidma ġiebet l-għira ta’ diversi.  Nafuha.  Irridu biss nikkumbattuha bis-sewwa, mingħajr ma nwieġbu b’azzjonijiet żbaljati għal dawk li l-għira tikkmanda.

5.6.12

Il-laqgħa mal-Prim Ministru fil-Luxol

Dan huwa l-filmat tal-laqgħa mal-Prim Ministru ta' nhar il-Ħadd, 3 ta' Ġunju 2012 fil-Luxol, f'St. Andrews, lejlet il-vot ta' fiduċja li tressaq mill-Prim Ministru fil-Parlament.

Filwaqt li nirringrazzja lil kull min kien hemm u ta l-appoġġ lili u lill-Prim Ministru dak inhar. 

Nistedinkom tarawh.

4.6.12

It-tieni parti tad-diskors tiegħi fil-Parlament

Din hija t-tieni parti tad-diskors tiegħi fil-Parlament fis-seduta ta' nhar l-Erbgħa 30 ta' Mejju 2012 li matulu komplejt tajt rendikont tax-xogħol kollu li sar mill-Ministeru tal-Intern fl-aħħar erba' snin u tajt prova kemm il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni kienet bla bażi.

Wara d-diskors tiegħi hemm ukoll dak tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Nistedinkom tisimgħuh, għalkemm huwa kemmxejn twil.

Biex tisimgħu il-clip, ikollok bżonn il-plugin neċessarju, bħal Quicktime. Imbgħad kemm tagħfas fuq il-buttuna tal-"play"


27.3.12

Partit minn dejjem viċin

1.    Hemm min forsi ħa l-impressjoni li l-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista b’xi mod ingħalqu ġo f’xi fortizza, ‘il bogħod mis-soċjetà.  L-impressjoni li xi wħud ħadu, u oħrajn ippruvaw jagħtu hija li minn issa ‘l quddiem ser ninbidlu minn kif konna.  Nifhem u napprezza dan, ġej minn fejn huwa ġej, però r-realtà, il-verità hija kompletament differenti.  Ftit huma l-membri fil-Kamra min-naħa tagħna li waqfu jgħinu fis-soċjetà, li ma baqgħux jitħalltu mal-poplu, li ma rawx jew ma ppruvawx jisimgħu kemm setgħu.  Fuq dan il-proċess diġà saru numru ta’ passi ġodda nformattivi u diġà ssolvew diversi problemi.

2.    Il-Partit tagħna ra kif jista’ jibdel is-soċjetà sabiex jibniha aħjar milli hi.  Wiret kultura ingranata fil-bżonn tal-politiku li jqassam u jxerred il-pjaċiri.  Fi żmien ieħor, illum tistħi tgħid dan, ridt lil xi Ministru jew membru parlamentari sabiex ikollox il-linja tat-telefon, televiżjoni tal-kulur, iddaħħal merkanzija biex tkabbar il-kummerċ, eċċ.  Il-lista hija twila wisq – dan nafuh sew.  Il-persuni li kienu f’dak il-mument fil-gvern sabu ruħhom fin-neċessità li kull ma jista’ jkun bi dritt isir bi pjaċir.  Dan illum m’għadux u tkun daqqa ta’ ħarta kbira għalina lkoll jekk xi partit politiku fil-futur jidħol lura f’dik id-dinja mudlama.

3.    Diġà hemm min qiegħed jara dan jiżviluppa jekk il-poplu, fil-libertà tiegħu, jagħżel li jibdel it-tmexxija tal-pajjiż.  Il-bnedmin nafu li mhux dejjem jirnexxilhom jibdlu sew lilhom infushom.  Sistemi bħal dawn, bażati fuq il-pjaċiri, fihom it-tentazzjonijiet tagħhom għax jassiguraw li persuni jibqgħu jiġu eletti.  Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista għamel dejjem sew li ma qabilx ma’ dan.  Anzi, jingħad x’jingħad, l-aħħar Elezzjoni Ġenerali dan deher iktar ċar.  Il-partit ġie penalizzat minn min ma ħax dak li ppretenda li għandu jieħu u ma vvutax.  Uħud bi pretesta, oħrajn għal raġunijiet varji oħra.  Ħallasna prezz politiku għas-sewwa. 

4.    Dan però ma jfissirx li l-partit m’għandux id-dmir li jkompli jgħarrex u jifhem dak li għaddej minnu l-pajjiż.  Drabi persuni f’xi dar, kantuniera, pjazza, ħanut, fejn trid, jiftħulek għajnejk fuq dak li jkun mistur għalik.  Dan huwa proċess neċessarju u salutari għal min irid jibqa’ jifhem fejn iħabbat il-polz.  Wieħed li ma jistax jinżamm lura milli jsir għax inkella dak li jitwieled mill-ħidma politika ma jweġibx għas-sewwa u l-ġustizzja.  Mhux biss, bil-mezzi inadegwati u nfluwenzati ta’ komunikazzjoni, diversi ma jkunux jafu li għandhom dritt għal ħaġa.  Il-maġġorparti tal-pajjiż huwa wieħed prudenti, li ma jersaqx ‘il quddiem u jiddejjaq jitlob.  Għalhekk, fuq in-naħa l-oħra tal-munita, il-membru parlamentari jsib lilu nnifsu bħala mezz u strument ta’ informazzjoni.

5.    Id-djalogu, id-diskussjoni jwasslu għal skambju ta’ ideat.  Parti tifhem l-oħra fejn hemm imħuħ preparati għal dan l-eżerċizzju.  Mhux kull persuna tista’ tasal miegħu jew tipperswadih.  Xi drabi l-pożizzjonijiet ikunu riġidi, oħrajn impossibbli.  Biss, meta l-linja tkun umana u fin-nofs issib komprensjoni u għarfien ikun hemm.  Il-poplu huwa mimli b’varjetajiet.  Min iħares lejn il-partiti fil-Gvern u fl-Oppożizzjoni bl-istess kejl u min le.  Nemmen li l-politika t-tajba għandha tkun dejjem miftuħa, biss marbuta mhux mal-paroli, mal-propaganda tal-bumbardamenti ta’ messaġġi vojta, imma lejn il-fatti.  Partit fil-Gvern għandu d-dmir li jikkonċentra fuq il-fatti mhux fuq diskors fieragħ.  Dan ifisser li jrid iqatta’ iktar ħin fil-kalatura fuq din il-ħidma.

6.    Kien għalhekk pass mill-iktar utli li seħħ matul din il-ġimgħa mill-Kap tal-Partit Lawrence Gonzi u Simon Busuttil fil-laqgħat fl-AŻAD.  Il-proċess li qiegħed isir mal-organizzazzjonijiet varji huwa utli għal diversi raġunijiet.  Prinċipalment sabiex naraw dak li twettaq mill-aħħar manifest elettorali, u t-tieni biex inkomplu nibnu fuq dak li huwa ġej.  Hu evidenti li l-Partit Nazzjonalista qatt ma kien nieqes mill-inizjattivi ġodda, minn ideat li biddlu s-soċjetà.  Huwa jibqa’ partit impenjat għas-sewwa u li jassigura dejjem iktar li hu viċin il-poplu.

27.2.12

Il-konferma tal-Kap


1.    Kien pass dovut li l-Kap tal-partit jerġa’ jqiegħed lilu nnifsu lura għall-approvazzjoni tal-Kunsilliera tal-partit.  Kif kien spjega huwa stess bl-iktar mod ċar fl-aħħar Kunsill Ġenerali, ried jagħti kull opportunità sabiex il-proċess demokratiku jsir.  Il-proċess li permezz tiegħu, kull min b’xi mod ma jaqbilx miegħu, jkun jista’ jikkontestah.  Kien hemm min ipprova jnaqqas mill-valur ta’ dan kollu.  Kien hemm min ċekknu għal raġunijiet differenti, però fuq in-naħa l-oħra kien ikun hemm iktar kritika li kieku dan kollu ma sarx.  Bħal pajjiżi oħra, minn fostna l-ipokrezija u s-segwaċi tal-partit trasversali tal-għira, ma jonqsux.

2.    Ħalla t-triq miftuħa sabiex dawk kollha li tul din il-leġislatura ma qablux miegħu, issa setgħu jersqu ‘l quddiem u jgħaddu għall-fatti.  Għax irid jingħad li tul din il-leġislatura ma naqsux dawk li mal-inqas tingiża, vera jew apparenti, kienu jidħlu jiġru jesprimu ruħhom mod jew ieħor.  Kull sena, mill-bidunett rajna ħafna li ntilfu f’din it-triq, jgħidu dak li forsi anqas jemmnu fih jew li huwa evidenti li m’għandu ebda forma ta’ verità.  Biss, issa dawk kollha li b’xi mod kienu kontestaturi ta’ linja politika jew ta’ tmexxija ta’ partit, setgħu jersqu ’l quddiem.  Joħorġu għonqhom skont il-valuri tal-irġulija u jikkontestaw b’alternattiva interna.

3.    Din kienet opportunità unika li ħadd ma ħa.  Opportunità li ebda kap ieħor qatt ma ta lil min ikkontestah, u dan f’ebda partit.  Għalhekk huwa illum iktar u iktar għad-dawl tax-xemx li min qabel resaq ‘il quddiem kontrih, illum qiegħed bil-fatti jaċċettah bħala l-persuna li kapaċi jmexxi ‘l quddiem.  Min jaf sew lil dan il-partit, żgur jaf li ebda Kap tal-partit, wisq u wisq inqas Lawrence Gonzi ma ried, jew irid, jew jippretendi li kull min qiegħed miegħu jaqbel perfettament u ma jgħidx il-kontra, però hemm linja interna fil-partit ta’ kif din issir.  Saret qabel u tibqa’ ssir minn dawk li jridu l-ġid lil dan il-partit, għax jemmnu fih li kapaċi jibdel, jirriforma u jwassal il-ġustizzja soċjali tagħna fejn għandu jwassalha.

4.    Il-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar snin minn meta kien fl-Oppożizzjoni sallum, kellu dejjem kurrenti ta’ ħsieb fuq suġġetti varji li kien kapaċi jiddiskuti fit-tul u fil-fond fi ħdanu.  Bil-kalma, bl-irġulija u bl-għarfien li ladarba nieħdu deċiżjoni nkunu lkoll marbutin biha u niddefenduha.  Partit politiku jaħdem b’dan il-mod.  Dan huwa l-vantaġġ tad-demokrazija li jkollha fi ħdanha persuni liberi li jidħlu għall-piż u responsabbiltà li jipparteċipaw u jmexxu ‘l quddiem għall-ġid komuni.  Ma nafx min jista’ jippretendi l-kontra, sakemm ma nkissrux kompletament is-sistema politika li baqgħet taħdem u mmorru għal dik anarkika, fejn kull membru huwa għal rasu.  Il-poplu sa issa jivvota għall-persuni fi ħdan il-partit u mhux għal varjetà ta’ persuni li kull wieħed jiġi jirrappreżenta partit għalih innifsu.

5.    Lawrence Gonzi ra sew ma’ wiċċu.  Kien kemm kampanji varji kontra tiegħu.  Uħud jidhru, oħrajn mhux tant, sakemm ma tkunx taf sew il-persuni varji.  Dawn kollha rnexxilu jissuperahom.  Irnexxilu jkompli jżomm it-tmun, id-direzzjoni t-tajba tal-partit u tal-pajjiż.  Nixtieq inkun naf min kien ikun kapaċi jmexxi ’l quddiem b’dan kollu, f’dan il-baħar imqalleb li f’ebda mument ma juri li ser inaqqas.  Biss, dawk li jafuh jirrikonoxxu li l-paċenzja u l-preparazzjoni li jissaporti fit-tul huma parti sħiħa mill-karattru tiegħu.  Servewh tajjeb fil-kamp politiku.  Jum wara jum rajtu direttament iżomm lura.  Nifhmu, għax anke jien mhux nieqes minn dawn, però nistqarr li għandu dożi ferm iktar qawwija minn tiegħi.

6.    Dan l-appuntament huwa illum superat.  Għadda, u issa qiegħed warajna.  Inħarsu ‘l quddiem sabiex inkomplu naħdmu għall-ġid tal-pajjiż tagħna.  Dan ma jfissirx li mhux ser naraw iktar problemi, kumplikazzjonijiet varji, anzi nistgħu  nipprevedu li l-kurrenti ser jiżdiedu.  Biss, żgur mhux forsi f’dan kollu l-poplu ser jirrikonoxxi li, minkejja kollox, Lawrence Gonzi kapaċi jeħodhom, jaffrontahom u, biċċa biċċa, jissuperahom.  Il-bnedmin ta’ rieda tajba persuna ta’ valur iridu biex tmexxihom ‘il quddiem.  Kap ta’ partit li jibqa’ jħares ‘il quddiem u jaħdem għas-sewwa.  Prim Ministru li jibqa’ jistinka biex jassigura l-paċi, l-istabilità, il-progress u l-ġustizzja soċjali.

8.2.12

Għall-istabilità u l-ġustizzja soċjali

1.    Din il-ġimgħa għaddiet fid-dell tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit.  Kunsill barra mis-soltu.  Wieħed li ġie msejjaħ apposta biex jiġi ndirizzat x’qiegħed jiġri fix-xenarju politiku.  Il-poplu waqaf jisma’.  Waqaf jara dak li kien għaddej ġewwa ħdanna.  Għal dawk li ħasbu li konna ser nitilfu l-kurrent, il-kalma u r-raġuni, il-jum tal-Ħadd wera preċiż il-kontra.  Tul dawn l-aħħar snin urejna bil-provi li l-problemi tal-pajjiż iridu jiġu ikkonfrontati bil-għaqal, anke jekk jidhru jew ikunu viċin li ma jistgħux jiġu solvuti.  Fl-aħħar mill-aħħar, il-politika hija parti mill-ħajja.

2.    Il-ħajja hija mimlija tibdiliet.  Mimlija b’sitwazzjonijiet li jinbidlu l-ħin kollu.  Kull siegħa tal-ġurnata ġġib magħha differenzi.  Illum ferm u ferm iktar minn qatt qabel b’dinja li qegħda bl-iktar mod ċar tiċkien.  Tonqos fid-dimensjoni għax l-informazzjoni ddur malajr.  Iddur b’dak li jkun qiegħed iseħħ u li ser inevitabbilment jolqtok.  Jekk pajjiż ‘il bgħid minna għaddej minn mumenti iebsa fl-ekonomija tiegħu dan inevitabbilment ser, b’xi mod, jolqotna hawn ukoll.  Il-kumplessità tal-problemi u intoppi li għandna x’naffrontaw bħala bnedmin u bħala politiċi hija kompletament differenti minn dik li kellna fil-passat.

3.    Anzi, hemm lezzjoni li ħarġet ċara u tonda f’dawn l-aħħar erba’ snin ta’ kriżi ekonomika: dik li tgħid li kull jum huwa għal rasu.  Jum mexjin tajjeb, l-għada l-istorja tinbidel.  L-Ewropa, il-pajjiżi l-oħra tad-dinja għarfu kemm is-sitwazzjoni saret fluwida u l-permanenza li kien hemm qabel illum tnaqqset sew.  Dak li konna norbtu fuqu, dak li kien meħud bħala pedestal indistruttibli, illum m’għadux.  Qisu l-istorja trid tinkiteb mill-ġdid.  Il-kotba tal-ekonomija jinħasbu mill-qiegħ u t-teoriji kollha, l-akkademja li kellna, taru kollha mar-riħ.  Min qiegħed jaħdem fil-politika, fil-preżent jaf li dan qiegħed iseħħ u jrid jinkwadra ruħu għalih.  Jaf li jrid ikun ippreparat għal bidla kontinwa.

4.    Dan hu li ilu jmexxina f’dawn ix-xhur.  L-abbiltà li nifhmu dak li għaddej sabiex nimmodifikaw dak li qed nibnu biex inkunu kontinwament ippreparati.  Meta wieħed iqis dak li għadda u għadu għaddej minnu pajjiżna jifhem iktar u iktar li mhux faċli xejn.  Il-poplu, fid-dar tiegħu, mhux dejjem jifhem dan.  Iktar u iktar meta hemm għaddej messaġġ żbaljat li dak li għaddejja minnu l-ekonomija, l-ewwel hija kaġun ta’ xi deċiżjonijiet żbaljati tagħna, u t-tieni li tista’ tissolva b’nies differenti.  Il-verità hija dijametikament il-kontra.  Il-pajjiż għaddej jaffronta problemi li ma twieldux hawn, iżda barra minn xtutna.  Però hemm bżonn ferm u ferm iktar spjegazzjoni ċara u diretta mal-pajjiż, biex kulħadd jifhem x’verament qiegħed jiġri u x’qiegħed isir biex l-impatt jiġi kuntrastat.

5.    Għalhekk il-Kunsill Ġenerali tal-Partit ħa importanza ferm ikbar mis-soltu.  Fih deher il-kuntrast bejn dak li għaddej fuq dawn il-gżejjer u dak li għaddej f’pajjiżi oħra.  Kull poplu jrid jaffronta tiegħu, però kif jagħmel dan, ikollu effett fuq il-ġirien tiegħu.  Il-Prim Ministru affronta l-kumplessità tal-pożizzjoni, b’għaqal u b’intelliġenza.  Ma ħarabx mill-konsegwenzi u anqas ma pprova jaħbihom.  Jaf li min m’għandux grazzja magħna ser jipprova jdawwar ħaġa f’oħra, però dan ma jfissirx li ma jridx jagħmel dak li huwa doveruż li jsir.  Ma kienx hemm ħafna xi tgħid fuq dan.  Ladarba t-tmexxija tiegħu ġiet kontestata, kellu bilfors jesiġi mill-Partit li jerġa’ jqiegħed lilu nnifsu għall-vot u l-approvazzjoni tal-kunsilliera li ħatruh.

6.    Hemm min ipprova jċekken dan, biss il-pajjiż qiegħed jifhem li huwa neċessarju.  Kemm dan qed jasal għand il-poplu hija ħaġ’oħra.  Dak dmirna lkoll, biex nibqgħu nfehmu.  Neċessarju għal partit li ġieb id-demokrazija taħdem u li jemmen li hija valur.  Valur li fiha metodu ċar, mhux żbaljat, li bih irridu naħdmu biex toħroġ fil-beraħ il-verità.  M’hemmx dubju li din hija kumplikazzjoni oħra ma’ dak li qed naffrontaw.  Biss, ħadd ma jista’ jipprevedi dak li ġej għalina.  Jista’ biss jersaq lejn il-problema u jikkonfrontaha bir-raġuni.  Dan hu li ilu jwettaq dan il-bniedem, Lawrence Gonzi.  Dan hu li, għal min jafu, ser jibqa’ jagħmel.  Qiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-pajjiż u hekk ser ikompli jagħmel.  Jikkonfronta l-kumplikazzjonijiet u, fl-istess ħin, ikompli jassigura l-istabilità.

16.1.12

Kalma, umiltà - paċi u stabilità

1.    F’dawn l-aħħar jiem, ix-xenarju politiku għadda minn mumenti interessanti.  Dawk li ġejjin, m’hemmx dubju li ser ikomplu jimmeritaw l-attenzjoni tal-poplu u tal-pajjiż.  Huwa mill-iktar evidenti l-kuntrast f’dak li qed jiġri.  Il-Partit Laburista mitluf jiġri kemm jiflaħ, tilef rasu u fl-eċċitament tal-mument għandu issa f’moħħu li, huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi tal-pajjiż, irid bilfors jisforza elezzjoni ġenerali.  Il-Partit Nazzjonalista żamm il-kalma u baqa’ saqajh mal-art.  Il-konsiderazzjonijiet politiċi huma ħaġa, però l-ġid tal-poplu huwa ferm iktar importanti.

2.    Nistqarr li skantajt kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, li beda fuq triq tajba li kienet qed tindika bidu ta’ sinjali ta’ maturità, qabad u biddel ħabta u sabta.  Fil-fatt, fil-ġimgħa li għaddiet beda b’linja ta’ kawtela u attenzjoni.  M’hemmx dubju li hemm l-odjożità ta’ dawn iċ-ċirkostanzi u mexxej ġdid irid joqgħod ferm attent f’dak li qed jagħmel għall-eventi tal-futur.  Sa dak il-ħin kienet qegħda tingħata l-impressjoni li l-partit f’idejh però iktar tard, preċiżament il-Ġimgħa filgħodu dan kollu, ħabta u sabta, dar.

3.    Minn linja ta’ attenzjoni, f’daqqa waħda deher ċar li l-irwiefen daru u dak li kien ilu jirreżisti, għelbu.  Fil-grupp parlamentari jidher li l-parti l-antika u maġġoritarja dawret minn attenzjoni għal sogru u riskju.  Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet li saru mill-Kap tal-Oppożizzjoni nbidlu minn “le” għal “forsi” għal “iva”.  M’hemmx dubju li wara dan hemm membri li għandhom il-leblieba għall-poter, dawk li ġejjin mill-paġni tal-istorja ta’ dawn l-aħħar tletin sena, li għadhom jiddominaw u mir-riżultati jiddettaw kif u x’għandu jagħmel.

4.    Il-kalma, ir-raġuni li għandhom jiggwidaw mexxejja politiċi f’mumenti bħal dawn ma tantx rajthom jirbħu fil-Partit Laburista.  Anzi, hemm għaġġla, rabja u bżonn evidenti ta’ deċiżjoni politika li flok issir kif għandha ssir, issir bil-ħatfa, “snatch and grab”.  Ħadd ma jista’ b’xi mod jgħid li s-sitwazzjoni politika hija faċli, biss kif tersaq lejha, kif taffrontaha huwa determinanti sija għall-pajjiż, kif ukoll għall-kredenzjali ta’ min imexxi.  Ngħid dan għax minflok, fuq in-naħa l-oħra nara l-aġir umli, kalm, determinat u ffukat li l-Prim Ministru żamm il-ħin kollu.

5.    Flok ma telaq jiġri, kif seta’ għamel, flok ippreċipita b’mozzjonijiet ta’ malajr, tal-għaġġla, ħa ħsieb li jimxi bil-kawtela dovuta.  Anzi, minkejja l-baħar imqalleb żamm lilu nnifsu ffukat, jaħdem għall-ġid tal-poplu u fl-istess ħin jara li s-suġġett jiġi diskuss u dibattut fil-partit, kif inhuwa xieraq u mistenni minn mexxej tajjeb u sod.  Ħadd ma jista’ b’xi mod jiċħad il-fatt li Lawrence Gonzi ra inkwiet politiku ferm iktar qawwi minn dawk li ġew qablu u daqstant ieħor ħadd ma jista’ jiċħad li żamm il-kalma u l-paċi interna tiegħu.  Anke l-viżta tiegħu barra, li xi wħud ikkritikaw, kienet indikazzjoni mill-iktar ċara li dmiru jrid ikompli jwettqu.  Hija ħasra li bil-mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni l-ġid ekonomiku li kien ser jinġieb, issa mertu ta’ dan l-aġir żbaljat, ser jintilef.

6.    Meta x-xenarju politiku jibda jbaqbaq b’iktar intensità mis-soltu, l-mexxej it-tajjeb irid joqgħod attent li ma jitkaxkarx u minflok jaġixxi bil-kalma, bir-raġuni, fil-paċi, ma jitlifx rasu u jintilef fl-ordni tal-prijoritajiet veri.  Il-Gvern għamel diġà ferm u ferm iktar minn ħaddieħor.  Żamm l-ekonomija għaddejja, żamm id-dinja tax-xogħol tikber, assigura li l-benefiċċji soċjali mhux talli ma jitnaqqrux, imma jiżdiedu.  Tant dan huwa minnu li l-mozzjoni ta’ sfiduċja tal-Oppożizzjoni hija xotta daqs il-frawli, ma għandha ebda motivazzjoni, ebda raġuni, ebda aġir gravi.  Anzi, hija proprju ċertifikat favur ħidmietna.  Anki f’dawn il-jiem, il-partiti u l-kapijiet tagħhom jikxfu dak li huma.  Huwa mill-iktar evidenti li Lawrence Gonzi baqa’ kalm u umli u l-poplu jaf li fuq dawn il-kwalitajiet jitkattru l-paċi u l-istabilità.




9.1.12

Fil-maltemp il-kaptan it-tajjeb

1.    Għaddiet sena mimlija attività politika.  Eventi li, f’daqqa, rari ħafna jseħħu fl-istorja u fil-karriera ta’ bnedmin li jkunu ddedikaw ruħhom għas-servizz tal-pajjiż.  Minn barra, diversi jaħsbu li min jiġi elett qiegħed hemm għall-vanaglorja tiegħu, sabiex ikun jidher sabiħ u meqjus mill-oħrajn.  Imma r-realtà ta’ kuljum hija kompletament differenti.  Is-sitwazzjonijiet, l-intoppi, il-kumplikazzjonijiet li jqumu kontinwament ma jagħtux ħajja komda, iżda waħda li titlob attenzjoni, applikazzjoni u perseveranza.  Il-politiku jrid jaffronta dak li jkollu quddiemu bl-aħjar abbiltajiet tiegħu, bil-valuri li jħaddan.  Tkun aktar tard fl-istorja, wara ċertu trapass ta’ żmien li l-ġudizzji jsiru, lejn naħa jew oħra.

2.    Il-politiku huwa ħafna drabi bħal dak il-baħri abbord bastiment sejjer minn post għall-ieħor.  Dak li huwa politiku nisrani għandu sejħiet oħra, iktar qawwija, quddiemu.  Tul is-sena li għaddiet irriflettejt diversi mumenti fuq il-kitba li tiddeskrivi, l-ewwel, lil Sidna Ġesù Kristu fuq id-dgħajsa tas-sajjieda jistrieħ; u t-tieni, dik li mhux abbord, imma jitla’ fuqha.  Kull darba l-ambjent huwa wieħed ta’ nkwiet, ta’ periklu, ta’ ilmijiet qawwija tant li jkunu ser jaqilbu kollox.  Il-baħrin, l-appostli jinkwetaw jaraw wiċċ il-mewt imma l-kalma tfeġġ lura.

3.    Il-baħri ma jagħżilx li jipprova jibdel il-maltemp fi bnazzi, jaf li ma jistax jibdel il-kurrenti tal-baħar jew il-forza tal-mewġ u tal-irjiħat – irid biss jaffrontahom.  L-istess in-nisrani – jaf li ladarba huwa mgħobbi bis-salib, irid iġorru t-telgħa kollha.  Ix-xenarju li għaddejna minnu u li preżentement ninsabu fih huwa wieħed iebes u diffiċli.  L-ilmijiet huma qawwija u l-kurrenti m’humiex ta’ wiċċ il-baħar imma ġejjin minn taħt.  Min għandu rasu fuq għonqu jaf li l-prospetti għal din is-sena huma iebsa.  Jilludi lilu nnifsu u lill-proxxmu tiegħu min qiegħed jipprova jagħti x’wieħed jifhem li għal din is-sena mhux ser ikollna nkwiet ekonomiku bid-diffikultajiet soċjali li dan iġib miegħu.

4.    Innutajt li qed isir il-punt żbaljat mill-Oppożizzjoni li d-diffikultajiet li qed naraw ġejjin huma marbuta ma’ sitwazzjonijiet lokali.  L-argumenti mressqa jinjoraw ovvjament il-fatt li l-problemi li l-Ewropa, il-Mediterran u d-dinja hemm ser jibqgħu, imexxi min imexxi lil dan il-poplu.  Il-pern tal-loġika f’dan hu: x’abbiltajiet politiċi għandu bżonn dan il-pajjiż sabiex nassiguraw, l-ewwel, li l-ekonomija tibqa’ tikber u tiġġenera x-xogħol; it-tieni, li ma mmorux lura fil-pakkett soċjali tagħna sabiex min huwa minn taħt jibqa’ jiġi mgħejun.  Kif jgħidu: kif aħna nafu, kif ser inkunu le.

5.    F’dawn is-snin ta’ din il-leġislatura u ta’ qabilha nżammew l-istabilità ekonomika u l-paċi soċjali proprju għax min qiegħed imexxi għaraf minn qabel is-sinjali taż-żminijiet u ħa d-deċiżjonijiet it-tajba.  L-istatistika mhix kwantifikabbli fin-numri elettorali jew politiċi, imma fil-kapaċità, l-għaqal u l-abbiltà li tara dak li ġej u tieħu l-passi.  Għal dawk li għadhom jaħsbu li l-istat ekonomiku u soċjali ta’ dawn il-gżejjer huwa wieħed faċli u sempliċi li b’miżura waħda tista’ ssolvi l-problemi kollha huma għal kollox żbaljati.  Min jidħol fit-tmun ta’ dan il-bastiment jaf li jrid mill-ewwel ikun preparat sew u m’hemmx żmien għall-apprendistat għax il-ħsara li ssir tkun waħda irreversibbli.

6.    Il-kaptan għandu fuqu r-responsabbiltà tal-baħrin u l-passiġġieri, kif ukoll tal-bastiment.  Fil-maltemp, deċiżjonijiet tajba jżommu lil kulħadd għaddej – dawk ħżiena jwasslu għat-telfien u għad-diżastri.  Preżentement, maltemp u maltempati għandna għal quddiemna.  L-istabilità ta’ kollox tiġi proprju mill-għarfien li hemm il-bżonn li nibqgħu nitmexxew tajjeb.  Il-verità hija li f’dan il-maltemp kaptan tajjeb għandna – wieħed li m’hemmx dubju li jkompli juri lilu nnifsu fl-abbiltajiet sħaħ tiegħu.  Fuq in-naħa l-oħra l-verità hija wkoll li ma hemmx previżjonijiet ta’ ibħra kalmi.

5.11.11

Responsabbiltà, prudenza u esperjenza

 Dan l-artikolu kien deher fil-ġurnal Il-Mument nhar il-Ħadd 26 t'Awwissu 2011. 

1.    Ix-xenarju fil-Libja f’din l-aħħar ġimgħa biddel totalment dak li kien ilu għaddej mis-17 ta’ Frar.  Il-pajjiż verament viċin għalina ħiereġ minn kapitolu li kien ilu fih tnejn u erbgħin sena u dieħel f’ieħor kompletament differenti.  Hemm ħafna xogħol li jrid isir minn dan il-poplu Libjan.  Il-pajjiż huwa sinjur, biss minn din l-esperjenza qiegħed joħroġ imfarrak, b’diffikultajiet u kumplikazzjonijiet xejn faċli.  Biss ir-riħ tal-libertà, il-kuraġġ li tqum kontra t-tirannija, il-bżonn tal-ġustizzja u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, ladarba jkollhom l-ispazju, jimirħu u jirbħu.

2.    Il-gwerra ċivili fi ħdan dan il-poplu qed tħalli warajha mewt, distruzzjoni u instabilità kbira.  Il-feriti li nfetħu mhux ser jingħalqu malajr.  Hemm snin quddiemna fejn l-armi li nxterdu faċilment min-nies, ser jibqgħu jiġu użati sabiex jingħalqu l-“kontijiet”.  Żgur mhux forsi, dawk kollha li ilhom is-snin jissaportu, jibqgħu lura, jsofru, jiġu arrestati, jaraw lil nieshom jiġu msakkra jew jinqatlu, issa ser joħorġu.  Dak li ser jiġri mhux faċli li tipprevedih.  Hemm ħafna sfidi li jridu jiġu kkonfrontati u ssuperati.  Kollox jiddependi mill-abbiltajiet tal-mexxejja preżenti u futuri.

3.    F’dan kollu għad fadal il-kapitolu tal-persuna li ddomina u mexxa lil dan il-pajjiż.  Jekk jinqabad, jekk jaħrab, jekk jipprova jmut fil-kamp tal-battalja għad irridu naraw.  Li hu żgur hu li l-poter ħareġ minn idejh darba għal dejjem u ma jistax jieħdu lura.  Il-bidla hija inevitabbli, però jista’ jkompli jħabbathom.  Il-mexxejja tal-Kunsill Nazzjonali Transitorju għandhom x’ikomplu jaffrontaw f’dan.  Il-kapaċitajiet tagħhom, l-użu tat-talenti hawn iridu jkomplu joħorġu.  Kull pass li qiegħed jiġi meħud huwa, f’ħafna sens, determinanti għall-futur tagħhom ilkoll.  Hemm diffikultajiet interni, ta’ fiduċja, ta’ viżjoni u ta’ appoġġ popolari.  Biss, f’dan il-mument huma l-persuni li ħarġu għonqhom u affrontaw il-kumplikazzjonijiet kollha ta’ bnedmin armati li m’humiex dixxiplinati f’armata.

4.    Pajjiżna, tul dawn ix-xhur twal segwa, sofra u ra kif jista’ jassisti fid-direzzjoni t-tajba.  Aħna, li aħna l-iktar pajjiż Ewropew viċin, irnexxielna nieħdu l-passi neċessarji sabiex issir is-sewwa.  Konna proattivi b’ħidma kuraġġuża u kompletament umanitarja.  L-evakwazzjoni ta’ diversi ċittadini mid-dinja kollha ġiet kollha kordinata mill-uffiċjali tagħna.  Dan bid-diffikultajiet loġistiċi, diplomatiċi u umani.  Pajjiżna ħadem bil-għaqal sabiex nissudaw ir-relazzjonijiet tagħna ma’ dan il-poplu viċin ħafna tagħna.  Kull jum ġieb miegħu deċiżjonijiet diffiċli ħafna f’ħoġor il-Prim Ministru u dawn ikkonfrontahom b’responsabbiltà, bi prudenza u bl-esperjenza.

5.    Il-pajjiż għandu għalxiex ikun kburi bil-Prim Ministru li għandna.  Tul dawn l-aħħar xhur sibtni diversi mumenti viċin tiegħu, flimkien mal-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg u stajt nara direttament il-prudenza, il-kuraġġ u l-viżjoni li mexxewh biex jieħu d-deċiżjonijiet li f’ebda stadju ma kienu faċli.  Fl-istorja ta’ dan il-poplu indipendenti, ebda mexxej ieħor ma sab lilu nnifsu jrid jaffronta din il-kobba tant imħabbla.  L-interessi ta’ pajjiżna nżammu b’mod ċar quddiemu, mingħajr ma tilef il-prinċipji tas-solidarjetà u rispett lejn dan il-poplu viċin tagħna.  Il-paċi interna u s-serenità ggwidawh kontinwament fid-diversi  mumenti iebsa li ra ma’ wiċċu.

6.    L-esperjenza politika, il-karriera tiegħu fid-diversi pożizzjonijiet li okkupa minn Speaker tal-Kamra tad-Deputati, għal Segretarju Ġenerali, għal Viċi Prim Ministru u mbagħad Prim Ministru ġew kollha għall-vantaġġ ta’ dan il-poplu f’sitwazzjoni taħraq nar.  Jekk hemm xi ħadd li qed jaqrani u jaħseb li t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż tista’ ssir minn kulħadd għax hija xi ħaġa faċli qiegħed iqarraq bih innifsu.  Il-pajjiż m’għadux fil-bidu imma ‘l quddiem b’sehem determinanti fix-xenarju Ewropew u internazzjonali.  Biss l-isfidi li għandna quddiemna kif qed naraw ma spiċċawx anżi komplew kibru fil-komplikazzjonijiet.  Il-pajjiż qiegħed jitmexxa tajjeb, iħares ‘il quddiem u jagħraf jiddistingwi bejnis-sewwa u dak li mhuwiex.  Il-kapitolu Libja huwa miftuħ beraħ.  Hemm ħafna potenzjal għall-ġid tar-rapporti soċjali u kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi u dan mertu ta’ Lawrence Gonzi, li ma żgarrax waħda bir-responsabbiltà, bil-prudenza u l-esperjenza li huwa mżejjen bihom.


KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...