1. F’dawn l-aħħar jiem, ix-xenarju politiku għadda minn mumenti interessanti. Dawk li ġejjin, m’hemmx dubju li ser ikomplu jimmeritaw l-attenzjoni tal-poplu u tal-pajjiż. Huwa mill-iktar evidenti l-kuntrast f’dak li qed jiġri. Il-Partit Laburista mitluf jiġri kemm jiflaħ, tilef rasu u fl-eċċitament tal-mument għandu issa f’moħħu li, huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi tal-pajjiż, irid bilfors jisforza elezzjoni ġenerali. Il-Partit Nazzjonalista żamm il-kalma u baqa’ saqajh mal-art. Il-konsiderazzjonijiet politiċi huma ħaġa, però l-ġid tal-poplu huwa ferm iktar importanti.
2. Nistqarr li skantajt kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, li beda fuq triq tajba li kienet qed tindika bidu ta’ sinjali ta’ maturità, qabad u biddel ħabta u sabta. Fil-fatt, fil-ġimgħa li għaddiet beda b’linja ta’ kawtela u attenzjoni. M’hemmx dubju li hemm l-odjożità ta’ dawn iċ-ċirkostanzi u mexxej ġdid irid joqgħod ferm attent f’dak li qed jagħmel għall-eventi tal-futur. Sa dak il-ħin kienet qegħda tingħata l-impressjoni li l-partit f’idejh però iktar tard, preċiżament il-Ġimgħa filgħodu dan kollu, ħabta u sabta, dar.
3. Minn linja ta’ attenzjoni, f’daqqa waħda deher ċar li l-irwiefen daru u dak li kien ilu jirreżisti, għelbu. Fil-grupp parlamentari jidher li l-parti l-antika u maġġoritarja dawret minn attenzjoni għal sogru u riskju. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet li saru mill-Kap tal-Oppożizzjoni nbidlu minn “le” għal “forsi” għal “iva”. M’hemmx dubju li wara dan hemm membri li għandhom il-leblieba għall-poter, dawk li ġejjin mill-paġni tal-istorja ta’ dawn l-aħħar tletin sena, li għadhom jiddominaw u mir-riżultati jiddettaw kif u x’għandu jagħmel.
4. Il-kalma, ir-raġuni li għandhom jiggwidaw mexxejja politiċi f’mumenti bħal dawn ma tantx rajthom jirbħu fil-Partit Laburista. Anzi, hemm għaġġla, rabja u bżonn evidenti ta’ deċiżjoni politika li flok issir kif għandha ssir, issir bil-ħatfa, “snatch and grab”. Ħadd ma jista’ b’xi mod jgħid li s-sitwazzjoni politika hija faċli, biss kif tersaq lejha, kif taffrontaha huwa determinanti sija għall-pajjiż, kif ukoll għall-kredenzjali ta’ min imexxi. Ngħid dan għax minflok, fuq in-naħa l-oħra nara l-aġir umli, kalm, determinat u ffukat li l-Prim Ministru żamm il-ħin kollu.
5. Flok ma telaq jiġri, kif seta’ għamel, flok ippreċipita b’mozzjonijiet ta’ malajr, tal-għaġġla, ħa ħsieb li jimxi bil-kawtela dovuta. Anzi, minkejja l-baħar imqalleb żamm lilu nnifsu ffukat, jaħdem għall-ġid tal-poplu u fl-istess ħin jara li s-suġġett jiġi diskuss u dibattut fil-partit, kif inhuwa xieraq u mistenni minn mexxej tajjeb u sod. Ħadd ma jista’ b’xi mod jiċħad il-fatt li Lawrence Gonzi ra inkwiet politiku ferm iktar qawwi minn dawk li ġew qablu u daqstant ieħor ħadd ma jista’ jiċħad li żamm il-kalma u l-paċi interna tiegħu. Anke l-viżta tiegħu barra, li xi wħud ikkritikaw, kienet indikazzjoni mill-iktar ċara li dmiru jrid ikompli jwettqu. Hija ħasra li bil-mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni l-ġid ekonomiku li kien ser jinġieb, issa mertu ta’ dan l-aġir żbaljat, ser jintilef.
6. Meta x-xenarju politiku jibda jbaqbaq b’iktar intensità mis-soltu, l-mexxej it-tajjeb irid joqgħod attent li ma jitkaxkarx u minflok jaġixxi bil-kalma, bir-raġuni, fil-paċi, ma jitlifx rasu u jintilef fl-ordni tal-prijoritajiet veri. Il-Gvern għamel diġà ferm u ferm iktar minn ħaddieħor. Żamm l-ekonomija għaddejja, żamm id-dinja tax-xogħol tikber, assigura li l-benefiċċji soċjali mhux talli ma jitnaqqrux, imma jiżdiedu. Tant dan huwa minnu li l-mozzjoni ta’ sfiduċja tal-Oppożizzjoni hija xotta daqs il-frawli, ma għandha ebda motivazzjoni, ebda raġuni, ebda aġir gravi. Anzi, hija proprju ċertifikat favur ħidmietna. Anki f’dawn il-jiem, il-partiti u l-kapijiet tagħhom jikxfu dak li huma. Huwa mill-iktar evidenti li Lawrence Gonzi baqa’ kalm u umli u l-poplu jaf li fuq dawn il-kwalitajiet jitkattru l-paċi u l-istabilità.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment