
2. Il-mibki u magħruf Erin Serracino Inglott, f’ “Il-Miklem Malti” tiegħu jikteb li l-għira hija “stat, qagħda ta’ min jgħir; xewqa li wieħed ikun aħjar minn ħaddieħor; emulazzjoni; rieda jew sensazzjoni qawwija li wieħed iħoss; fil-qasam ta’ xogħolu; li jiżboq lill-oħrajn kollha, l-iktar lil min jarah meqjus aktar minnu, minn ta’ fuqhom”. L-għira hija perikoluża, tipprova tagħrax lil kull persuna. Tkerrah is-sentimenti t-tajba u tkabbar dawk ħżiena. Jekk ma tiġix kontrollata mill-bidu taf taħkem lil dak li jkun. Tagħmel minnu dak li ma jridx, dak li anqas huwa stess ma jkun jaf li qiegħed iwettaq. Sfortunatament, diversi jaqgħu f’din in-nassa, speċjalment dawk li jaraw is-suċċess ta’ ħaddieħor u jgħarfu li ma jistgħux jilħquh. Dawn jispiċċaw maħkuma, mitlufa u strument ta’ aġir żbaljat. Aġir li minnu ma jitwieled xejn.
3. In-nies ta’ dawn il-gżejjer ilhom jafu bl-għira minn żmien żemżem. Tant li, missirijietna kienu jgħidu (u naħseb tajjeb ħafna), l-ewwel li “L-għira titrod wara l-għaref qisu dellu miexi warajh”, kif ukoll “L-għira tan-nies iġġib mibgħeda bla qies”. Dan huwa kollu minnu, kif diversi persuni li sfortunatament iħallsu prezz għal dan l-istat f’qalb ħaddieħor, jistgħu jixhdu għalih. Hemm dawk li jħarsu lejk bl-ikrah u dawk li wiċċhom qiegħed fi stat perenni hekk. Numru ta’ persuni, flok jammettu n-nuqqas tagħhom, jikkonvinċu ruħhom li huma oħrajn li għamlulhom u naqsuhom. Il-verità trid f’dan tibqa’ ma tingħadx, u dan għax l-għira tgħix u tikber meta l-verità toħroġ barra mit-tieqa.
4. Nikteb dan għax f’dawn l-aħħar xhur, speċjalment f’dawn l-aħħar jiem, l-għira rajtha tikber wisq. Ħakmet lil diversi sabiex ġiebet magħha l-mibgħeda. Wisq sentimenti ta’ għira, vendikazzjoni u mibgħeda ħarġu fil-miftuħ. Wisq bnedmin intilfu jgħajru u jippruvaw iċekknu l-ġieħ tal-oħrajn għar-raġunijiet varji tagħhom u ġew użati mezzi, metodi varji. Uħud marru direttament lejn il-persuna, il-kwalitajiet tagħha. Oħrajn denigrazzjoni totali u sistematika. Daqqa kliem iebes, daqqa żebliħ. Il-ħsara ssir, it-tajn jinxeħet u xi ftit jeħel. Huwa verament tal-mistħija li nisimgħu u naqraw dawn l-affarijiet. Atti li jagħmlu wisq ħsara lit-tessut soċjali tagħna lkoll.
5. Sfortunatament, għandna mezzi ta’ komunikazzjoni li minn filgħodu sa filgħaxija jridu l-ħin kollu, mhux b’mod leġittimu, jikkritikaw u jsaħħnu lin-nies u lill-poplu. Isaħħnu billi l-ħin kollu jilgħabu bis-sentimenti tal-għira. Dak li qiegħed isir mill-Gvern tal-ġurnata jrid jitpinġa mhix biss bħala ħażin, li ma jkunx, imma li ħaddieħor qiegħed jieħu dak li inti m’intix. Il-ġlied bejn il-klassijiet jikber minn dan. Mhux xi proċess ta’ kompetizzjoni salutari jew kollaborazzjoni, imma risentimenti. F’dan kollu, kull partit għandu fuqu r-responsabbiltà tiegħu. Jista’ jaħrabha. Jista' jaħseb, kif qiegħed manifestament jagħmel il-Partit Laburista, li dak li qed isaħħan illum għada mhux se jsibu. Min jiżra l-għira s-sikrana jsib u minnha ma jista’ jieħu xejn ħlief li jaħraqha.
6. Dan il-Gvern, bid-diffikultajiet straordinarji kollha tiegħu, baqa’ jaħdem sabiex iwettaq is-sewwa. Baqa’ jirreġistra suċċess wara ieħor fl-ekonomija, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u sar il-mira tal-għira. Ir-realtà hija li din it-tmexxija ġiebet l-għira f’qalb min ma jridx iħalliha tikber għax irnexxielha turi bil-fatti li kienet, u għadha, kapaċi tbiddel u tmexxi ‘l quddiem lil dan il-poplu. Dan huwa ċar u evidenti quddiem għajnejn dawk li jgħarblu sewwa. Il-Partit Nazzjonalista għandu l-iżvantaġġ preżenti ta’ membri fi ħdanu li m’għadhomx fi triqtu u tilfu l-boxxla, però għandu vantaġġi ferm ikbar. L-ewwel, l-abbiltà u l-esperjenza indiskussa tat-tmexxija tal-Kap, Lawrence Gonzi. M’hemmx ħaddieħor li kapaċi jmexxi f’dan il-mument diffiċli. It-tieni, il-perseveranza u d-determinazzjoni tal-persuni madwaru li jservu lill-pajjiż u lill-poplu kull ġurnata, b’attenzjoni. Ma hemmx dubju li din il-ħidma ġiebet l-għira ta’ diversi. Nafuha. Irridu biss nikkumbattuha bis-sewwa, mingħajr ma nwieġbu b’azzjonijiet żbaljati għal dawk li l-għira tikkmanda.
No comments:
Post a Comment